SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)
11 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir‑rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l‑iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir‑rikorrenti fil-lista – Obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lir-rikorrenti jew li huma jippossjedu, li jżommu jew li jikkontrollaw – Obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti – Parteċipazzjoni f’attivitajiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri restrittivi – Artikolu 9(2) u (3) tar‑Regolament (UE) Nru 269/2014 – Rikors għal annullament – Locus standi – Inċidenza diretta – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kompetenza tal-Kunsill – Proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑635/22,
Mikhail Fridman, residenti Londra (ir-Renju Unit),
Petr Aven, residenti Virginia Water (ir-Renju Unit),
German Khan, residenti Londra,
irrappreżentati minn T. Marembert u A. Bass, avocats,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Van Overmeire u J. Rurarz, bħala aġenti, assistiti minn B. Maingain, avocat,
konvenut,
sostnut minn
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Van Regemorter u L. Van den Broeck, bħala aġenti,
minn
Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn K. Pommere u J. Davidoviča, bħala aġenti,
u minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, C. Giolito, M. Carpus Carcea u L. Puccio, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),
komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, D. Spielmann (Relatur), M. J. Costeira, K. Kowalik-Bańczyk, S. Gervasoni, L. Madise, N. Półtorak, M. Brkan, I. Gâlea, I. Dimitrakopoulos, D. Kukovec, S. Kingston, T. Tóth u S. L. Kalėda, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir‑rikorrenti, Mikhail Fridman, Petr Aven u German Khan, jitolbu l‑annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273, tal‑21 ta’ Lulju 2022, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2022, L 194, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn jikkonċernahom, u għalhekk jirrigwardaw b’mod iktar preċiż il‑punt 4 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat sa fejn jemenda l‑Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU L 294, p. 64), billi jinkludi fih obbligi ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u ta’ kooperazzjoni mal‑awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward (Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat) u billi jassimila n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ma’ evażjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi (Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti huma negozjanti ta’ nazzjonalità Russa u Iżraeljana f’dak li jikkonċerna lil M. Fridman u lil G. Khan, u ta’ nazzjonalità Russa u Latvjana f’dak li jikkonċerna lil P. Aven. |
|
3 |
F’Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa annettiet ir‑Repubblika Awtonoma tal-Krimea kif ukoll il-belt ta’ Sevastopol u minn dakinhar ilha twettaq azzjonijiet kontinwi ta’ destabbilizzazzjoni fil-Lvant tal‑Ukraina. Fl-istess ħin, movimenti separatisti pro-Russi daħlu f’kunflitt armat mal-Gvern tal-Ukraina fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk. |
|
4 |
Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi b’mod partikolari tal‑Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2014/145, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal‑Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 269/2014. Fil-jiem ta’ wara, il-forzi armati Russi bdew operazzjonijiet tal-gwerra fl-Ukraina kollha, liema operazzjonijiet għadhom għaddejjin sa llum. |
|
5 |
Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u r-“Repubblika Popolari ta’ Luhansk”, awtoproklamati, u ordna l-iskjerament tal-forzi armati Russi f’dawn iż-żoni. |
|
6 |
Fit-22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) ippubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea li kkundannat dawn l-azzjonijiet, peress li kienu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni kienet ser tirreaġixxi għal dan l-aħħar ksur mill-Federazzjoni Russa billi tadotta urġentement miżuri restrittivi addizzjonali. |
|
7 |
F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta diversi settijiet ta’ miżuri restrittivi. L-ismijiet tar-rikorrenti ġew miżjuda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 59, p. 1), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336, tat-28 ta’ Frar 2022, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 58, p. 1), fir-rigward ta’ P. Aven u M. Fridman, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 87 I, p. 44), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 87 I, p. 1), f’dak li jirrigwarda lil G. Khan, u sussegwentement inżammu fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl‑Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. Dawn il-miżuri restrittivi kienu s-suġġett ta’ rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑301/22, P. Aven vs Il-Kunsill, T‑304/22, M. Fridman vs Il‑Kunsill, u T‑333/22, G. Khan vs Il-Kunsill). |
|
8 |
Fid-data tal-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, l‑Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014 kien jipprovdi dan li ġej: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l‑proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati. 2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad‑dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl‑Anness I.” |
|
9 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li “[i]l‑parteċipazzjoni, b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l‑għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita”. |
|
10 |
