KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑10 ta’ Lulju 2025 ( 1 )
Kawża C‑258/24
Katholische Schwangerschaftsberatung
vs
JB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon – Artikolu 4(2) – Attivitajiet professjonali fi knejjes u organizzazzjonijiet oħrajn li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin – Reliġjon li tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni – Tkeċċija ta’ impjegata minħabba li telqet mill-Knisja Kattolika – Artikolu 17 TFUE – Artikoli 10 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ). It-talba tressqet mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), fil-kuntest tal-proċeduri bejn Katholische Schwangerschaftsberatung, assoċjazzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika Ġermaniża, u JB, ex-impjegata Kattolika ta’ din l-assoċjazzjoni. JB tkeċċiet minħabba d-deċiżjoni tagħha li titlaq mill-Knisja Kattolika, li, hija tiddikjara, kienet minħabba n-nuqqas ta’ rieda tagħha li tħallas il-miżata speċjali imposta minn din il-knisja fuq persuni li jgħixu ma’ konjuġi bi qligħ għoli, ta’ reliġjon differenti. |
|
2. |
Din il-kawża ssegwi direttament is-sentenzi Egenberger ( 3 ) u IR ( 4 ), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet gwida rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk reliġjon ta’ persuna tistax tikkostitwixxi rekwiżit professjonali fejn attivitajiet professjonali jitwettqu fi knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati li l-etos tagħhom ikun ibbażat fuq ir-reliġjon ( 5 ). Din il-kawża għalhekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti kjarifika ulterjuri dwar il-kundizzjonijiet li dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi għandhom jissodisfaw sabiex jistrieħu b’suċċess fuq id-derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament elenkati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari dawk stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. B’rabta ma’ dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iż-żewġ dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri (i) l-Artikolu 17 TFUE, li b’mod jiddikjara li l-Unjoni trid tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus taħt id-dritt nazzjonali li jgawdu minnu l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri, u (ii) l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 6 ), li jistabbilixxi espressament il-libertà tal-individwu li jbiddel ir-reliġjon. |
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
|
3. |
Katholische Schwangerschaftsberatung, l-appellanti fil-kawża prinċipali ( 7 ), hija assoċjazzjoni professjonali tan-nisa fil-Knisja Kattolika fil-Ġermanja. L-għan tagħha huwa li tgħin lit-tfal, lin-nies ta’ età żgħira, lin-nisa u lill-familji tagħhom f’ċirkustanzi partikolari. Fost il-kompiti differenti li twettaq, hija tipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil nisa tqal, b’mod partikolari fir-rigward tal-abort. |
|
4. |
Il-kuntratti ta’ impjieg li l-appellanti tistabbilixxi mal-impjegati tagħha jagħmlu riferiment speċifiku għall-Grundordnung des kirchlichen Dienstes im Rahmen kirchlicher Arbeitsverhältnisse (ir-Regolament Bażiku dwar Relazzjonijiet ta’ Impjieg fis-Servizz tal-Knisja) tat‑22 ta’ Settembru 1993 ( 8 ). Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li l-Knisja Kattolika tapplika għar-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħha fil-Ġermanja u jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-obbligi tal-impjegati fir-rigward ta’ lealtà u mġieba. |
|
5. |
Skont ir-Regolament Bażiku, ksur serju tad-dmir ta’ lealtà jista’ jirriżulta fit-tkeċċija ta’ impjegat ( 9 ). Għal kull impjegat, Kattoliku jew mhux Kattoliku, ksur tad-dmir ta’ lealtà jitqies serju fejn persuna topponi pubblikament il-prinċipji fundamentali tal-Knisja Kattolika, pereżempju billi tippromwovi l-abort jew il-ksenofobija ( 10 ). Għall-impjegati Kattoliċi, id-defezzjoni mill-Knisja Kattolika jikkostitwixxi, barra minn hekk, ksur serju ta’ dak id-dmir ( 11 ). |
|
6. |
JB hija omm ta’ ħamest itfal u ġiet impjegata mill-appellanti mill‑2006 bħala, inter alia, konsulenta fi proġetti li jikkonċernaw it-tqala. F’Ottubru 2013, waqt li kienet fuq leave parentali, JB informat lill-awtorità muniċipali kompetenti dwar l-intenzjoni tagħha li titlaq mill-Knisja Kattolika. Fid-dawl tal-piż finanzjarju fuq il-familja tagħha, l-iskop primarju tagħha kien li tiġi eżentata mill-ħlas tal-miżata addizzjonali tal-knisja li għaliha kienet suġġetta bħala persuna Kattolika miżżewġa ma’ konjuġi bi qligħ għoli, fi żwieġ bi twemmin imħallat. |
|
7. |
Meta ġiet informata b’din id-deċiżjoni, l-appellanti l-ewwel ipprovat tipperswadi lil JB, meta rritornat mil-leave parentali tagħha, sabiex tingħaqad mill-ġdid mal-Knisja Kattolika, billi ssegwi l-passi stabbiliti fir-Regolament Bażiku ( 12 ). Mar-rifjut ta’ JB, l-appellanti keċċietha f’Ġunju 2019 minħabba li kienet tal-fehma li d-deċiżjoni tagħha kien ksur serju tad-dmir ta’ lealtà tagħha skont dan ir-regolament. Fid-data tat-tkeċċija, it-tim ta’ konsulenza tal-appellanti dwar l-abort kien magħmul minn sitt persuni, li minnhom tnejn kienu membri tal-Knisja Evanġelika. |
