28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/54


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/852

tas-27 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 fir-rigward tal-esklużjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-Renju Unit mill-kwoti tariffarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti ta’ tariffi Komunitarji marbutin fil-GATT u ċerti kwoti ta’ tariffi Komunitarji oħra u li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-aġġustament tal-kwoti, u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1808/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/324/KE tas-27 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja bis-saħħa tal-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka matul l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (3) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fid-29 ta’ Diċembru 2020. Għandu japplika fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 32/2000 jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti ta’ tariffi Komunitarji marbutin fil-GATT u ċerti kwoti ta’ tariffi Komunitarji oħra u jistabbilixxi regoli dettaljati għall-aġġustament tal-kwoti, u jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1808/95 (4).

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 (5) jiftaħ u jipprevedi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċertu ħut ippreparat jew ippreżervat.

(4)

Il-Ftehim jgħid li l-prodotti li joriġinaw fir-Renju Unit mhumiex eliġibbli għal importazzjoni fl-Unjoni bil-kwoti ta’ tariffi eżistenti tad-WTO kif definiti fil-Ftehim. Jirreferi għall-kwoti ta’ tariffi mqassma bejn il-partijiet skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT, bin-negozjati mibdija mill-Unjoni Ewropea fid-dokument tad-WTO G/SECRET/42/Add.2 (6) u mir-Renju Unit fid-dokument tad-WTO G/SECRET/44 (7) u kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni interna rispettiva ta’ kull parti. Il-Ftehim jgħid ukoll li l-istatus oriġinarju tal-prodotti għandu jiġi determinat abbażi tar-regoli tal-oriġini nonpreferenzjali applikabbli fil-parti importatriċi.

(5)

Il-kwoti ta’ tariffi eżistenti tad-WTO kif definiti fil-Ftehim jirreferu għall-konċessjonijiet tad-WTO tal-Unjoni Ewropea inklużi fl-abbozz tal-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tal-EU28 skont il-GATT 1994 ippreżentati lid-WTO fid-dokument G/MA/TAR/RS/506 (8) kif emendat bid-dokumenti G/MA/TAR/RS/506/Add.1 u G/MA/TAR/RS/506/Add.2 (9).

(6)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 32/2000 u (KE) Nru 847/2006 attwalment japplikaw għal tali importazzjonijiet li joriġinaw fir-Renju Unit. Sabiex ikun hemm konformità mal-Ftehim, dawn ir-Regolamenti jenħtieġ li jiġu emendati biex l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fir-Renju Unit tkun eskluża mill-kwoti ta’ tariffi eżistenti tad-WTO.

(7)

Il-Ftehim għandu japplika fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fir-Renju Unit tkun eskluża mill-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji li l-perjodi tal-kwota tagħhom bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2021 u li kienu għadhom għaddejjin f’dik id-data, fir-rigward tal-importazzjonijiet imwettqa fl-1 ta’ Jannar 2021 jew wara.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Ftehim, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, id-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 32/2000 tiżdied it-Taqsima li ġejja:

“ Taqsima 4

Lista tal-kwoti ta’ tariffi Komunitarji marbutin fil-GATT

Artikolu 7a

Il-kwoti ta’ tariffi Komunitarji elenkati fl-Anness I għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Renju Unit.”

Artikolu 2

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, il-kliem “fil-pajjiżi kollha” huwa sostitwit bil-kliem “fil-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Renju Unit”;

(2)

fil-paragrafu 2, il-kliem “fil-pajjiżi kollha” huwa sostitwit bil-kliem “fil-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Renju Unit”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 5, 8.1.2000, p. 1.

(2)   ĠU L 120, 5.5.2006, p. 17.

(3)   ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(4)   ĠU L 176, 27.7.1995, p. 1.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 tat-8 ta’ Ġunju 2006 li jiftaħ u jipprevedi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċertu ħut ippreparat jew ippreżervat (ĠU L 156, 9.6.2006, p. 8).

(6)  https://docs.wto.org

(7)  https://docs.wto.org

(8)  https://docs.wto.org

(9)  https://docs.wto.org