European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2369

20.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2369

tal-20 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

(2)

Fis-27 ta' Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom. Id-dikjarazzjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u d-dannu irreparabbli li sar għall-ħajja tan-nies fid-Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li individwu wieħed jiġi inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta' Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, taħt l-intestatura “A. Lista ta' persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1)”, tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“13.

Abdelrahim Hamdan DAGALO

magħruf ukoll bħala Abdul Rahim DAGALO

Data tat-twelid: 1.1.1972

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Viċi Kmandant tal-Forzi ta' Appoġġ Rapidu

Entitajiet assoċjati: Forzi ta' Appoġġ Rapidu; Al Junaid Multi Activities Co Ltd

Individwi assoċjati: Mohamed Hamdan Dagalo

Abdelrahim Hamdan Dagalo huwa l-Viċi Kmandant tal-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u ħu Mohamed Hamdan Dagalo (Hemedti), il-Kmandant tal-RSF.

Fil-15 ta' Jannar 2024, Abdelrahim Hamdan Dagalo ġie identifikat mill-Bord ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sudan bħala li ‘qeda rwol ċentrali fil-kampanja tal-RSF fid-Darfur, li personalment issorvelja l-operazzjonijiet militari fil-ħames Stati [tad-Darfur], minn Ottubru [2023]’. F'Ottubru 2025, huwa ordna l-qtil u l-eżekuzzjoni ta' ċivili u mexxa azzjonijiet tal-RSF kontra persuni ċivili f'El-Fasher.

Flimkien maż-żewġ uliedu, Abdelrahim Hamdan Dagalo huwa s-sid tal-kumpanija azzjonarja ta' Al Junaid Multi Activities Co Ltd (Al Junaid), entità soġġetta għal miżuri restrittivi mill-Unjoni minħabba l-akkwist ta' tagħmir militari għall-RSF. Abdelrahim Hamdan Dagalo qeda rwol kruċjali fil-kampanja tal-RSF fid-Darfur, billi ssorvelja personalment l-operazzjonijiet militari u billi ffinanzja operazzjonijiet tal-RSF permezz ta’ Al Junaid. Għalhekk huwa assoċjat ma' entità li tipprovdi appoġġ lill-azzjonijiet tal-RSF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

Abdelrahim Hamdan Dagalo huwa għalhekk responsabbli għat-tmexxija ta' atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

20.11.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2369/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)