|
8. |
JB ikkontestat id-deċiżjoni tal-appellanti quddiem il-qrati industrijali inferjuri fil-Ġermanja. L-azzjoni tagħha għal tkeċċija inġusta ntlaqgħet u ġie ordnat il-ħlas ta’ kumpens favuriha. L-appellanti għalhekk ressqet kawża quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, bil-għan li jiġu annullati d-deċiżjonijiet taż-żewġ l-qrati industrijali inferjuri. |
|
9. |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, it-tkeċċija ta’ JB tikkostitwixxi differenza fit-trattament li, bħala prinċipju, tammonta għal diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha. Din il-qorti għandha dubji, madankollu, dwar jekk id-derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbiliti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jew, sussidjarjament, l-Artikolu 4(1) tagħha, humiex applikabbli f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. |
|
10. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li essenzjalment jirreferi għal rekwiżiti professjonali ġenwini, leġittimi u ġġustifikati bbażati fuq ir-reliġjon ta’ persuna, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix dwar jekk l-appellanti hijiex organizzazzjoni reliġjuża skont it-tifsira ta’ dan is-subparagrafu. Madankollu, dik il-qorti tistaqsi dwar jekk jistax jikkostitwixxi rekwiżit professjonali skont din id-dispożizzjoni l-fatt li wieħed jibqa’ f’komunità partikolari, jew li jingħaqad mill-ġdid ma’ din il-komunità wara li jkun telaq minnha. Fir-rigward tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-appellanti ma kinitx issuġġettat it-twettiq tal-attività professjonali inkwistjoni għal sħubija fil-Knisja Kattolika. Lanqas ma kienet teħtieġ li l-impjegati tagħha jkunu membri ta’ komunità reliġjuża. Madankollu, it-tluq mill-Knisja Kattolika huwa, skont id-dritt kanoniku, wieħed mill-iktar reati serji kontra l-fidi u l-unità ta’ din il-knisja. Għalhekk, meħuda inkunsiderazzjoni l-awtonomija tal-knejjes irrikonoxxuta mill-Artikolu 17 TFUE, il-qorti tar-rinviju ma tistax telimina għalkollox, li meta impjegat jitlaq mill-Knisja Kattolika, dan ma jibqax idoneu għal xogħol fi ħdan tali knisja. |
|
11. |
It-tieni nett, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li jirreferi għad-dritt tal-knejjes li jeħtieġu lill-impjegati tagħhom jaġixxu in bona fide u b’lealtà lejn l-etos tal-organizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kliem ta’ dan is-subparagrafu jeħtieġ b’mod espliċitu li jiġu ssodisfatti l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. Dan ifisser li kwalunkwe deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta taħt it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 tiddependi fuq l-eżami tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tiegħu, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi Egenberger u IR. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji dwar jekk il-kliem ta’ dak it-tieni subparagrafu jfissirx li d-dmir li wieħed jaġixxi in bona fide u b’lealtà jikkonċernax l-etos tal-knisja li tagħha tkun membru organizzazzjoni reliġjuża, jew l-organizzazzjoni nnifisha bħala persuna li timpjega. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, pereżempju, impjegat jista’ jkun li aġixxa in mala fide lejn il-Knisja Kattolika billi telaq minn din il-knisja; madankollu, dan mhux bilfors ikun aġixxa in mala fide lejn il-persuna li timpjegah, li l-etos tagħha għandu jiġi osservat minn dan l-impjegat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
|
12. |
It-tielet nett, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, li japplika għal rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti, sakemm l-għan tagħhom huwa leġittimu u li jkunu proporzjonati, il-qorti tar-rinviju tinnota li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li jiġu eżaminati dawn il-kriterji fir-rigward tal-etos tal-persuna li timpjega, iżda fid-dawl tan-natura oġġettiva tal-attivitajiet professjonali kkonċernati u tal-kuntest li fih jitwettqu. Minn din il-perspettiva, ma jidhirx li jkun oġġettivament neċessarju li wieħed jibqa’ membru tal-Knisja Kattolika sabiex jaħdem fil-konsulenza tat-tqala. Madankollu, għall-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eliminat il-fatt li l-etos ta’ organizzazzjoni bbażata fuq prinċipji reliġjużi jista’ jitqies bħala rekwiżit oġġettiv fis-sens ta’ dak l-artikolu. F’dan il-kuntest, għal darba oħra, l-awtonomija tal-knejjes, kif protetta mill-Artikolu 17 TFUE, għandha wisq probabbilment tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
13. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
14. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Ellenika, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Inżammet seduta fis‑17 ta’ Marzu 2025 quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha ħadu sehem il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
III. Evalwazzjoni
|
15. |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. |
|
16. |
Anki jekk l-ebda waħda minn dawn id-domandi preliminari ma tagħmel riferiment għal dispożizzjoni konkreta ta’ din id-direttiva, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li, permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi kkonstatat jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jew, sussidjarjament, l-Artikolu 4(1) tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tkeċċija ta’ impjegat minn organizzazzjoni reliġjuża minħabba d-deċiżjoni ta’ dan l-impjegat li jitlaq mill-knisja li minnha tifforma parti din l-organizzazzjoni, tammonta għal diskriminazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi din id-domanda preliminari fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ attività professjonali li l-eżekuzzjoni tagħha ma kinitx suġġetta għall-isħubija fil-knisja kkonċernata u ma kinitx tipprojbixxi lill-impjegat milli jaġixxi pubblikament kontra l-etos ta’ din il-knisja. Fil-każ li jiġi kkonstatat li ma hemm ebda diskriminazzjoni f’tali każ, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, tispeċifika r-rekwiżiti, jekk hemm, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata tali differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon. |
|
17. |
F’dawn il-konklużjonijiet, skont is-sekwenza tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, ser neżamina, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, jekk sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju tistax tkun koperta mid-derogi li jinsabu fiż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. Fil-każ li ebda waħda mid-derogi ma tapplika, sussegwentement ser neżamina jekk id-deroga li tidher fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tistax tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ser neżamina t-tieni domanda preliminari biss jekk jiġi kkonstatat li waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli, li hija l-premessa essenzjali li fuqha tistrieħ din id-domanda preliminari. |
A. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78
|
18. |
L-għan tad-Direttiva 2000/78, kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tagħha, huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u max-xogħol, bl-iskop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 13 ). Kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/78 għalhekk hija espressjoni speċifika, fil-qasam kopert minnha, tal-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta ( 14 ). |
|
19. |
Barra minn dan, il-qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni stabbilit mid-Direttiva 2000/78, fih, fl-Artikolu 4(2) tagħha, dispożizzjoni speċifika li tindika d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq reliġjon fil-każ ta’ attivitajiet professjonali fi knejjes u f’organizzazzjonijiet reliġjużi. |
|
20. |
B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li Stati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, fil-każ ta’ attivitajiet professjonali fi knejjes u f’organizzazzjonijiet reliġjużi, differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon ta’ persuna ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni. Sabiex dan ikun il-każ, dan is-subparagrafu jeħtieġ li r-reliġjon tal-persuna tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, meta jitqies l-etos ta’ dik l-organizzazzjoni. Barra minn dan, din id-differenza fit-trattament għandha tiġi implimentata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kostituzzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u ma għandhiex tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni fuq bażi oħra. |
|
21. |
Min-naħa tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jiddikjara, essenzjalment, li, sakemm id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu f’kull każ irrispettati, din id-direttiva ma għandhiex tippreġudika d-dritt tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn li, konformement mal-kostituzzjonijiet u l-liġijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impjegati tagħhom sabiex jaġixxu in bona fide u b’lealtà lejn l-etos tal-organizzazzjoni. |
|
22. |
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-legalità, mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon hija suġġetta għall-eżistenza oġġettivament verifikabbli ta’ rabta diretta bejn ir-rekwiżit professjonali impost mill-persuna li timpjega u l-attività kkonċernata ( 15 ). Konsegwentement, knisja jew kwalunkwe organizzazzjoni reliġjuża oħra tista’ tittratta lill-impjegati tagħha b’mod differenti fuq il-bażi ta’ reliġjon biss jekk, fid-dawl tan-natura tal-attività professjonali jew tal-kuntest li fih din l-attività titwettaq, ir-reliġjon inkwistjoni tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ dik il-knisja jew organizzazzjoni ( 16 ). |
