European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5116

19.9.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/5116)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Azafrán de la Mancha”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0112-AM04 — 23.6.2025

1.   Isem il-prodott

“Azafrán de la Mancha”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

IĠP

☑

DOP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali. Id-Direttorat Ġenerali ta’ Kastilja-La Mancha għall-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi deskritti u sostanzjati ma jinkludux bidla fl-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew bidla fl-użu ta’ dak l-isem. Ma joħolqux riskju li titħassar ir-rabta msemmija fl-Artikolu 5(2)(b), u lanqas ma jinvolvu restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. Għalhekk, dawn l-emendi jissodisfaw id-definizzjoni ta’ emenda standard.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Kumpilazzjoni tal-lista tal-karatteristiċi tal-prodott

Deskrizzjoni

Emenda tat-Taqsima b.4 “Karatteristiċi organolettiċi”

Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tal-“Azafrán de La Mancha” tjiebet u ġiet aġġornata.

Il-formulazzjoni attwali tal-ispeċifikazzjoni:

b.4)

Karatteristiċi organolettiċi

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Azafrán de La Mancha” huma dawn li ġejjin:

b.4.1)

Ħjut taż-żagħfran

Tħejjija tal-kampjun: poġġi 200 mg ta’ ħjut fuq dixx Petri.

Dehra — nuqqas ta’ materja estranja jew barranija. Kulur aħmar ileqq.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiel ta’ xiwi, għasel, ħaxix imnixxef u fjuri.

b.4.2)

Ħjut taż-żagħfran

Preparazzjoni tal-infużjoni. Poġġi 200 mg ta’ stigmi mitħuna u mgħarbla f’litru wieħed ta’ ilma f’temperatura ta’ 60 ± 5 °C f’konformità mal-UNE-ISO 3632-2:2011 jew ma’ kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, għatti l-kontenitur u wettaq estrazzjoni f’dawk il-kundizzjonijiet għal 20 minuta. Iffiltra, kessaħ f’kundizzjonijiet fid-dlam sakemm it-temperatura tkun bejn wieħed u ieħor 25 °C u wettaq valutazzjoni sensorjali fi żmien sagħtejn. Il-kampjuni għandhom jintużaw mill-ġurija f’tazza standard skont il-UNE 87022:1992, jew skont kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, u jkun fihom madwar 50 ml ta’ infużjoni.

Dehra — ileqq, ċar, isfar bi sfumaturi roża fl-oranġjo ċari.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiel ta’ xiwi, ħaxix imnixxef, fjuri u ħwawar.

Togħma — ħaxix imnixxef, xiwi, imrar ħafif, togħma pikkanti ħafifa, ħwawar ħelwin, togħma terrena.

Il-formulazzjoni proposta tal-ispeċifikazzjoni

b.4)

Karatteristiċi organolettiċi

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Azafrán de La Mancha” huma dawn li ġejjin:

b.4.1)

Ħjut taż-żagħfran

Tħejjija tal-kampjun: poġġi 200 mg ta’ ħjut fuq dixx Petri.

Dehra — Kulur aħmar ileqq.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiliet ta’ xiwi

b.4.2)

Infużjoni taż-żagħfran

Preparazzjoni tal-infużjoni. Poġġi 200 mg ta’ stigmi mitħuna u mgħarbla f’litru wieħed ta’ ilma f’temperatura ta’ 60 ± 5 °C f’konformità mal-UNE-ISO 3632-2:2011 jew ma’ kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, għatti l-kontenitur u wettaq estrazzjoni f’dawk il-kundizzjonijiet għal 20 minuta. Iffiltra, kessaħ f’kundizzjonijiet fid-dlam sakemm it-temperatura tkun bejn wieħed u ieħor 25 °C u wettaq valutazzjoni sensorjali fi żmien sagħtejn. Il-kampjuni għandhom jintużaw mill-ġurija f’tazza standard skont il-UNE 87022:1992, jew skont kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, u jkun fihom madwar 50 ml ta’ infużjoni.

Dehra — ileqq, ċar, isfar bi sfumaturi roża fl-oranġjo ċari.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiliet ta’ xiwi.

