IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.7.2021
COM(2021) 418 final
ANNESS
ta'
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tar-reviżjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Proġetti ta’ Ġenerazzjoni tal-Elettriku Fgwidati mill-Faħam li jinsab fl-Anness VI
ANNESS
SUĠĠERIMENT
Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea hija li tappoġġa:
(1)It-tmiem immedjat tal-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali u ta’ għajnuna marbuta għal:
(a)L-esportazzjoni ta’ proġetti ġodda ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam jew partijiet minnhom.
Proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam huma impjanti tal-enerġija kompleti, jew partijiet minnhom, li jaħdmu bil-faħam; jinkludu l-komponenti, it-tagħmir, il-materjali u s-servizzi kollha (inkluż it-taħriġ tal-personal) li huma meħtieġa b’mod dirett għall-kostruzzjoni u għall-kummissjonar ta’ stazzjonijiet tal-enerġija bħal dawn.
(b)Il-provvista ta’ tagħmir lil impjanti eżistenti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)L-iskop tat-tagħmir fornut huwa t-tnaqqis tat-tniġġis.
(ii)It-tagħmir ipprovdut la jwassal għal estensjoni tal-ħajja utli tal-impjant u lanqas għal żieda fil-kapaċità.
(2)It-tmiem immedjat tal-forniment ta’ krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali u ta’ għajnuna marbuta għall-esportazzjoni ta’ oġġetti u servizzi relatati ma’:
(a)L-iżvilupp, il-kostruzzjoni jew l-espansjoni tat-tħaffir għall-faħam termali. Dan jinkludi l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-produzzjoni tal-faħam termali u l-infrastruttura assoċjata miegħu.
(b)Kwalunkwe tip ta’ trasport (inklużi modi ta’ trasport u infrastruttura assoċjata) użat b’mod predominanti għaċ-ċaqliq tal-faħam termali.
Il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Appendiċi II tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni u l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, u l-Proġetti tal-Ilma (l-Anness IV). It-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji applikabbli għal tali proġetti għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness IV.
Il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw għall-esportazzjonijiet kollha ta’ oġġetti u servizzi koperti mill-Arranġament, inkluż meta koperti minn Ftehimiet Settorjali.
L-implimentazzjoni ta’ din il-proposta tista’ twassal għal bidliet fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Proġetti tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku mill-Faħam li jinsabu fl-Anness VI, kif ukoll potenzjalment għad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati, speċjalment l-Artikolu 6 tiegħu.