|
23. |
Iktar speċifikament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fl-ewwel lok, li l-użu tal-aġġettiv “ġenwin” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 ifisser li l-appartenenza għar-reliġjon li fuqha huwa bbażat l-etos tal-knisja jew organizzazzjoni għandha tkun neċessarja minħabba l-importanza tal-attività professjonali inkwistjoni għall-affermazzjoni ta’ dan l-etos jew għall-eżerċizzju mill-knisja jew mill-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għall-awtonomija, kif irrikonoxxut mill-Artikolu 17 TFUE ( 17 ). |
|
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li l-użu tal-kelma “leġittimu” juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan li jiżgura li r-rekwiżit dwar ta’ appartenenza fir-reliġjon jew fit-twemmin li fuqha huwa bbażat l-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni ma jintużax għal finijiet oħra li ma għandhom ebda rabta ma’ dan l-etos jew mal-eżerċizzju mill-knisja jew mill-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għal awtonomija ( 18 ). |
|
25. |
Fl-aħħar nett, it-terminu “ġġustifikat” jimplika mhux biss li qorti nazzjonali tista’ tistħarreġ jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 humiex qegħdin jiġu osservati, iżda wkoll li l-knisja jew l-organizzazzjoni li imponiet ir-rekwiżit professjonali għandha l-obbligu li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ individwali, li l-allegat riskju ta’ ksur tal-etos tagħha jew tad-dritt tagħha għall- awtonomija huwa probabbli u serju, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit hija meħtieġa ( 19 ). |
|
26. |
F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, bħala punt preliminari, li t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, mill-perspettiva tal-qorti tar-rinviju, differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma ulterjuri li din id-differenza fit-trattament tammonta għal diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, minħabba li, essenzjalment, it-tkeċċija ta’ JB ma ġietx deċiża fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtrali, iżda fuq il-bażi ta’ regola li tapplika esklużivament għall-impjegati li huma membri tal-Knisja Kattolika u mhux għall-impjegati li huma membri ta’ reliġjon oħra jew li saħansitra ma huma membri ta’ ebda reliġjon. |
|
27. |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ), il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, jekk differenza fit-trattament tammontax għal diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78. Hija wkoll dik il-qorti li għandha tiddetermina jekk id-diskriminazzjoni inkwistjoni għandhiex tiġi kkategorizzata bħala diretta, skont is-subparagrafu (a) ta’ dik id-dispożizzjoni, jew indiretta, skont is-subparagrafu (b) tagħha. |
|
28. |
Minn dan isegwi li, anki jekk l-appellanti tikkontesta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju rigward id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tikkunsidra din il-kwistjoni, minħabba li l-ebda waħda mid-domandi preliminari magħmula ma tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78. L-istess huwa minnu fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju – li ma ġiet imqiegħda inkwistjoni minn ebda waħda mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – li l-appellanti taqa’ taħt il-kategorija ta’ organizzazzjoni reliġjuża fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. |
|
29. |
Fir-rigward tat-tliet kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li japplikaw għar-rekwiżiti professjonali indikati f’din id-dispożizzjoni, huwa importanti li jiġi osservat li dawn huma kumulattivi. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-deroga li tinbet minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon. |
|
30. |
Dan huwa l-każ f’din is-sitwazzjoni, fejn, fil-fehma tiegħi, rekwiżit professjonali li jobbliga lill-impjegati li jappartjenu għal knisja ma jitilqux minnha, sabiex jevitaw tkeċċija, ma jissodisfax il-kriterju ta’ ġenwinità stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl ta’ attività professjonali bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
31. |
Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex il-kriterju ta’ ġenwinità jiġi ssodisfatt, rekwiżit professjonali għandu jkun, l-ewwel u qabel kollox, neċessarju minħabba l-importanza tal-attività professjonali inkwistjoni għall-promozzjoni tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni reliġjuża jew għall-eżerċizzju mill-knisja jew mill-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għal awtonomija. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, għandha ssir evalwazzjoni dwar jekk dan il-kriterju ġiex issodisfatt b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attività professjonali u l-kuntest li fih din l-attività titwettaq. Essenzjalment, dan ifisser li rekwiżit professjonali jitqies li huwa ġenwin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fejn, minħabba n-natura u l-kuntest li fihom titwettaq l-attività professjonali, il-fatt li impjegat ma jkunx jappartjeni għal reliġjon irendi lill-impjegat ikkonċernat mhux idoneu sabiex iwettaq din l-attività, fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni. |