Togħma — xiwi, imrar ħafif, togħma pikkanti ħafifa.

Raġuni(jiet)

Raġunijiet għall-emenda

L-ispeċifikazzjoni nbidlet fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żagħfran bħala ħjut u fl-infużjoni bl-ilma, f’konformità mar-riżultati analitiċi miksuba f’bord tad-dewqan indipendenti.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Formulazzjoni mtejba fit-Taqsima G “Informazzjoni dwar it-tikkettar”.

Deskrizzjoni

Emenda tat-Taqsima G “Informazzjoni dwar it-tikkettar marbuta mad-denominazzjoni ta’ oriġini”

L-istatus ta’ ċertifikazzjoni ġie speċifikat għall-operatur tal-imballaġġ li jista’ jitlob tikketti sekondarji.

Il-formulazzjoni attwali tal-ispeċifikazzjoni:

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Azafrán de La Mancha” jista’ jintuża biss fuq it-tikkettar taż-żagħfran li jikkonforma ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u jkun iċċertifikat bħala tali mill-korp ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, l-ismijiet tad-distretti u tal-muniċipalitajiet li jinkludu ż-żona ġeografika tal-produzzjoni deskritta fit-Taqsima C ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma jistgħux jintużaw fuq it-tikkettar ta’ kwalunkwe żagħfran li ma jikkonformax ma’ tali rekwiżiti. Dan sabiex tiġi evitata l-konfużjoni fost il-konsumaturi minħabba l-użu ta’ ismijiet ġeografiċi assoċjati awtomatikament mal-isem protett ta’ “La Mancha”.

Minbarra li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar fis-seħħ, il-pakkjaturi jridu juru dan li ġej b’mod ċar u li jista’ jinqara fuq l-imballaġġ tal-“Azafrán de La Mancha” mqiegħed fis-suq:

1)

Il-frażi “Denominación de Origen Protegida Azafrán de La Mancha”;

2)

Is-sena tal-ħsad, bl-użu tal-forma: “Ħsad XXXX”, fejn XXXX hija s-sena tal-produzzjoni espressa f’erba’ ċifri;

3)

Id-data “l-aħjar qabel”, li trid tkun ta’ 3 snin;

4)

L-indikazzjoni tal-oriġini permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-espressjonijiet li ġejjin: “Producto de España” [Prodott ta’ Spanja], “Producido en España” [Prodott fi Spanja] jew “Producto español” [prodott Spanjol].

Mal-imballaġġ trid titwaħħal tikketta sekondarja bl-immaġni ta’ hawn taħt, bil-kuluri definiti, u bil-kodiċi alfanumeriku XXYYYYYYYY, li fih XX huma żewġ ittri tal-alfabett li jidentifikaw is-sena tal-produzzjoni taż-żagħfran u YYYYYYYY huwa numru li jidentifika l-imballaġġ.

Il-pakkjaturi għandhom id-dritt li jirċievu dawn it-tikketti sekondarji meta jkunu ġew iċċertifikati skont il-UNE-EN ISO/IEC 17065:2012, jew skont kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, u meta jkunu wrew lill-Bord Regolatorju tal-inqas 90 % tat-tikketti sekondarji fil-pussess tagħhom. It-tikketti sekondarji jingħataw mill-korp maniġerjali. Dawn jinħarġu lill-pakkjaturi eleġibbli bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korp ta’ spezzjoni.

L-obbligi tal-pakkjaturi fir-rigward tat-tikketti sekondarji huma:

1)