L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament kien jgħid dan li ġej: “1. L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil‑paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis‑seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.” |
|
11 |
Fit-3 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/880, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 153, p. 75), billi qies b’mod partikolari li kien hemm lok li jiġu ppreċiżati u msaħħa d‑dispożizzjonijiet dwar il-pieni nazzjonali imposti fil-każ ta’ ksur tal‑miżuri previsti fl-imsemmi regolament (il‑premessa 2 tar‑Regolament 2022/880). |
|
12 |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni, inkluż kif xieraq pieni kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.” |
|
13 |
Fil-21 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta, abbażi b’mod partikolari tal‑Artikolu 29 TUE, id‑Deċiżjoni (PESK) 2022/1272 li temenda d‑Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 193 I, p. 219). B’din id-deċiżjoni, huwa daħħal derogi ġodda għall-iffriżar tal-assi u għall-projbizzjoni li l‑fondi u r-riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal‑entitajiet indikati. |
|
14 |
Fl-istess jum, ġie adottat ir-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 215 TFUE. Dan ir-regolament jippreċiża, fil‑premessa 5 tiegħu, dan li ġej: “Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u uniformi tar‑Regolament (UE) Nru 269/2014, u minħabba l-kumplessità dejjem akbar tal-iskemi għall-evażjoni tas-sanzjonijiet, li jostakolaw tali implimentazzjoni, huwa neċessarju li persuni u entitajiet deżinjati b’assi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jiġu obbligati jirrappurtaw [jiddikjaraw] dawn l-assi u jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fil‑verifika ta’ dan ir-rappurtar. Huwa xieraq ukoll li jissaħħu d‑dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ rappurtar għall-operaturi tal‑Unjoni, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-ksur u ċ-ċirkomvenzjoni [evażjoni] tal-iffriżar tal-assi. In-nuqqas li jiġi rispettat dan l-obbligu jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-iffriżar tal-assi u jkun soġġett għal penali jekk il-kondizzjonijiet għal tali penali jiġu sodisfatti skont ir‑regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli” |
|
15 |
Permezz tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill emenda r-Regolament Nru 269/2014 billi ppreveda, fl-Artikolu 1(1) sa (3) tiegħu, id-derogi previsti bid-Deċiżjoni 2022/1272. Fl-Artikolu 1(4) tiegħu, ir‑Regolament ikkontestat jipprevedi li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014 jiġi ssostitwit bit-test li ġej: “Artikolu 9 1. Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita. 2. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl‑Anness I, għandhom:
3. In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2. […]” |
It-talbiet tal-partijiet
|
16 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat. |
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
|
19 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Latvja u mill-Kummissjoni, isostni li r-rikorrenti ma humiex direttament u individwalment ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, huwa jsostni li l-ismijiet tagħhom ġew miżjuda fil-listi inkwistjoni li jimponu fuqhom miżuri restrittivi permezz tad-Deċiżjoni 2022/337 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/336, fir-rigward ta’ P. Aven u M. Fridman, u permezz tad-Deċiżjoni 2022/429 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/427, fir-rigward ta’ G. Khan, li huma l-atti li jikkonċernawhom individwalment u direttament u li kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). |
|
20 |
Il-Kummissjoni żżid li r-Regolament ikkontestat ma jikkostitwixxix miżura li tikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma tinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(3) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jeħtieġ evalwazzjoni każ b’każ u applikazzjoni tas-sanzjonijiet mid-dritt nazzjonali. |
|
21 |
Ir-Renju tal-Belġju jżid li l-assi tar-rikorrenti li jaqgħu taħt il‑ġurisdizzjoni tal-Istati Membri huma diġà preżunti li ġew iffriżati permezz tal-atti kkontestati fil-kuntest tar-rikorsi fil-Kawżi T‑301/22, P. Aven vs Il-Kunsill, T‑304/22, M. Fridman vs Il-Kunsill, u T‑333/22, G. Khan vs Il-Kunsill. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx interess li jippreżentaw dan ir-rikors, ħlief biex jevitaw il-miżuri restrittivi li huma kienu s-suġġett tagħhom, bit-tama li jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan permezz ta’ dan ir-rikors. |
|
22 |
Ir-Repubblika tal-Latvja sostniet, waqt is-seduta, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu jikkonċernaw kategorija ta’ persuni prevista b’mod ġenerali u astratt u li r-rikorrenti ma kienu indikaw ebda ċirkustanza oħra li tikkonferma li huma kienu iktar ikkonċernati jew individwalizzati mill-att ikkontestat mill-persuni l-oħra li jappartjenu għal din il-kategorija. |
|
23 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument. |
|
24 |
Għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, tressaq rikors kontra att indirizzat lilha (l-ewwel parti tal-frażi) jew li jirrigwardaha direttament u individwalment (it-tieni parti tal-frażi), kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (it-tielet parti tal-frażi). |
|
25 |
Il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta hija komuni għat-tieni u għat-tielet parti tal-frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u għandha, skont il‑ġurisprudenza, l-istess tifsira f’kull waħda minn dawn il‑partijiet tal-frażi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors teżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid‑destinatarji inkarigati bl‑implimentazzjoni tagħha, peress li din l‑implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l‑applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Assenjazzjoni ta’ Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 65). |