|
32. |
Madankollu, rekwiżit professjonali li jikkonsisti fl-appartenenza kontinwa fi knisja ma jistax jitqies li huwa essenzjali fejn organizzazzjoni reliġjuża, li taġixxi bħala persuna li timpjega, ma tissuġġettax l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għall-kundizzjoni ta’ din l-appartenenza u fejn, barra minn hekk, din l-organizzazzjoni timpjega lil persuni ta’ reliġjon differenti sabiex iwettqu din l-attività. |
|
33. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddikjarat li, f’tali każ, ma hemm ebda bżonn li jiġi vverifikat, preliminarjament, jekk l-attività professjonali inkwistjoni hijiex importanti għall-affermazzjoni tal-etos tal-organizzazzjoni reliġjuża jew għall-eżerċizzju min-naħa tagħha, tad-dritt tagħha għall-awtonomija. Hija wara kollox l-organizzazzjoni reliġjuża nnifisha li kkonċepiet u fissret in-natura tal-attività professjonali fis-sens li ma tirrikjedix l-appartenenza għal knisja, għall-eżekuzzjoni ta’ din l-attività. Barra minn dan, huwa evidenti li, fejn il-persunal impjegat fl-attività professjonali huwa magħmul minn membri ta’ komunitajiet reliġjużi differenti, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kuntest li fih titwettaq din l-attività wkoll ma jippermettix li jitqies li l-permanenza fi knisja tikkostitwixxi obbligu ġenwin li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jrendi lill-impjegat mhux idoneu għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. |
|
34. |
Madankollu, l-appellanti fil-kawża prinċipali ssostni li l-fatt li l-impjegati involuti f’attività professjonali ma humiex meħtieġa li jappartjenu għal knisja speċifika ma huwiex ekwivalenti għal rekwiżit li wieħed ma jitlaqx minn din il-knisja fil-bidu u matul ir-relazzjoni ta’ impjieg. Konformement mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-appellanti fil-kawża prinċipali tinnota, essenzjalment, li l-abbandun tal-Knisja Kattolika huwa, skont id-dritt kanoniku, wieħed mill-iktar reati serji kontra din il-knisja. Dan ġie rrikonoxxut mid-dritt kostituzzjonali Ġermaniż, b’mod partikolari, fil-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), li rrikonoxxiet ulterjorment li d-defezzjoni mill-Knisja Kattolika tikkostitwixxi raġuni valida għal tkeċċija fid-dawl tad-dritt ta’ dik il-knisja għall-awtodeterminazzjoni. Għal din ir-raġuni, skont l-appellanti, minħabba l-awtonomija li, skont l-Artikolu 17 TFUE, għandha tiġi rrikonoxxuta lil knisja meta din tistabbilixxi r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħha fi Stat Membru, rekwiżit professjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jitqies bħala diskriminazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. |
|
35. |
F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar fil-qosor, preliminarjament, li l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi ( 21 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ), din in-newtralità hija diġà mdaħħla fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 ( 23 ), li huwa intiż li jiżgura bilanċ ġust bejn id-dritt għall-awtonomija ta’ knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn, kif irrikonoxxut, inter alia, fl-Artikolu 17 TFUE, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-ħaddiema li ma jkunux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta, f’sitwazzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jkunu kunfliġġenti ( 24 ). |
|
36. |
Huwa preċiżament minħabba dan il-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement ( 25 ), li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar li għandu jitwettaq sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet fundamentali kunfliġġenti. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jimplika li, fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, id-dritt għall-awtonomija tal-knejjes skont l-Artikolu 17 TFUE huwa suġġett għal kundizzjonijiet u li dan id-dritt ma jistax irendi bla tifsira l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta u, b’mod partikolari, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. |
|
37. |
F’din il-kawża, il-fatt jibqa’ li, fir-rigward tat-twettiq ta’ attività professjonali, u fejn ma jkunx hemm fatturi rilevanti oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, impjegat li telaq minn knisja speċifika jitqiegħed fl-istess pożizzjoni bħal impjegati oħrajn li ma jappartjenux għal dik il-knisja. Għaldaqstant, fejn organizzazzjoni reliġjuża stabbilixxiet b’mod awtonomu li l-attività professjonali kkonċernata tista’ titwettaq minn persuni li ma humiex membri ta’ knisja speċifika, iċ-ċirkustanza li impjegat abbanduna dik il-knisja ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan l-impjegat ma huwiex ser jibqa’ idoneu sabiex iwettaq din l-attività. |