L-użu tal-mezzi u tal-format stabbiliti mill-Bord Regolatorju, biex il-Bord jiġi infurmat dwar l-użu tat-tikketti sekondarji fil-proċess tal-imballaġġ. L-iskadenza għall-għoti ta’ din l-informazzjoni hija 60 jum kalendarju mid-data tal-użu. Kwalunkwe diskrepanza fil-kwantità ta’ aktar minn 0,01 % trid tiġi ġġustifikata kif xieraq lill-korp ta’ kontroll matul l-awditi ta’ ċertifikazzjoni. Ritorn ta’ kwalunkwe tikketta sekondarja mhux użata lill-Bord Regolatorju. L-iskadenza għar-ritorn hija l-15 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena li fiha jistgħu jintużaw it-tikketti f’konformità ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Formulazzjoni ġdida proposta tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Azafrán de La Mancha” jista’ jintuża biss fuq it-tikkettar taż-żagħfran li jikkonforma ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u jkun iċċertifikat bħala tali mill-korp ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, l-ismijiet tad-distretti u tal-muniċipalitajiet li jinkludu ż-żona ġeografika tal-produzzjoni deskritta fit-Taqsima C ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma jistgħux jintużaw fuq it-tikkettar ta’ kwalunkwe żagħfran li ma jikkonformax ma’ tali rekwiżiti. Dan sabiex tiġi evitata l-konfużjoni fost il-konsumaturi minħabba l-użu ta’ ismijiet ġeografiċi assoċjati awtomatikament mal-isem protett ta’ “La Mancha”.

Minbarra li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar fis-seħħ, il-pakkjaturi jridu juru dan li ġej b’mod ċar u li jista’ jinqara fuq l-imballaġġ tal-“Azafrán de La Mancha” mqiegħed fis-suq:

1)

Il-frażi “Denominación de Origen Protegida Azafrán de La Mancha”;

2)

Is-sena tal-ħsad, bl-użu tal-forma: “Ħsad XXXX”, fejn XXXX hija s-sena tal-produzzjoni espressa f’erba’ ċifri;

3)

Id-data “l-aħjar qabel”, li trid tkun ta’ 3 snin;

4)

L-indikazzjoni tal-oriġini permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-espressjonijiet li ġejjin: “Producto de España” [Prodott ta’ Spanja], “Producido en España” [Prodott fi Spanja] jew “Producto español” [prodott Spanjol].

Mal-imballaġġ trid titwaħħal tikketta sekondarja bl-immaġni ta’ hawn taħt, bil-kuluri definiti, u bil-kodiċi alfanumeriku XXYYYYYYYY, li fih XX huma żewġ ittri tal-alfabett li jidentifikaw is-sena tal-produzzjoni taż-żagħfran u YYYYYYYY huwa numru li jidentifika l-imballaġġ.

Il-pakkjaturi għandhom id-dritt li jirċievu dawn it-tikketti sekondarji meta jkunu ġew iċċertifikati mill-korp ta’ spezzjoni awtorizzat, f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-DOP “Azafrán de la Mancha”; u meta jkunu wrew lill-Bord Regolatorju tal-inqas 90 % tat-tikketti sekondarji fil-pussess tagħhom. It-tikketti sekondarji jingħataw mill-korp maniġerjali. Dawn jinħarġu lill-pakkjaturi eleġibbli bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korp ta’ spezzjoni.

L-obbligi tal-pakkjaturi fir-rigward tat-tikketti sekondarji huma:

1)

L-użu tal-mezzi u tal-format stabbiliti mill-Bord Regolatorju, biex il-Bord jiġi infurmat dwar l-użu tat-tikketti sekondarji fil-proċess tal-imballaġġ. L-iskadenza għall-għoti ta’ din l-informazzjoni hija 60 jum kalendarju mid-data tal-użu. Kwalunkwe diskrepanza fil-kwantità ta’ aktar minn 0,01 % trid tiġi ġġustifikata kif xieraq lill-korp ta’ kontroll matul l-awditi ta’ ċertifikazzjoni.

2)

Ritorn ta’ kwalunkwe tikketta sekondarja mhux użata lill-Bord Regolatorju. L-iskadenza għar-ritorn hija l-15 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena li fiha jistgħu jintużaw it-tikketti f’konformità ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Raġuni(jiet)

Raġuni għall-emenda - Biex jiġu evitati l-iżbalji fl-interpretazzjoni ta’ status taċ-ċertifikazzjoni ta’ pakkjatur skont il-UNE-EN ISO/IEC 17065:2012, jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Azafrán de la Mancha”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0112-AM04 — 23.6.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Azafrán de la Mancha”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0910 — Ġinġer, żagħfran, żagħfran tal-Indja (kurkuma), sagħtar, weraq tar-rand, curry u ħwawar oħrajn

