|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2047 |
15.9.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2047
tal-14 ta’ Settembru 2026
li jestendi s-sorveljanza a posteriori mill-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar Salvagwardji u Regoli Komuni għall-Esportazzjoni,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/478, sorveljanza tal-Unjoni tista’ tkun introdotta meta x-xejra fl-importazzjonijiet ta’ prodott thedded li tikkawża dannu lill-produtturi tal-Unjoni, u meta l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu. L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/755 jippermetti l-possibbiltà li tiġi introdotta sorveljanza meta l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu. Sorveljanza a posteriori, li tirrikjedi li kull Stat Membru jittrażmetti data dwar l-importazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea ftit wara li tkun effettivament saret l-importazzjoni, tista’ tiġi introdotta fl-ambitu taż-żewġ Regolamenti skont l-Artikolu 10(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(a) rispettivament. |
|
(2) |
Ta’ min ifakkar li s-sorveljanza a posteriori dwar l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant (“bijoetanol”) ġiet introdotta għall-ewwel darba f’Novembru 2020 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1628 (3). Ir-Regolament introduċa ċerti kodiċijiet TARIC għal perjodu ta’ sena. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2020/1628 skada fl-4 ta’ Novembru 2021 u għalhekk il-kodiċijiet TARIC ġew diżattivati fis-sistema doganali. Sussegwentement, is-sorveljanza a posteriori mill-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol ġiet introdotta mill-ġdid għal perjodu ta’ tliet snin bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1777 (4). |
|
(4) |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant reġa’ żdied f’dawn l-aħħar snin, u mill-introduzzjoni tar-regolament preċedenti, b’ammonti sinifikanti. |
|
(5) |
Il-volumi tal-importazzjoni tal-bijoetanol użat bħala karburant minn kull oriġini komplew jiżdiedu minn 621 954 tunnellata fl-2023 għal 967 354 tunnellata fl-2025, li jirrappreżentaw żieda ta’ 55 %. L-Istati Uniti huma bil-bosta l-akbar pajjiż esportatur, u jirrappreżentaw 44 % tal-importazzjonijiet totali tal-bijoetanol fl-2025, segwiti mill-Kanada, l-Ukrajna u r-Renju Unit. |
|
(6) |
Matul l-istess perjodu, l-esportazzjonijiet mill-Brażil lejn l-UE juru żieda minn 25 000 tunnellata fl-2023 għal 46 000 tunnellata fl-2025. Madankollu, dan il-volum għadu pjuttost limitat meta mqabbel mal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti, li żdiedu minn 114 000 tunnellata fl-2023 għal 423 000 tunnellata fl-2025. |
|
(7) |
Is-suq tal-Unjoni huwa attraenti minħabba l-prezzijiet għoljin tiegħu u d-domanda dejjem tikber, li hija sostnuta minħabba l-qafas regolatorju, li d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) huma s-sinsla tiegħu. |
|
(8) |
Il-prezz tal-importazzjoni kompla jonqos, bi tnaqqis fil-prezz medju tal-importazzjoni minn EUR 1 014 t-tunnellata fl-2023 għal EUR 816 t-tunnellata fl-2025, tnaqqis ta’ 19 %. Dan it-tnaqqis huwa attribwit l-aktar għat-tnaqqis kbir fil-prezz tal-importazzjoni tal-Istati Uniti, li naqas ukoll b’19 % bejn l-2024 u l-2025 (minn EUR 932 t-tunnellata għal EUR 752 t-tunnellata), u b’hekk baqa’ madwar 16 % taħt il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni. |
|
(9) |
Barra minn hekk, ePURE li tirrappreżenta l-industrija Ewropea tal-etanol rinnovabbli tistma li pajjiżi esportaturi ewlenin, bħall-Istati Uniti jew il-Brażil, għandhom kapaċitajiet ta’ riżerva kbar. L-Istati Uniti waħedhom għandhom madwar 12,5 miljun tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva, li huwa aktar mid-doppju tal-konsum tal-Unjoni, li kien ta’ madwar 5 miljun tunnellata fl-2025. Il-Brażil għandu madwar 16-il miljun tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva, li huwa aktar minn tliet darbiet il-volum tal-konsum tal-Unjoni fl-2025 (ara t-Tabella 1 għad-dettalji). |
|
(10) |
Barra minn hekk, kif jidher fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt, l-Istati Uniti u l-Brażil għandhom kapaċità żejda li eventwalment u malajr tiġi diretta lejn kwalunkwe suq tal-esportazzjoni fil-mira. Il-konsum tal-UE huwa ta’ madwar 4,9 miljun tunnellata u l-produtturi tal-Istati Uniti u tal-Brażil għandhom kapaċità żejda kkombinata ta’ 28,3 miljun tunnellata potenzjalment disponibbli għall-esportazzjoni, u għalhekk huma kapaċi jissodisfaw id-domanda tal-Unjoni għal bosta drabi. Tabella 1 Kapaċità tal-produzzjoni vs Konsum domestiku fis-sena 2025
|
||||||||||||||||||||
|
(11) |