|
26 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is‑sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jkun jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhiex rimedju quddiem il-qorti tal Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il qrati nazzjonali (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal‑persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ta’ natura regolatorja fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn għandhom portata ġenerali u sa fejn ġew adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, konformement mal-proċedura mhux leġiżlattiva prevista f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Assenjazzjoni ta’ Stat Terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 92). |
|
28 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw il‑persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. |
|
29 |
Issa, waqt il-preżentata tar-rikors tagħhom, l-ismijiet tar-rikorrenti kienu jinsabu f’dan l-Anness I, sa mit-28 ta’ Frar 2022 f’dak li jikkonċerna lil P. Aven u lil M. Fridman, u sa mill-15 ta’ Marzu 2022 f’dak li jikkonċerna lil G. Khan (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). |
|
30 |
Għaldaqstant, mill-21 ta’ Lulju 2022, id-data tad-dħul fis-seħħ tar‑Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti huma suġġetti għall-obbligi inkwistjoni, jiġifieri l-obbligu li jiddikjaraw qabel l-1 ta’ Settembru 2022 il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom u l-obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) ta’ dan l-istess regolament, in‑nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi huwa kklassifikat bħala parteċipazzjoni f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il‑miżuri restrittivi ta’ ffriżar ta’ fondi. |
|
31 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jaffettwaw direttament lir-rikorrenti, peress li dawn jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni, kif ukoll l-effetti tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom, japplikaw għar-rikorrenti bħala persuni inklużi fil‑lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l‑applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti ma teħtieġ l-adozzjoni ta’ ebda miżura ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, ħaġa li ġiet ammessa mill-Kunsill waqt is-seduta, u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, b’tali mod li dawn jaffettwaw b’mod purament awtomatiku s-sitwazzjoni legali tar‑rikorrenti. |
|
32 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti regolatorji li jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli. |
|
33 |
Ir-riferiment tal-Kunsill għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il-Kunsill (T‑332/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48, punti 59 u 60), u s-soluzzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta tar-rikorrent adottata f’din is-sentenza ma tinvalidax din il‑konstatazzjoni. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, ir-rikors kien dirett b’mod partikolari kontra atti li emendaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni għall-iffriżar ta’ fondi fil-konfront tal-persuni responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li kienu jappartjenu lill-Istat Ukrain. Ġie deċiż li dan kien inammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra l‑imsemmija atti, peress li, essenzjalment, dawn l-atti kellhom effetti legali biss fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet previsti b’mod ġenerali u astratt u ma kinux jikkonċernaw la individwalment u lanqas direttament lir-rikorrent f’din il-kawża. |
|
34 |
F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipproduċu direttament u immedjatament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, mingħajr ma jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mill-awtoritajiet inkarigati bl-implimentazzjoni tal‑imsemmija obbligi. B’hekk, ir-rikorrenti jirriskjaw li jkunu nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhomx rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex jikkontestaw il-legalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet. |
|
35 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
36 |
Ir-Renju tal-Belġju jsostni li r-rikorrenti ma għandhomx interess li jippreżentaw dan ir-rikors, peress li l-assi kollha tagħhom huma diġà meqjusa li huma ffriżati, sakemm ma evitawx il-miżuri restrittivi li kienu s-suġġett tagħhom, bit-tama li jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan permezz ta’ dan ir-rikors. |
|
37 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat-18 ta’ Jannar 2023, Seifert vs Il-Kunsill, T‑166/22, mhux ippubblikat, EU:T:2023:13, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Issa, f’dan il-każ, indipendentement mill-fatt jekk ir-rikorrenti jew persuni oħra kinux iddikjaraw jew le l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni u, jekk kien il-każ, ikunu kkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, jew jekk l-imsemmija fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunux ġew iffriżati jew le, huma għad għandhom interess li jiksbu l‑annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jimponu fuqhom obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal konsegwenzi tqal għalihom. Fil-fatt, l‑interess ġuridiku ma jisparixxix minħabba li r-rikorrent ikun wettaq l‑obbligi li huwa jkun qiegħed jikkontesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 19, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il-Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punti 55 sa 65), u lanqas minħabba li dawn ġew ikunu eżegwiti minn terz (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32). Konsegwentement, l‑interess ġuridiku tar-rikorrenti jibqa’ stabbilit mingħajr ma jkollhom għalfejn juru, kif jimplika l-argument tar-Renju tal-Belġju, li huma kisru l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jitwarrab. |