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

L-“Azafrán de La Mancha” huwa tip ta’ ħwar fil-forma ta’ ħjut miksub permezz tax-xiwi ta’ stigmi tal-Crocus sativus L.

b.1

Karatteristiċi fiżiċi

b.1.1

Ċarezza

L-ispeċifikazzjonijiet tal-purità tal-“Azafrán de La Mancha” u l-metodi analitiċi applikati huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:

Materja estranja (% p) – ≤ 0,5 – Metodu ta’ analiżi tal-UNE ISO 3632-2: 2011. Il-Kapitolu 8 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur.

Materja barranija (% p) – ≤ 0,1 – Metodu ta’ analiżi tal-UNE ISO 3632-2: 2011. Il-Kapitolu 9 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur.

Il-materja estranja tikkonsisti mill-partijiet tal-fjura Crocus sativus L. mhux maħsuba għall-użu bħala ħwar. Pereżempju, petali, stili li nqalgħu, stami, granijiet tad-dakra u partijiet mill-ovarju.

Il-materja barranija tikkonsisti fi kwalunkwe residwu ieħor li ma jkunx ġej mill-fjura Crocus sativus L. L-oriġini tal-materja barranija tista’ tkun veġetali (weraq, tiben, petali, eċċ.); annimal (insetti sħaħ jew il-frammenti tagħhom jew fdalijiet oħrajn tal-annimali); minerali (ħamrija, ġebel, eċċ.) jew oħrajn (karta, drapp, plastik, metall, eċċ.).

b.1.2

Karatteristiċi dimensjonali

Il-karatteristiċi dimensjonali tal-ħjut “Azafrán de La Mancha” huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:

Proporzjon minimu tat-tul tal-istigma/tal-istil — Limitu 2:1 — Tolleranza (%) — 1

b.2

Karatteristiċi kimiċi

Il-karatteristiċi kimiċi tal-“Azafrán de La Mancha”, il-metodi analitiċi meħtieġa u t-tolleranzi permessi massimi huma stabbiliti fit-tabella li ġejja:

Indewwa u sustanzi volatili (%) – < [sic] 11

Qawwa tal-kulurant > 200

Qawwa aromatizzanti > 20

Qawwa tal-imrar (pikrokroċina) > 70

Kuluranti artifiċjali mrpl1 (Kontenut tal-kulurant minimu, espress f’mg/kg, li għandu jiġi identifikat u kkonfermat)

Metodu ta’ analiżi: UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur

b.4)

Karatteristiċi organolettiċi

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Azafrán de La Mancha” huma dawn li ġejjin:

b.4.1)

Ħjut taż-żagħfran

Tħejjija tal-kampjun: poġġi 200 mg ta’ ħjut fuq dixx Petri.

Dehra — Kulur aħmar ileqq.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiliet ta’ xiwi

b.4.2)

Infużjoni taż-żagħfran

Preparazzjoni tal-infużjoni. Poġġi 200 mg ta’ stigmi mitħuna u mgħarbla f’litru wieħed ta’ ilma f’temperatura ta’ 60 ± 5 °C f’konformità mal-UNE-ISO 3632-2:2011 jew ma’ kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, għatti l-kontenitur u wettaq estrazzjoni f’dawk il-kundizzjonijiet għal 20 minuta. Iffiltra, kessaħ f’kundizzjonijiet fid-dlam sakemm it-temperatura tkun bejn wieħed u ieħor 25 °C u wettaq valutazzjoni sensorjali fi żmien sagħtejn. Il-kampjuni għandhom jintużaw mill-ġurija f’tazza standard skont il-UNE 87022:1992, jew skont kwalunkwe standard li jista’ jissostitwih fil-futur, u jkun fihom madwar 50 ml ta’ infużjoni.

Dehra — ileqq, ċar, isfar bi sfumaturi roża fl-oranġjo ċari.

Aroma — ħafifa, intensa, qawwija. Ħjiliet ta’ xiwi

Togħma — xiwi, imrar ħafif, togħma pikkanti ħafifa.

