SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Unjoni doganali u tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8539, 8541, 8543, 8548 u 9405 — Lampi b’dajowds li jarmu d-dawl (LED)”

Fil-Kawża C‑600/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Lemnis Lighting BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għal Lemnis Lighting BV, minn E. Mennes u B. Kalshoven, belastingadviseurs,

—

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

—

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Koós u A. Pálfy, bħala aġenti,

—

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 8539, 8541, 8543, 8548 u 9405 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU 2007, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni doganali”) u Lemnis Lighting BV (iktar ’il quddiem “Lemnis Lighting”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ lampi b’dajowds li jarmu d-dawl (iktar ’il quddiem il-“lampi LED”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata

3

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), ġie stabbilit mill-konvenzjoni internazzjonali li ħolqot l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tat-tariffi u statistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċijiet numeriċi relatati magħha, u li ssegwi s-sekwenza numerika tas-SA. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA u n-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

L-ODD għandha tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

6

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8541 huma fformulati kif ġej:

“A) Dajowds, transisters u mezzi semikondutturi simili

[…]

Fost dawn il-mezzi, jistgħu jiġu ċċitati:

I.–

Id-dajowds. Dawn huma mezzi b’żewġ terminali, li jinkludu konnessjoni PN waħda biss u li jippermettu li jgħaddi l-kurrent f’direzzjoni waħda (direzzjoni ta’ passaġġ) iżda joffru reżistenza qawwija ħafna fid-direzzjoni l-oħra (direzzjoni mblukkata). Huma jintużaw għall-iżvelar, għar-rettifika, għall-kommutazzjoni, eċċ.

It-tipi prinċipali ta’ dajowds huma: id-dajowds ta’ senjalazzjoni, id-dajowds li jirrettifikaw il-potenza, id-dajowds li jirregolaw il-voltaġġ, id-dajowds ta’ voltaġġ ta’ referenza.

II.–

It-transisters […]

III.–

Il-mezzi semikondutturi simili […]

Il-mezzi deskritti iktar ’il fuq jaqgħu taħt din l-intestatura, kemm jekk ikunu ppreżentati mmuntati, jiġifieri diġà mgħammra bil-konnessjonijiet tagħhom jew inkapsulati (komponenti), kemm jekk mhux immuntati (elementi) u saħansitra jekk ikunu fil-forma ta’ diski (wafers) li jkunu għadhom ma tqattgħux.

[…]

B) Mezzi semikondutturi fotosensittivi

[…]

C) Dajowds li jarmu d-dawl

Dajowds li jarmu d-dawl jew dajowds elettroluminixxenti (b’mod partikolari bl-arsenjur tal-gallju jew bil-fosfur tal-gallju) huma mezzi li jikkonvertu l-enerġija elettrika f’raġġi infraħomor jew ultravjola viżibbli. Huma jintużaw b’mod partikolari sabiex tintwera jew tiġi trażmessa data f’sistemi ta’ pproċessar tal-informazzjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8543 ta’ din is-sistema:

“Din l-intestatura tinkludi, sakemm ma humiex esklużi min-noti tat-taqsima jew ta’ dan il-kapitolu, il-magni u l-apparati elettriċi kollha li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi f’intestaturi oħra tal-kapitolu, u lanqas ma huma koperti b’mod iktar speċifiku minn kwalunkwe intestatura ta’ kapitolu ieħor (b’mod partikolari l-Kapitoli 84 jew 90).

Il-mezzi elettriċi b’funzjoni individwali għandhom jitqiesu li huma magni jew apparati fis-sens ta’ din l-intestatura. Id-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega għall-intestatura 84.79 dwar il-magni u l-apparati b’funzjoni individwali, huma applikabbli mutatis mutandis għall-magni u għall-apparati ta’ din l-intestatura.