|
38. |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa importanti li jiġi osservat li interpretazzjoni tad-dritt għal awtonomija skont l-Artikolu 17 TFUE fis-sens li tippermetti lil organizzazzjoni reliġjuża tkeċċi lil impjegat minħabba li telaq minn knisja speċifika, fil-kuntest speċifiku fejn l-isħubija f’din il-knisja ma hijiex neċessarja għat-twettiq ta’ attività professjonali, twassal sabiex, kif tindika l-qorti tar-rinviju, tiġi rtirata l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 mill-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Dan jikkontradixxi totalment il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Egenberger ( 26 ) u IR ( 27 ). |
|
39. |
It-tieni nett, huwa ċar li tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-libertà tal-individwu li jbiddel ir-reliġjon, li hija sanċita b’mod espliċitu fl-Artikolu 10(1) tal-Karta u li tikkorrispondi mal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 ( 28 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem interpretat din il-libertà fis-sens li tirrappreżenta waħda mill-fondazzjonijiet prinċipali ta’ soċjetà demokratika fis-sens tal-Konvenzjoni u tal-evidenza tal-pluraliżmu indissoċjabbli minn tali soċjetà, li jkopru, essenzjalment, mhux biss id-dritt li persuna tadotta jew tbiddel ir-reliġjon, iżda wkoll id-dritt li persuna tabbanduna din ir-reliġjon bir-rieda libera tagħha nnifisha ( 29 ). |
|
40. |
Fil-fehma tiegħi, għalhekk, l-osservanza tad-dritt ta’ knisja għall-awtonomija taħt l-Artikolu 17 TFUE ma tistax twassal li tbiddel il-bilanċ imfassal mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. Dan iseħħ kieku d-defezzjoni minn knisja jiġi kkunsidrat bħala raġuni valida għat-tkeċċija ta’ impjegat, f’sitwazzjoni fejn l-organizzazzjoni reliġjuża li taġixxi bħala persuna li timpjega ma ssuġġettatx it-twettiq tal-attività professjonali inkwistjoni għall-kundizzjoni ta’ appartenenza għal dik il-knisja. |
|
41. |
Barra minn dan, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, jista’ tabilħaqq ikun il-każ li l-fatt li impjegat telaq minn knisja speċifika jkun akkumpanjat min-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji u tal-valuri fundamentali ta’ din il-knisja, li, sussegwentement, jista’ jrendi lill-impjegat mhux idoneu sabiex iwettaq l-attività professjonali inkwistjoni. Bħala kwistjoni ta’ fatt, l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji u valuri fundamentali hija waħda mill-obbligi li, fil-każ tal-kawża prinċipali, l-impjegati kollha, Kattoliċi u mhux Kattoliċi mingħajr distinzjoni, għandhom josservaw meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom, skont ir-Regolament Bażiku ( 30 ). |
|
42. |
Madankollu, it-tluq minn din il-knisja waħdu ma huwiex bażi suffiċjenti sabiex jiġi preżunt li l-impjegat ikkonċernat ma għandux l-intenzjoni li jkompli josserva dawn il-prinċipji u valuri fundamentali u li huwa ser jieqaf awtomatikament milli jissodisfa l-obbligi li japplikaw għalih permezz tar-relazzjoni ta’ impjieg ( 31 ). L-istess huwa minnu fir-rigward tal-argument li t-tluq minn knisja partikolari jirriżulta fit-telfa ta’ kunfidenza fl-impjegat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-ħtieġa li tali impjegat jissodisfa r-rekwiżiti etiċi tal-knisja. Sabiex dan l-argument jiġi aċċettat, il-persuna li timpjega xorta waħda jkollha turi, fuq il-bażi ta’ fatti verifikabbli, li hemm dubji dwar jekk, bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-impjegat li jħalli l-knisja, dan ikun għadu jixtieq jew ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti professjonali stabbiliti mill-persuna li timpjegah. |
|
43. |
Minn dan isegwi li rekwiżit impost fuq impjegat sabiex ma jitlaqx minn knisja speċifika, jew sabiex jerġa’ jingħaqad magħha wara li jkun telaqha, ma jistax jitqies li huwa ġenwin, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, fejn l-organizzazzjoni reliġjuża li taġixxi bħala persuna li timpjega ma tirrikjedix sħubija f’din il-knisja għat-twettiq ta’ attività professjonali u l-impjegat ma jaġixxix b’mod pubblikament kuntrarju għall-etos ta’ din il-knisja. Għalhekk, l-eżistenza oġġettivament verifikabbli ta’ rabta diretta ma tistax tiġi stabbilita bejn rekwiżit professjonali u attività professjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
44. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jintuża bħala bażi xierqa għall-konklużjoni li differenza fit-trattament, bħal dik li tirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, mit-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tammontax għal diskriminazzjoni. Minħabba n-natura kumulattiva tal-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, ma hemm ebda bżonn ulterjuri li jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit professjonali jissodisfax il-kriterji addizzjonali l-oħrajn stabbiliti fiha, jiġifieri n-natura leġittima u ġġustifikata tiegħu. |