|
39 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni ma twassalx għall-estinzjoni tal-obbligi kollha stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, ladarba l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu ddikjarati mal-awtorità nazzjonali kompetenti, l‑Artikolu 9(2) tar Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jobbliga lill‑persuni li jkunu ddikjaraw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi li huma jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw, jikkooperaw ma’ din l-awtorità nazzjonali għall-finijiet ta’ kull verifika. Minn dan jirriżulta li r‑rikorrenti jżommu interess ġuridiku eżistenti u attwali kontra d‑dispożizzjonijiet tal Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. |
|
40 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, il-klassifikazzjoni bħala parteċipazzjoni f’evażjoni tal-miżuri restrittivi li huma jipprevedu hija konsegwenzjali għall-obbligi previsti mill-Artikolu 9(2) ta’ dan ir‑regolament, b’tali mod li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku ċert u attwali kontra dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
41 |
Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju li r-rikorrenti ma għandhomx interess li jippreżentaw dan ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
|
42 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
43 |
Ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE kif ukoll fuq ksur tal‑prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali u, it-tieni wieħed, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal-Artikoli 4, 5, 25 u 40 TUE, kif ukoll tal-Artikoli 3, 4, 82, 83 u 215 TFUE, għar-raġuni li l‑Kunsill stabbilixxa ruħu bħala leġiżlatur kriminali. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal‑Artikolu 215 TFUE kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali
|
44 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, anki jekk il-formulazzjoni tal‑Artikolu 215 TFUE ma hijiex limitattiva, din għandha tiġi interpretata b’mod strett u l-Kunsill ma jistax jimponi obbligi pożittivi fuq il-persuni ssanzjonati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. L-obbligu li tiġi żvelata l-konsistenza tal-patrimonju tagħhom huwa forma ta’ sanzjoni u mhux “miżura restrittiva” fis-sens tal-Artikolu 215 TFUE. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-Kunsill jista’ jimponi obbligi pożittivi, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni inkwistjoni jmorru lil hinn mill-kompetenza tiegħu ratione materiae. |
|
45 |
Barra minn hekk, huma jsostnu li l-obbligi inkwistjoni huma ta’ ħsara għall-ħajja privata, eċċessivi u inċerti, peress li huma bbażati fuq termini vagi u mhux iddefiniti. Huma għandhom ukoll portata extraterritorjali. |
|
46 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Latvja u mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument. |
|
47 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi u hija “definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”. Barra minn hekk, din il-politika hija implimentata mir-Rappreżentant Għoli u mill-Istati Membri, konformement mat-Trattati. B’applikazzjoni tal-Artikolu 29 TUE, il‑Kunsill “għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament tal‑Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. |
|
48 |
Il-miżuri restrittivi jiġu adottati, fil-kuntest tal-PESK, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda bl-unanimità abbażi tal-Artikolu 29 TUE u l-implimentazzjoni tagħhom issir, fil-kuntest tat-Trattat FUE, permezz ta’ regolament adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE mill‑Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni. Minn naħa, l‑Artikolu 215(1) TFUE jirrigwarda l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri neċessarji għall-interruzzjoni jew għat-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar‑relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, prevista minn deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Min-naħa l-oħra, skont l‑Artikolu 215(2) TFUE, meta deċiżjoni adottata konformement mal‑Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedi dan, il‑Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi jew entitajiet li ma humiex Stati. |
|
49 |
Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikoli 24 u 29 TUE jirriżulta, bħala regola ġenerali, li l-Kunsill jista’ jiddefinixxi, fid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-PESK u billi jiddeċiedi bl-unanimità, l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK. Fid-dawl tal-firxa wiesgħa tal-finijiet u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl‑Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid‑dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl‑Artikoli 23 u 24 TUE, il-Kunsill għandu prerogattiva wiesgħa fid‑definizzjoni ta’ dan l-għan (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 88). |
|
50 |
Fir-rigward tal-Artikolu 215 TFUE, li jistabbilixxi rabta bejn l‑għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 59), huwa jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill‑Kunsill, billi jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli u tal-Kummissjoni, sabiex jimplimenta jew jagħti effett lill-miżuri restrittivi meta dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 89 u 90). |
|
51 |