Fejn meħtieġ, u bħala referenza, it-termini, id-definizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-istandards UNE-ISO 3632-1:2012 “Żagħfran (Crocus sativus L.)”, il-Parti 1: Speċifikazzjonijiet; u UNE-ISO 3632-2:2011 “Ħwawar. (Crocus sativus L.)”, il-Parti 2: Se jiġu applikati u jintużaw metodi ta’ analiżi, jew, fejn xieraq, kwalunkwe standard li jista’ jissostitwihom fil-futur.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

—

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Iż-żagħfran jitkabbar, jinħasad u jitnixxef fiż-żona ġeografika definita.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Azafrán de La Mancha” jista’ jintuża biss fuq it-tikkettar taż-żagħfran li jikkonforma ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u jkun iċċertifikat bħala tali mill-korp ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, l-ismijiet tad-distretti u tal-muniċipalitajiet li jinkludu ż-żona ġeografika tal-produzzjoni deskritta fit-Taqsima C ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma jistgħux jintużaw fuq it-tikkettar ta’ kwalunkwe żagħfran li ma jikkonformax ma’ tali rekwiżiti. Dan sabiex tiġi evitata l-konfużjoni fost il-konsumaturi minħabba l-użu ta’ ismijiet ġeografiċi assoċjati awtomatikament mal-isem protett ta’ “La Mancha”.

Minbarra li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar fis-seħħ, il-pakkjaturi jridu juru dan li ġej b’mod ċar u li jista’ jinqara fuq l-imballaġġ tal-“Azafrán de La Mancha” mqiegħed fis-suq:

1)

Il-frażi “Denominación de Origen Protegida Azafrán de La Mancha”;

2)

Is-sena tal-ħsad, bl-użu tal-forma: “Ħsad XXXX”, fejn XXXX hija s-sena tal-produzzjoni espressa f’erba’ ċifri;

3)

Id-data “l-aħjar qabel”, li trid tkun ta’ 3 snin;

4)

L-indikazzjoni tal-oriġini permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-espressjonijiet li ġejjin: “Producto de España” [Prodott ta’ Spanja], “Producido en España” [Prodott fi Spanja] jew “Producto español” [prodott Spanjol].

Mal-imballaġġ trid titwaħħal tikketta sekondarja bl-immaġni ta’ hawn taħt, bil-kuluri definiti, u bil-kodiċi alfanumeriku XXYYYYYYYY, li fih XX huma żewġ ittri tal-alfabett li jidentifikaw is-sena tal-produzzjoni taż-żagħfran u YYYYYYYY huwa numru li jidentifika l-imballaġġ.

Image 1

L-obbligi tal-pakkjaturi fir-rigward tat-tikketti sekondarji huma:

1)

L-użu tal-mezzi u tal-format stabbiliti mill-Bord Regolatorju, biex il-Bord jiġi infurmat dwar l-użu tat-tikketti sekondarji fil-proċess tal-imballaġġ. L-iskadenza għall-għoti ta’ din l-informazzjoni hija 60 jum kalendarju mid-data tal-użu. Kwalunkwe diskrepanza fil-kwantità ta’ aktar minn 0,01 % trid tiġi ġġustifikata kif xieraq lill-korp ta’ kontroll matul l-awditi ta’ ċertifikazzjoni.

2)

Ritorn ta’ kwalunkwe tikketta sekondarja mhux użata lill-Bord Regolatorju. L-iskadenza għar-ritorn hija l-15 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena li fiha jistgħu jintużaw it-tikketti f’konformità ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona koperta mid-denominazzjoni testendi mir-reġjun ċentrali ta’ Kastilja-La Mancha sax-Xlokk. Il-qalba ċentrali taż-żona ta’ deżinjazzjoni tinkludi d-distretti ta’ La Mancha fil-provinċji ta’ Toledo, Ciudad Real, Cuenca u Albacete.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Iż-żagħfran ġie introdott fi Spanja matul il-ħakma Għarbija. Fis-sekli 8 u 9 kien jintuża esklużivament mill-klassijiet medji superjuri tal-Andalusija. Il-platti Għarab kienu mħawra b’ħafna ħxejjex aromatiċi, għalhekk kienu jitkabbru f’kull masġar tal-frott, u l-varjetajiet ewlenin kienu l-kemmun, il-karwija, il-kemmun iswed, il-ħabberxa, l-anisi ħelu, il-bużbież, l-anisi selvaġġ, il-kosbor, il-mustarda, in-nagħniegħ, il-menta piperita u t-tursin. Madankollu, l-aktar kondiment tal-ikel importanti għall-ekonomija Għarbija kien iż-żagħfran, kulurant u taħwir tal-ikel essenzjali fil-maġġoranza tal-platti.