Fil-parti l-kbira tagħhom, huma muntaġġi ta’ mezzi elettriċi elementari (lampi, transformers, kapaċitaturi, ċowkijiet, resistors, eċċ.) li joperaw esklużivament permezz ta’ mezz purament elettriku. Madankollu, huma inklużi f’din l-intestatura l-oġġetti elettriċi li jinkludu mezzi mekkaniċi, bil-kundizzjoni li dawn il-mezzi jkollhom biss rwol sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet elettriċi tal-magna jew tal-apparat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8479 ta’ din is-sistema huma fformulati kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi l-magni u l-apparati mekkaniċi b’funzjoni individwali li ma humiex:

[…]

c)

ikklassifikati f’intestaturi iktar speċifiċi ta’ dan il-kapitolu minħabba li:

[…]

1°)

ma humiex speċjalizzati abbażi tal-funzjoni tagħhom jew tat-tip tagħhom;

[…]

Il-magni u l-apparati ta’ din l-intestatura huma distinti mill-partijiet ta’ magni jew ta’ apparati li għandhom jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-partijiet, minħabba l-fatt li għandhom funzjoni individwali.

Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet preċedenti dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li għandhom funzjoni individwali:

A)

Il-mezzi mekkaniċi […] li l-funzjoni tagħhom tista’ titwettaq b’mod distint u indipendenti minn kull magna, apparat jew makkinarju ieħor. […]

B)

Il-mezzi mekkaniċi li jistgħu jiffunzjonaw biss jekk ikunu mmuntati fuq magna, apparat jew makkinarju ieħor u jekk ikunu inkorporati f’assjem iktar kumpless, bil-kundizzjoni madankollu li l-funzjoni tagħhom:

1°)

tkun distinta minn dik tal-magna, tal-apparat jew tal-makkinarju li fuqu għandhom jiġu mmuntati jew minn dik tal-assjem li fih għandhom jiġu inkorporati, u

2°)

ma tipparteċipax b’mod integrali u inseparabbli fil-funzjonament ta’ din il-magna, ta’ dan l-apparat, makkinarju jew assjem.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9405 huma fformulati kif ġej:

“Huma kklassifikati wkoll f’din l-intestatura, meta jkunu jistgħu jintgħarfu bħala tali u meta ma jkunux inklużi b’mod iktar speċifiku band’oħra, il-partijiet ta’ apparati tad-dawl, lampi li jintużaw għar-reklamar, sinjali mdawla, pjanċi tal-ismijiet imdawla u oġġetti simili […].

Il-partijiet elettriċi ta’ dawn l-oġġetti (pereżempju fittings, fjusijiet, swiċċijiet, transformers, starters, ballasts), ippreżentati separatament, jaqgħu taħt il-Kapitolu 85.

[…]

Huma wkoll esklużi minn din l-intestatura:

[…]

h)

Il-lampi (bozoz) u tubi bil-filament jew bl-iskarika (inklużi dawk li jkunu fil-forma ta’ skrollijiet, ta’ ittri, ta’ ċifri, ta’ stilel, eċċ.) u lampi b’arka (Nru 85.39).

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

10

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

11

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazju, kif tirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew bejn ix-xahar ta’ Mejju 2008 u dak ta’ Marzu 2011, huma dawk li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament Nru 1214/2007, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1). Peress li l-kliem tad-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għal dawn il-fatti ma ġiex affettwat minn dawn l-emendi suċċessivi, għandu jsir riferiment għall-verżjoni ta’ din in-nomenklatura li tirriżulta mir-Regolament Nru 1214/2007.

13

L-ewwel parti tan-NM tinkludi serje ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, iddedikat lid-dispożizzjonijiet ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

4.

Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati fit-titlu xieraq għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

14

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVI, li n-Nota 4 tagħha tipprovdi:

“Fejn magna (inkluża taħlita ta’ magni) tikkonsisti f’komponenti individwali (kemm jekk separati kif jekk imwaħħlin flimkien b’pajpijiet, b’mezzi ta’ trasmissjoni, b’kejbils ta’ l-elettriku jew b’mezzi oħrajn) maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar koperti b’wieħed mit-titli f’Kapitlu 84 jew 85, hekk kollox jaqa’ biex ikun ikklassifikat fit-titlu xieraq għal dik il-funzjoni.”

15

It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

16

In-Nota 8 tal-Kapitolu 85 tan-NM tipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ titli 8541 u 8542:

‘dajowds, transisters u strumenti semikondutturi simili’ huma strumenti semikondutturi li l-operat tagħhom jiddependi minn varjazzjonijiet fil-miżura ta’ reżistenza (resistivity) fl-applikazzjoni ta’ żona ta’ elettriċità;

[…]

Għall-klassifikazzjoni ta’ l-oġġetti msemmijin f’din in-Nota, titli 8541 u 8542 għandhom jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe titlu ieħor fin-Nomenklatura, ħlief fil-każ ta’ titlu 8523, li tista’ tkoprihom permezz ta’ riferenza, b’mod partikolari, għall-funzjoni tagħhom.”

17

In-Nota 9 tal-Kapitolu 85 tan-NM tipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ titlu 8548, ‘ċelluli primarji moħlijin, batteriji primarji moħlijin u akkumulaturi elettriċi moħlijin’ huma dawk li la jistgħu jintużaw hekk minħabba ksur, qtugħ, użu jew raġunijiet oħrajn, u lanqas ma jistgħu jiġu ikkargati mill-ġdid.”

18

Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestaturi tariffarji li ġejjin:

“8539

Bozoz ta’ l-elettriku ta’ filament jew disċarġ, inklużi unitajiet ta’ bozoz raġġ-issiġillat u lampi ultravjola u infra-ħomor; bozoz b’arka:

 

 

[…]

[…]

8541

Dajowds, transisters u mezzi simili semikondutturi; mezzi semikondutturi fotosensittivi, inklużi ċelluli fotovoltajki immuntati f’moduli jew magħmulin f’pannelli jew le; dajowds jarmu d-dawl; kristalli pjeżoelettriċi ingastati:

 

 

[…]

[…]

8543

Magni u apparat elettriċi, b’funzjoni individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-kapitlu:

[…]

[…]

8548

Skart u fdal ta’ celluli primarji, batteriji primarji u akkumulaturi elettriċi; ċelluli primarji maħruqin, batteriji primarji maħruqin u akkumulaturi ta’ l-elettriku maħruqin; partijiet ta’ elettriku ta’ magni jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra f’dan il-kapitlu:

[…]”

19

Il-Kapitolu 94 tan-NM, li jinsab taħt it-Taqsima XX ta’ din in-nomenklatura, huwa intitolat “Għamara; friex, mtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing) simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawwlin u simili; bini prefabbrikat”. Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura tariffarja 9405, li hija fformulata kif ġej:

“Lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl inklużi serċlajts u spotlajts u partijiet tagħhom, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawwlin u simili, li għandhom sors ta’ dawl imwaħħal b’mod fiss, u partijiet tagħhom mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra:

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Mejju 2008 u x-xahar ta’ Marzu 2011, Lemnis Lighting ippreżentat dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għal lampi LED.

21

Il-lampi LED huma magħmula minn diversi komponenti elettroniċi, minn kapsula tal-ħġieġ u minn fittings tal-metall. Huma intiżi li jitqiegħdu f’armatura tad-dawl u jservu sabiex jagħtu d-dawl.

22

Wieħed mill-komponenti elettroniċi huwa ċirkwit stampat (printed circuit board, iktar ’il quddiem “PCB”), li għandu forma kwadra b’naħa ta’ 14 mm u li fuqu jinsabu mqiegħda sitt dajowds li jarmu d-dawl (light emitting diodes, iktar ’il quddiem id-“dajowds li jarmu d-dawl”). Id-dajowds li jarmu d-dawl jikkonvertu l-enerġija elettrika li tkun ġejja min-netwerk tal-elettriku f’dawl viżibbli malli kurrent elettriku jgħaddi mid-dajowd fid-direzzjoni ta’ passaġġ.