Għalhekk, id-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi li jkollhom jiġu adottati, filwaqt li r-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huma marbuta, fid-dawl tal-għanijiet u tal-kontenut tagħhom, mal-imsemmija deċiżjonijiet u jikkostitwixxu l‑istrument sabiex jingħataw effett fuq il-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 72 u 76, u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 90). |
|
52 |
F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati abbażi tal‑Artikolu 215 TFUE, u, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 215(2) TFUE, kif barra minn hekk jirrikonoxxu l-partijiet prinċipali. |
|
53 |
Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, id‑dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati sabiex jirrimedjaw “[għal]l‑kumplessità dejjem akbar tal-iskemi għall-evażjoni tas‑sanzjonijiet, li jostakolaw tali implimentazzjoni [tal-miżuri restrittivi]”. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u uniformi ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li “jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ rappurtar [dikjarazzjoni] għall‑operaturi tal‑Unjoni, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-ksur u ċ‑ċirkomvenzjoni [evażjoni] tal-iffriżar tal-assi.” |
|
54 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill enfasizza, minn naħa, li, b’paragun mas‑sistemi ta’ miżuri restrittivi implimentati fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti f’pajjiżi oħra, in-numru ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tas-sistema relatata mas-sitwazzjoni fl‑Ukraina qatt ma kien daqshekk sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri restrittivi kienu s-suġġett ta’ evażjoni, jew ta’ ksur, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni effettiva tagħhom. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-dibattiti waqt is-seduta, l-adozzjoni tal-obbligi inkwistjoni kienet tidher iktar ġustifikata peress li, qabel, ftit Stati Membri kienu adottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jipprevedu tali obbligi, b’mod partikolari l-obbligu ta’ dikjarazzjoni. |
|
55 |
Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew stabbiliti, f’dan il-każ, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 269/2014 fit-territorju tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati l-istrateġiji ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi, li saru possibbli, b’mod partikolari, permezz tal-użu ta’ sistemi legali u finanzjarji kumplessi. |
|
56 |
Huma għalhekk ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi bħala tali, iżda miżuri marbuta mad-Deċiżjoni 2014/145 sa fejn huma ta’ natura li jiżguraw, fil-livell tal-Unjoni, l-implimentazzjoni effikaċi u uniformi tal-miżuri restrittivi previsti mill-imsemmija deċiżjoni. |
|
57 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill ġustament adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE. |
|
58 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
59 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma jistax jimponi obbligi pożittivi fuq il-persuni ssanzjonati abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. |
|
60 |
Madankollu, anki jekk, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-Kunsill ma għandux il-libertà kollha li jadotta l-miżuri li jixtieq fil-qasam tal‑PESK, l-Artikolu 215 TFUE ma huwiex limitattiv, kif jammettu r‑rikorrenti. Issa, is-sempliċi riferiment magħmul għall-miżuri restrittivi mill-Artikolu 215(2) TFUE ma għandux bħala konsegwenza li jillimita l-miżuri previsti mill-imsemmija dispożizzjoni għal obbligi li ma titteħidx azzjoni. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 50 iktar ’il fuq, din id‑dispożizzjoni għandha l-għan li tippermetti lill-Kunsill jimplimenta deċiżjoni adottata fil-qasam tal-PESK sabiex tiġi ggarantita l‑applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, għalkemm il-miżuri restrittivi huma kkaratterizzati, bħala prinċipju, minn miżuri ta’ projbizzjoni jew minn limitazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ timplika obbligi li tittieħed azzjoni, bħal dawk f’dan il-każ, li ma jistgħux jiġu esklużi bħala prinċipju għas‑sempliċi raġuni li dawn huma obbligi pożittivi. |
|
61 |
It-tieni nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari l-obbligu li jiżvelaw il-konsistenza tal‑patrimonju tagħhom, huma forma ta’ sanzjoni u mhux miżura restrittiva għandha titwarrab. |
|
62 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet ikkontestati jimponu obbligu ta’ dikjarazzjoni tal‑fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi u obbligu ta’ kooperazzjoni, li ma jikkostitwixxux sanzjonijiet, iżda miżuri intiżi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ ffriżar ta’ fondi. Min-naħa l-oħra, dawn id‑dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux sanzjonijiet fihom infushom. Ċertament, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jipprevedi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni jitqiesu li huma parteċipazzjoni f’attivitajiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jevitaw il‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, liema parteċipazzjoni hija nnifisha pprojbita mill-Artikolu 9(1). Madankollu, din id-dispożizzjoni tikklassifika ġuridikament in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi sanzjoni. |
|
63 |
Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu forma ta’ sanzjoni għandu jitwarrab. |
|
64 |
It-tielet nett, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, dawn l-obbligi huma ġodda fir‑rigward tagħhom, kif ġie invokat waqt is-seduta. |
|
65 |
Madankollu, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti l-adozzjoni mill‑Kunsill ta’ tali obbligi pożittivi, anki ġodda fir-rigward tagħhom, peress li huma marbuta mal-miżuri restrittivi li għalihom huma suġġetti r-rikorrenti, sa fejn dawn huma ta’ natura li jagħtu effett lil tali miżuri fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effikaċi u uniformi tagħhom f’sitwazzjoni li, bħal dik f’dan il-każ, hija kkaratterizzata minn kumplessità dejjem tikber tas-sistemi li jippermettu lill-persuni u l-entitajiet suġġetti għal dawn il-miżuri restrittivi jevitaw is-sanzjonijiet. |