Xogħol minn perjodu aktar tard, - ta’ J. A. López de la Osa (1897), jipprovdi evidenza bil-miktub tat-tkabbir taż-żagħfran f’La Mancha. Dan jinkludi informazzjoni dwar din l-għalla minn 100 sena qabel u jikkwota inventarju legali mill-1720 li jsemmi wkoll iż-żagħfran. Fl-ewwel terz tas-seklu 19, La Mancha kienet tipproduċi żagħfran tal-aqwa kwalità fi Spanja, bl-ogħla rendimenti għal kull ettaru ta’ raba’ bagħli. It-tradizzjoni antika tat-tkabbir taż-żagħfran hija ddokumentata tajjeb ħafna f’Pedro Muñoz, Campo de Criptana u Manzanares (Ciudad Real), f’Lillo, Madridejos, Villacañas, Villanueva de Alcardete u Cabezamesada (Toledo) u f’Montilla del Palancar (Cuenca).

Madankollu, l-aktar evidenza b’saħħitha ta’ rabta storika qawwija bejn ir-reġjun ta’ La Mancha u ż-żagħfran tinsab fil-bosta tradizzjonijiet kulturali taż-żona.

Bħall-attivitajiet kollha li għandhom għeruq fondi fis-soċjetà, it-tkabbir taż-żagħfran wassal għall-vokabularju rikk tiegħu stess. Ix-xogħol ta’ M. Núñez u J. C. Conde - (Al-Basit: Revista de Estudios Albacetenses [Ġurnal tal-Istudji ta’ Albacete], 28, Albacete 1991) jinkludi firxa wiesgħa ta’ espressjonijiet relatati maż-żagħfran miġbura fi stħarriġiet imwettqa fil-provinċja ta’ Albacete. It-tradizzjoni tat-tkabbir taż-żagħfran f’La Mancha hija riflessa fil-folklor tipiku tar-reġjun, żifna reġjonali tradizzjonali ddedikata lill-prodott, u fil-kanzunetti u fil-qwiel. Tipprovdi wkoll l-isfond għall-operetta tal-isem - (libretto ta’ F. Romero u G. Fernández Shaw; bil-mużika ta’ Jacinto Guerrero, li ntweriet għall-ewwel darba f’Madrid fl-1930).

Ta’ min jinnota wkoll li hemm manwali tal-istruzzjonijiet li jiddeskrivu t-tekniki tat-tkabbir u tal-produzzjoni, bħax-xogħol imsemmi hawn fuq ta’ J. A. López de la Osa u x-xogħol ta’ L. Jiménez Martín - (Albacete: Imprenta Eduardo Miranda, 1900).

L-importanza ta’ din l-għalla fil-kultura tradizzjonali tintwera wkoll mill-“Fiesta de la Rosa del Azafrán”, li ssir f’Consuegra (Toledo), fil-konkorsi tat-tqaxxir taż-żagħfran li jsiru bħala parti mill-festi tal-qaddis patrun f’La Solana (Ciudad Real), u fil-“Festival de la Rosa del Azafrán” f’Santa Ana (Albacete).

Fl-aħħar nett, indikazzjoni ċara tan-natura tradizzjonali u tal-importanza ekonomika ta’ din l-għalla hija d-drawwa, li għadha pprattikata f’xi rħula ta’ La Mancha, li koppji li jkunu għadhom kif iżżewġu jingħataw ftit ħjut ta’ żagħfran, simbolu tax-xewqa għall-prosperità.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/20220404_PC_Azafran_II.pdf


(1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5116/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)