5.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/169


P9_TA(2022)0306

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022: id-dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 – Id-dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2021 (11467/2022 – C9-0297/2022 – 2022/0119(BUD))

(2023/C 125/18)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat b'mod definittiv fl-24 ta' Novembru 2021 (2),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021-2027 (3) (“ir-Regolament dwar il-QFP”),

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (4),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (5),

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022, adottat mill-Kummissjoni fit-12 ta' April 2022 (COM(2022)0250),

—

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022, adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Lulju 2022 u li ntbagħtet lill-Parlament fis-16 ta' Awwissu 2022 (11467/2022 – C9-0297/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0226/2022),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit 2022 is-surplus li rriżulta mis-sena finanzjarja 2021, li jammonta għal EUR 3 227,1 miljun;

B.

billi l-komponenti ewlenin ta' dak is-surplus huma eżitu pożittiv fuq id-dħul ta' EUR 2 574,8 miljun, u sottoinfiq fin-nefqa ta' EUR 652,3 miljun;

C.

billi mil-lat tad-dħul, is-surplus huwa xprunat b'mod predominanti minn ammont ogħla milli mistenni ta' dazji doganali (b'EUR 1 688,7 miljun) u ammont ogħla milli previst ta' dħul finanzjarju, imgħax ta' inadempjenza u multi (b'EUR 1 110,8 miljun) imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-aħħar xhur tas-sena;

D.

billi mil-lat tan-nefqa, is-sottoimplimentazzjoni fil-pagamenti mill-Kummissjoni tilħaq il-EUR 81 miljun għar-riportati tal-2021 u l-EUR 250 miljun għar-riportati tal-2020 (li minnhom EUR 183 miljun huma relatati mal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza), u s-sottoimplimentazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra tilħaq il-EUR 117-il-miljun għar-riportati tal-2021 u s-EUR 77 miljun għar-riporti tal-2020;

1.

Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022 kif imressaq mill-Kummissojni, li huwa ddedikat biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2021, għall-ammont ta' EUR 3 227,1 miljun, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Finanzjarju; jinnota li s-surplus tal-2021 ta' EUR 3 227,1 miljun huwa partikolarment għoli; itenni, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha taderixxi mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda fl-implimentazzjoni tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 317 tat-TFUE u l-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju;

2.

Jiddispjaċih li l-EUR 183 miljun maħsuba għax-xiri ta' vaċċini kontra l-COVID-19 fl-2021 ma ntefqux kif ippjanat mill-Kummissjoni jew ġew ridiretti lejn ħtiġijiet oħra;

3.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-istrumenti baġitarji kollha disponibbli tal-Unjoni, inkluż is-surplus, għandhom jiġu attivati biex ikomplu jipprovdu l-aktar appoġġ ekonomiku u finanzjarju b'saħħtu possibbli lill-Ukrajna u lill-pajjiżi l-aktar esposti u biex ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet ta' solidarjetà tal-Unjoni biex tindirizza l-konsegwenzi soċjali, enerġetiċi, agrikoli u ekonomiċi għall-Unjoni u għaċ-ċittadini tagħha tal-gwerra Russa fl-Ukrajna; iwissi li dawk il-ħtiġijiet urġenti se jirrikjedu appoġġ addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni u jinsab lest li jappoġġa żidiet rilevanti fil-baġit tal-Unjoni għall-2022 permezz ta' baġits emendatorji futuri u jistieden lill-Kummissjoni tressaq, fejn rilevanti, baġits emendatorji li jimmobilizzaw flus ġodda biex jirrispondu għal dawk l-isfidi; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jiddedikaw it-tnaqqis sinifikanti mistenni fil-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq l-ING li jirriżultaw mis-surplus tal-2021 għall-ibbaġitjar tal-azzjonijiet relatati mal-indirizzar determinat tal-konsegwenzi gravi ta' din il-gwerra illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna;

4.

Josserva li, skont il-Kummissjoni, multi tal-kompetizzjoni fl-2021 ammontaw għal EUR 957 miljun; iqis mill-ġdid li, flimkien ma’ kull surplus li jirriżulta mis-sottoimplimentazzjoni, il-baġit tal-Unjoni għandu jkun abilitat li jerġa' juża kull dħul li jirriżulta minn multi jew marbut ma' pagamenti tard mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING;

5.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2022;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2022 ġie adottat b'mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 45, 24.2.2022, p. 1.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.