|
45. |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tan-natura ġġustifikata ta’ rekwiżit professjonali bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, ser niddikjara b’mod konċiż li, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, organizzazzjoni reliġjuża ma tissuġġettax it-twettiq ta’ attività professjonali għall-kundizzjoni ta’ sħubija fi knisja u, min-naħa l-oħra, l-impjegat ikkonċernat ma jaġixxix b’mod pubblikament kuntrarju għall-etos ta’ din il-knisja, wieħed diffiċilment jista’ jikkonċepixxi li t-tluq minn din il-knisja jistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju probabbli u sostanzjali li jiġi ppreġudikat l-etos u l-awtonomija tagħha, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, jiena tal-fehma li, anki jekk ir-rekwiżit professjonali kkonċernat fil-kawża prinċipali jista’ jitqies li huwa leġittimu, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala ġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. |
|
46. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jistax jikkostitwixxi bażi xierqa biex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, huwa importanti li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni tiddikjara li d-Direttiva 2000/78 ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ knejjes u ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn milli jeħtieġu li l-impjegati tagħhom jaġixxu in bona fide u b’lealtà lejn l-etos tal-organizzazzjoni. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dan is-subparagrafu tibda bil-kliem “[s]akemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati”, li jfisser li l-applikazzjoni ta’ dan it-tieni subparagrafu għandu josserva, inter alia, il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu ( 32 ). |
|
47. |
F’din il-kawża, mingħajr ma jkun hemm bżonn ulterjuri li jiġi eżaminat jekk it-tluq minn knisja speċifika jistax iwassal għal att ta’ mala fide jew aġir żleali fir-rigward tal-etos ta’ dik il-knisja, għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, il-fatt jibqa’ li rekwiżit professjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu wkoll jiġi eskluż bħala bażi xierqa biex jitqies li differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni. |
B. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78
|
48. |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni fejn, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali speċifiċi kkonċernati jew tal-kuntest li fihom twettqu, tali karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, sakemm l-għan huwa leġittimu u r-rekwiżit huwa proporzjonat. |
|
49. |
Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex differenza fit-trattament titqies bħala “rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti” għall-finijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, tali rekwiżit għandu jkun oġġettivament iddettat min-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernat jew tal-kuntest li fih jiġu eżerċitati ( 33 ). Hija n-natura tal-attività professjonali li tirrikjedi differenza fit-trattament, mhux il-kundizzjonijiet suġġettivi tal-persuna li timpjega. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet konsistentement li, sa fejn jippermetti deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jingħata interpretazzjoni stretta ( 34 ). |
|
50. |
F’dan il-każ, kif osservaw korrettament il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju, il-fatt li impjegati Kattoliċi ma jistgħux iwettqu defezzjoni mill-Knisja Kattolika matul ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, sabiex ma jitkeċċewx, ma jidhirx li huwa oġġettivament neċessarju għall-attività speċifika mwettqa minn konsulent fi proġetti relatati mat-tqala. L-ewwel nett, din il-projbizzjoni ma tirrigwardax il-kompiti speċifiċi li l-konsulent jintalab iwettaq fost id-dmirijiet ordinarji tiegħu, iżda tirrigwarda r-relazzjoni mal-persuna li timpjega, f’dan il-każ il-Knisja Kattolika. It-tieni nett, l-assenza ta’ neċessità oġġettiva f’każ bħal dak deskritt fid-digriet tar-rinviju tista’ tintwera sempliċement mill-fatt li, meta l-impjegata kkonċernata fil-kawża prinċipali tkeċċiet, l-appellanti kienet qed timpjega sitt persuni, li minnhom tnejn kienu membri tal-Knisja Evanġelika. |
|
51. |
Għaldaqstant, l-argument li s-sħubija kontinwa fil-Knisja Kattolika kkostitwixxiet rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, fis-sens oġġettiv deskritt iktar ’il fuq, ma jreġix l-iskrutinju u, għalhekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jinftiehem bħala deroga valida minn diskriminazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
52. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b’mod partikolari tal-konklużjonijiet milħuqa fil-punti 44, 47 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-derogi li jinsabu f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu applikati għal differenza fit-trattament li tirriżulta mit-tkeċċija ta’ impjegat minn organizzazzjoni reliġjuża b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ dan l-impjegat li jitlaq mill-knisja li minnha tifforma parti din l-organizzazzjoni, fejn it-twettiq tal-attivitajiet professjonali ma tirrikjedix li wieħed ikun membru ta’ din il-knisja u l-impjegat ikkonċernat ma jaġixxix b’mod pubblikament kuntrarju għall-etos ta’ dik il-knisja. |
|
53. |
Peress li t-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju saret fil-każ li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jew, sussidjarjament, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li rekwiżit professjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, li, wara l-analiżi tiegħi, ma hijiex l-interpretazzjoni li nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex fl-obbligu li tagħti risposta għal din it-tieni domanda preliminari. |
IV. Konklużjoni
|
54. |
Abbażi tal-analiżi magħmula preċedentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja): L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li d-derogi li jinsabu f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu applikati għal differenza fit-trattament li tirriżulta mit-tkeċċija ta’ impjegat minn organizzazzjoni reliġjuża b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ dan l-impjegat li jitlaq mill-knisja li minnha tifforma parti din l-organizzazzjoni, fejn it-twettiq tal-attivitajiet professjonali ma tirrikjedix li wieħed ikun membru ta’ din il-knisja u l-impjegat ikkonċernat ma jaġixxix b’mod pubblikament kuntrarju għall-etos ta’ dik il-knisja. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 5, Vol. 4, p. 79).
( 3 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Egenberger”).
( 4 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR (C‑68/17, EU:C:2018:696) (iktar ’il quddiem is-“sentenza IR”).
( 5 ) Sabiex inkun konċiża, f’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għall-espressjoni “organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon […]”, kif tidher fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, bil-kliem “organizzazzjonijiet reliġjużi”.
( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 7 ) Iktar ’il quddiem l-“appellanti”.
( 8 ) Amtsblatt des Erzbistums Köln, p. 222, fil-verżjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tad-Djoċesijiet fil-Ġermanja tas‑27 ta’ April 2015, li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hija l-verżjoni applikabbli f’din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”).
( 9 ) Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Bażiku.
( 10 ) Ara l-Artikolu 5(2)(1)(a) tar-Regolament Bażiku.
( 11 ) Ara l-Artikolu 5(2)(2)(a) tar-Regolament Bażiku.
( 12 ) Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku.
( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 26).
( 14 ) Sentenza Egenberger, punt 47.
( 15 ) Sentenza Egenberger, punt 63, u s-sentenza IR, punt 50.
( 16 ) Sentenza Egenberger, punt 64, u s-sentenza IR, punt 55.
( 17 ) Sentenza Egenberger, punt 65, u s-sentenza IR, punt 51.
( 18 ) Sentenza Egenberger, punt 66, u s-sentenza IR, punt 52.
( 19 ) Is-sentenza Egenberger, punt 67, u s-sentenza IR, punt 53.
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 59).
( 21 ) Sentenza Egenberger, punt 58.
( 22 ) Sentenza Egenberger, punt 57.
( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punt 56), li kkunsidraw li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 huwa l-“manifestazzjoni leġiżlattiva” tal-Artikolu 17 TFUE.
( 24 ) Sentenza Egenberger, punt 51.
( 25 ) Sentenza Egenberger, punt 52.
( 26 ) Sentenza Egenberger, punt 58.
( 27 ) Sentenza IR, punt 48.
( 28 ) Ara wkoll l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966.
( 29 ) Ara, fost oħrajn, il-QEDB, l‑1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, § 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “Freedom if religion or belief – Council conclusions”, fi Stqarrija għall-Istampa – l-2973 Laqgħa tal-Kunsill – Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni – Affarijiet Ġenerali, 16 ta’ Novembru 2009, p. 10.
( 30 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, konformement mad-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, l-impjegat ikkonċernat fil-proċeduri prinċipali sostniet li kienet telqet mill-Knisja Kattolika minħabba t-taxxa speċjali tal-knisja imposta fuq persuni li, bħalha, tgħix ma konjuġi bi qligħ għoli, ta’ reliġjon differenti, u mhux minħabba n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-prinċipji fundamentali ta’ dik il-knisja.
( 32 ) Sentenza IR, punt 49.
( 33 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 40).
( 34 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 72).