|
66 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux sanzjonijiet, iżda miżuri li jiżguraw l‑implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi, li ġew adottati ġustament abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma huwiex kompetenti ratione materiae, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jadotta l-obbligi inkwistjoni. |
|
67 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni inkwistjoni jippreġudikaw il-ħajja privata, li l-patrimonju tagħha huwa komponent essenzjali, u eċċessivi minħabba li huma “jaqbżu l-uniku patrimonju tal-persuni ssanzjonati”. Huma jsostnu wkoll li l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri restrittivi ma jistax jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali obbligi fuq il-persuni li huma s‑suġġett tal-imsemmija miżuri. |
|
68 |
Għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, sakemm tali restrizzjonijiet effettivament jilħqu l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148, u tas-27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22 P, EU:T:2022:483, punt 220). |
|
69 |
Sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, preġudizzju għad‑drittijiet fundamentali inkwistjoni għandu jkun previst mil-liġi, jirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija libertà, ifittex għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma jkunx sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 145 u 222 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, l-obbligi inkwistjoni huma “previsti mil‑liġi”, peress li huma stabbiliti fir-Regolament ikkontestat, li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 215 TFUE, kif ukoll prevedibbiltà suffiċjenti. |
|
71 |
Fit-tieni lok, l-obbligi inkwistjoni, limitati għall-fondi jew riżorsi ekonomiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, huma imposti fuq ir-rikorrenti minħabba li isimhom jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, u li huma, b’dan il-mod, suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Issa, peress li l-inklużjoni ta’ isimhom hija miżura temporanja, reversibbli u suġġetta għal monitoraġġ kostanti, l‑obbligi inkwistjoni, li huma marbuta ma’ din l-inklużjoni ta’ isimhom, huma nnifishom ta’ natura temporanja u reversibbli. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-imsemmija obbligi ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-ħajja privata invokat. |
|
72 |
Fit-tielet lok, l-għan tal-miżuri restrittivi huwa li jżid l-ispiża tal‑azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi u li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal‑Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE. F’dan il-kuntest, l-għan tal‑obbligi inkwistjoni huwa li jippermetti l-identifikazzjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi fil-pussess, miżmuma jew ikkontrollati mill‑persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi u, b’hekk, li jiġu implimentati b’mod effikaċi u uniformi l-imsemmija miżuri, li jikkostitwixxi għan li jaqa’ fil-kuntest tal-għan iktar ġenerali tal-miżuri restrittivi. Issa, l-importanza tal-għanijiet hekk imfittxija hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi marbuta mal-indħil fid-dritt għall‑ħajja privata allegat mir-rikorrenti. |
|
73 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tal-obbligi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizzaw il-Kunsill kif ukoll ir‑Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni, modalitajiet ġodda ta’ implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi ġew iġġustifikati min-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja u l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-evażjoni tal-miżuri restrittivi li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kumplessità dejjem tikber. Il-Kunsill isemmi f’dan ir-rigward id-diversi mezzi ta’ evażjoni, permezz ta’ assi mhux iddikjarati bl-użu ta’ membri tal‑familja, ta’ kumpanniji tal-isem jew ta’ persuni li jsellfu isimhom. Il‑Kummissjoni enfasizzat ukoll il-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, ir‑riskji bla preċedent għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u l-fatt li s‑sistema ta’ miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa ħadet proporzjon li ebda reġim ieħor ma kellu, fid-dawl tan-numru ta’ persuni u entitajiet koperti mill-imsemmija miżuri, tad-daqs tal‑fondi u tar‑riżorsi ekonomiċi kkonċernati mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, u tal‑kumplessità dejjem tikber tal-arranġamenti legali u finanzjarji li permezz tagħhom dawn il-fondi u riżorsi ekonomiċi huma miżmuma jew ikkontrollati, ħaġa li tirrendi l-identifikazzjoni tagħhom mill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti partikolarment diffiċli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx il-possibbiltà ta’ miżuri alternattivi u inqas restrittivi li kienu jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet imfittxija. L-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni inkwistjoni jidhru għalhekk bħala l-implimentazzjoni fl-istess ħin xierqa u neċessarja tal-iffriżar ta’ fondi. |
|
74 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tan-natura proporzjonata tal-obbligi inkwistjoni, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni juri li l-inkonvenjenzi serji li jirriżultaw għar-rikorrenti ma humiex madankollu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija, imfakkra fil‑punt 72 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza primordjali ta’ dawn l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi u tal-fatt li l-obbligi kontenzjużi huma ta’ natura li jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi u uniformi tal-imsemmija miżuri, il-preġudizzju allegat għall-ħajja privata tar-rikorrenti ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat. |