Id-distakk persistenti u li qed jikber fl-ipprezzar bejn il-bijoetanol importat u l-bijoetanol prodott fl-Unjoni eżerċita pressjoni, li wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni b’21 % bejn l-2023 u l-2025. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tikkoinċidi ma’ tnaqqis ta’ 5 % fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-UE. Is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas minn 86 % fl-2023 għal 81 % fl-2025. Minflok ma bbenefikat miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni tilfet xi sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat, li jindika b’mod ċar li l-importazzjonijiet fl-UE ppenetraw is-suq tal-Unjoni għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(12) |
Kif indikat mill-industrija tal-Unjoni, bosta indikaturi ekonomiċi ilhom jiddeterjoraw mill-2023, u jidhru sinjali ta’ dannu mġarrab mill-produtturi tal-UE inklużi fil-kampjun, b’mod partikolari:
|
|
(13) |
Għalhekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li l-importazzjonijiet tal-bijoetanol jkomplu jkunu soġġetti għal sorveljanza a posteriori tal-Unjoni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni statistika, qabel il-ħruġ ta’ statistika uffiċjali dwar l-importazzjoni. Id-data ta’ sorveljanza tippermetti li tiġi segwita aktar mill-qrib kwalunkwe bidla ulterjuri fil-flussi kummerċjali u l-impatt possibbli tagħhom. Hemm bżonn ta’ data kummerċjali rapida biex tiġi ttrattata l-vulnerabbiltà tas-suq tal-Unjoni tal-bijoetanol u biex jiġu identifikati bidliet għall-għarrieda fis-suq dinji. |
|
(14) |
Billi l-etanol użat bħala karburant jista’ jiġi kklassifikat f’diversi intestaturi tan-NM li jinkludu prodotti oħrajn, inħolqu kodiċijiet TARIC speċifiċi sabiex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat limitat biss għat-tipi ta’ prodott rilevanti. F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1777, li se jiskadi f’Settembru 2026, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sorveljanza a posteriori għandu jinkludi t-tipi ta’ prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(15) |
Sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ xieraq tax-xejriet tal-importazzjoni u biex jiġi evitat li l-kodiċijiet TARIC rilevanti jiġu diżattivati, jenħtieġ li s-sorveljanza a posteriori tiġi estiża għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant elenkat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal sorveljanza a posteriori mill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/478 u r-Regolament (UE) 2015/755.
2. Il-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ prodotti koperti minn dan ir-Regolament, u b’kontinwità mar-Regolament preċedenti, hija bbażata fuq it-TARIC. L-oriġini tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mis-16 ta’ Settembru 2026, u għandu jibqa’ fis-seħħ għal tliet snin, sal-15 ta’ Settembru 2029.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/478/oj.
(2) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/755/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1628 tat-3 ta’ Novembru 2020 li jintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1628/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1777 tal-14 ta’ Settembru 2023 li jintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant (ĠU L 228, 15.9.2023, p. 247, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1777/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj).
(6) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).
(7) Il-produzzjoni tal-Unjoni kienet ta’ 4 498 816 tunnellata fl-2025.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ANNESS
Lista ta’ tipi ta’ prodotti soġġetti għas-sorveljanza a posteriori tal-Unjoni
Il-prodott ikkonċernat li huwa soġġett għal sorveljanza a posteriori huwa l-etanol rinnovabbli użat bħala karburant, jiġifieri l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkat fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), denaturat jew mhux denaturat, esklużi l-prodotti b’kontenut ta’ ilma ta’ aktar minn 0,3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, iżda inkluż l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) f’taħlitiet bil-petrol b’kontenut ta’ alkoħol etiliku ta’ aktar minn 10 % (v/v) maħsuba għall-użu bħala karburant. Il-prodott ikkonċernat ikopri wkoll l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) li jinsab fl-Etere etil-terz-butiliku (ETBE).
L-ambitu tal-prodott huwa limitat esklussivament għall-etanol rinnovabbli użat bħala karburant. Għalhekk, l-etanol sintetiku u l-etanol rinnovabbli li mhumiex maħsuba biex jintużaw bħala karburant, jiġifieri maħsuba għall-użu industrijali u għax-xorb, mhumiex koperti.
Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi tan-NM u TARIC segwenti:
|
Kodiċi NM |
Estensjonijiet tal-kodiċi TARIC |
|
ex 2207 10 00 |
11 |
|
ex 2207 20 00 |
11 |
|
ex 2208 90 99 |
11 |
|
ex 2710 12 21 |
20 |
|
ex 2710 12 25 |
10 |
|
ex 2710 12 31 |
10 |
|
ex 2710 12 41 |
10 |
|
ex 2710 12 45 |
10 |
|
ex 2710 12 49 |
10 |
|
ex 2710 12 50 |
10 |
|
ex 2710 12 70 |
10 |
|
ex 2710 12 90 |
10 |
|
ex 2909 19 10 |
10 |
|
ex 3814 00 10 |
10 |
|
ex 3814 00 90 |
70 |
|
ex 3820 00 00 |
10 |
|
ex 3824 99 92 |
66 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2047/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)