|
75 |
Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura sproporzjonata tal-obbligi inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal‑ħajja privata tagħhom, għandhom jitwarrbu. |
|
76 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-obbligi kkontestati huma eċċessivi minħabba l-fatt li huma jaqbżu biss il‑patrimonju tal-persuni ssanzjonati, għandu jiġi kkonstatat li din ma hijiex sostnuta b’mod ieħor u għandha għalhekk titwarrab. |
|
77 |
Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligi kkontestati jiksru l‑prinċipju ta’ ċertezza legali għar-raġuni li huma bbażati fuq termini vagi u mhux iddefiniti, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata tal‑kunċett ta’ “kontroll”. |
|
78 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, C‑585/13 P, EU:C:2015:145, punt 93; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 42). |
|
79 |
F’dan il-każ, il-persuni suġġetti għal iffriżar ta’ fondi għandhom, skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 269/2014, jiddikjaraw il-“fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi”. |
|
80 |
Issa, ma jidhirx li l-użu tal-kunċetti ta’ appartenenza, ta’ żamma, ta’ pussess jew ta’ kontroll fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ibati minn ambigwità tali li ma tippermettix lill-persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jkunu jistgħu jneħħu, b’ċertezza suffiċjenti, dubji eventwali dwar il‑portata jew is-sens ta’ dawn il-kunċetti. F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ kumpanniji u fil-kuntest speċifiku tal-miżuri restrittivi, diġà ġie deċiż li kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, meta din tkun tinsab f’sitwazzjoni li fiha din l-entità l-oħra tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l‑għażliet tagħha, anki fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika, ta’ proprjetà jew ta’ sehem fil-kapital, bejn waħda u l-oħra minn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-KunsillC‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 75). |
|
81 |
Minn dan isegwi li r-riferiment, magħmul mill-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, għall-kunċetti ta’ appartenenza, ta’ pussess, ta’ żamma jew ta’ kontroll tal-fondi jew tar‑riżorsi ekonomiċi juri b’mod suffiċjentement ċar u li jinftiehem dak li jkopru tali kunċetti, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jikkonformaw ruħhom mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni. |
|
82 |
Is-sitt nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligi inkwistjoni għandhom portata extraterritorjali, peress li persuna li hija s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u li tinsab barra mill-Unjoni tista’ tkun suġġetta għal prosekuzzjonijiet jekk hija ma tweġibx għal mistoqsija ta’ awtorità nazzjonali. |
|
83 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ir-rikorrenti huma obbligati, minn naħa, li jiddikjaraw il‑fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih jinsabu dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, li jikkooperaw mal-imsemmija awtorità għall-finijiet ta’ verifika tal-informazzjoni. Minn dan isegwi li l-assi li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ma humiex koperti mill-imsemmija obbligi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-persuni li jinsabu barra mill-Unjoni, huma biss l-assi tagħhom li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni li huma kkonċernati, ħaġa li tikkostitwixxi rabta suffiċjenti mal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-portata extraterritorjali tal-obbligi inkwistjoni għandu jitwarrab. |
|
84 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-obbligi inkwistjoni ma jistgħux jiġu analizzati bħala miżuri restrittivi, iżda bħala miżuri ta’ natura li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi applikati għar‑rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest u tal-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-imsemmija miżuri, il-Kunsill la kiser il‑portata tal-kompetenza tiegħu ratione materiae, la l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta adotta d‑dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
85 |
Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal‑Artikoli 4, 5, 25 u 40 TUE, kif ukoll tal-Artikoli 3, 4, 82, 83 u 215 TFUE, minħabba li l-Kunsill stabbilixxa ruħu bħala leġiżlatur kriminali
|
86 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tat-tieni motiv issemmi n-nuqqas ta’ bażi legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Madankollu, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l‑Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti tad‑dispożizzjonijiet ikkontestati f’dan il-każ. Għaldaqstant, l‑argument dwar in-nuqqas ta’ bażi legali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandu jitwarrab. |
|
87 |
Għall-bqija tat-tieni motiv, għalkemm ir-rikorrenti jsemmu ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE, l-argument tagħhom huwa intiż, essenzjalment, li juri li, billi adotta d‑dispożizzjonijiet ikkontestati, filwaqt li kien jaf li 25 mis-27 Stat Membru kienu jittrattaw kriminalment l-evażjoni tas-sanzjonijiet, il‑Kunsill stabbilixxa ruħu bħala leġiżlatur kriminali, filwaqt li din il‑kompetenza taqa’ taħt l-Istati Membri. |
|
88 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Latvja u mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument. |
|
89 |
Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-atti adottati abbażi ta’ dispożizzjoni dwar il-PESK, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiżgura, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 40 TUE kif ukoll skont l-ewwel parti tal‑frażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li l-implimentazzjoni ta’ din il-politika ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall‑eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
90 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jistabbilixxi l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni inkwistjoni. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jipprevedi, min-naħa tiegħu, li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi għandu jitqies li jkun parteċipazzjoni f’attivitajiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri restrittivi. F’dan ir‑rigward, huwa jirreferi għall-Artikolu 9(1) tal-istess regolament, li jipprevedi l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni, b’mod konxju u bi ħsieb, fit-tali attivitajiet ta’ evażjoni. |
|
91 |
Dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li jipprevedu dispożizzjonijiet kriminali, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrattaw kriminalment l‑evażjoni tal-miżuri restrittivi. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, kif jirriżulta mill-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2022 għal Deċiżjoni tal-Kunsill, dwar l-inklużjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) [TFUE] [COM (2022) 247 final], il-Kunsill kien konxju li l-evażjoni tas-sanzjonijiet kienet ittrattata kriminalment fl-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta’ tnejn minnhom. Madankollu, minn din iċ-ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li, bl‑adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-Kunsill ġiegħel lill‑Istati Membri jittrattaw kriminalment l-evażjoni tal-iffriżar tal-fondi. Effettivament, il-fatt li, fl-Istati Membri li diġà ttrattaw kriminalment l‑evażjoni tal-miżuri restrittivi, il-pieni applikati fil-każ ta’ ksur taż‑żewġ obbligi inkwistjoni huma, konsegwentement, ukoll kriminali, ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, iżda mill-għażla tal‑Istati Membri fil-qasam tas-sanzjonijiet. |
|
93 |
Għaldaqstant, l-argument li, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-Kunsill adotta obbligi li jaqgħu taħt il-qasam kriminali fil-livell tal-Unjoni u li, b’dan il-mod, huwa stabbilixxa ruħu bħala leġiżlatur kriminali għandu jitwarrab. |
|
94 |
Din il-konstatazzjoni ma tinbidilx minn qari flimkien tal-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, u tal-Artikolu 15 tal-istess regolament. Fil-fatt, mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li huma l-Istati Membri li jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad‑dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi inkwistjoni, ikklassifikat bħala evażjoni tal-miżuri restrittivi, id-determinazzjoni tas‑sistema ta’ sanzjonijiet, “inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq” (Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat), tibqa’ fil‑kompetenza tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jadottaw sistema ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi huwa marbut, mill-għanijiet u l‑kontenut tiegħu, mad-Deċiżjoni 2014/145, peress li huwa intiż li jirrendi effettiva l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri restrittivi previsti minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15 tal-imsemmi regolament iħallu lill-awtoritajiet nazzjonali kull libertà fir-rigward tal-għażla tan-natura, kriminali jew le, tas-sanzjoni marbuta mal-ksur tal-imsemmi regolament. |
|
95 |
Fl-aħħar nett, din il-konstatazzjoni lanqas ma tinbidel bl-adozzjoni, fit‑28 ta’ Novembru 2022, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332, dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 83(1) [TFUE] (ĠU 2022, L 308, p. 18), jew bl-adozzjoni mill-Kummissjoni, fit-2 ta’ Diċembru 2022, tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM (2022) 684 finali). Minbarra l-fatt li din id-deċiżjoni u din il-proposta ma kinux ġew adottati fl-21 ta’ Lulju 2022, id-data tal-adozzjoni tad‑dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi rrilevat li dan l-approċċ leġiżlattiv intiż għall-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali tal-Istati Membri huwa preċiżament distint minn dak tar-Regolament ikkontestat f’dan il-każ, ibbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE, li huwa intiż biss li jiżgura implimentazzjoni effikaċi u uniformi tar-Regolament Nru 269/2014. Fil-fatt, b’differenza minn direttiva, li tiddefinixxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi, adottata abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE, li torbot lill-Istati Membri destinatarji fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq fil-qasam kriminali, is-sistema ta’ sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, tħalli lill-Istati Membri libertà ta’ għażla f’dak li jirrigwarda n-natura kriminali, amministrattiva jew ċivili tas-sanzjonijiet li jkollhom jiġu adottati fil-każ ta’ ksur tal‑projbizzjoni ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi. |
|
96 |
Għaldaqstant, peress li l-obbligi kontenzjużi ma jaqgħux taħt il-qasam kriminali, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li kiser l-Artikolu 83 TFUE, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kunsill lanqas ma kiser l-Artikolu 40 TUE. |
|
97 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
98 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
99 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l‑istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Van der Woude Papasavvas Spielmann Costeira Kowalik-Bańczyk Gervasoni Madise Półtorak Brkan Gâlea Dimitrakopoulos Kukovec Kingston Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.