23

Il-PCB mgħammar bid-dajowds li jarmu d-dawl huwa magħluq fi sfera tal-ħġieġ. Barra minn hekk, il-lampi LED jinkludu fitting mgħammra b’kamin imsejjaħ “Edison” b’dijametru ta’ 27 mm (fitting imsejjaħ “E27”, iktar ’il quddiem il-“fitting”). Għalhekk il-lampi LED jistgħu jitqiegħdu f’armatura tad-dawl.

24

Id-dajowds li jarmu d-dawl jeħtieġu kurrent elettriku kontinwu. Għal din ir-raġuni, komponent elettroniku, li l-funzjoni tiegħu hija li jinterċetta l-kurrenti elettriċi li jgħaddu min-netwerk tal-elettriku, jitqiegħed bejn il-fitting u l-PCB. Dan il-komponent elettriku jinkludi b’mod partikolari dajowds, transisters, resistors, kapaċitaturi u koljaturi kif ukoll ċirkwiti integrati.

25

Il-lampi LED ġew iddikjarati minn Lemnis Lighting li jaqgħu taħt is-subintestatura 8541 40 10 tan-NM, li hija suġġetta għall-ħlas ta’ dazji doganali bir-rata ta’ 0 %.

26

L-amministrazzjoni doganali qieset li l-lampi LED kellhom jaqgħu taħt l-intestatura 8543 70 90 tan-NM, li għaliha tikkorrispondi rata doganali ta’ 3.7 %, u bagħtet avviżi għall-ħlas ta’ dazji doganali lil Lemnis Lighting għall-ammont dovut.

27

Lemnis Lighting ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni, li ġie miċħud mill-amministrazzjoni doganali. Għalhekk hija ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (qorti ta’ Harlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) li ddikjaratu infondat. Lemnis Lighting appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

28

Il-qorti tal-appell iddeċidiet li, b’applikazzjoni tar-Regola 4 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-lampi LED jistgħu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8539 22 90 tal-imsemmija nomenklatura, li għaliha tikkorrispondi tariffa doganali ta’ 2.7 %, peress li l-lampi bil-filament, previsti fl-intestatura 8539 tan-NM, huma l-eqreb tal-lampi LED.

29

L-amministrazzjoni doganali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), u Lemnis Lighting appellat inċidentalment minn dik l-istess sentenza. Dik il-qorti tesprimi dubji dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-lampi LED.

30

Fil-fatt, hija tqis li, peress li, skontha, ebda waħda mill-intestaturi 8539, 8541 u 8543 tan-NM ma hija intiża li tapplika abbażi tar-Regola 1 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-lampi LED tista’ ssir billi jintużaw ir-Regoli 2, 3 jew possibbilment 4 ta’ dawn ir-regoli ġenerali. Hija ssostni wkoll li, kieku l-lampi LED kellhom jitqiesu li huma “partijiet ta’ elettriku ta’ magni jew apparat” jew li huma “lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl u partijiet tagħhom”, tqum il-kwistjoni jekk jistgħux jaqgħu taħt l-intestaturi 8548 jew 9405 tan-NM, rispettivament.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-intestaturi 8539, 8541, 8543, 8548 u 9405 tan-NM għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodotti bħal-lampi led, li huma magħmula minn dajowds li jagħtu d-dawl u komponenti [elettroniċi] oħra, kif ukoll minn kapsula tal-ħġieġ u minn fitting Edison, u li jservu biex idawlu wara li jkunu ddaħħlu f’tagħmir għad-dawl, għandhom jiġu kklassifikati taħt waħda minn dawn l-intestaturi? Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, taħt liema minn dawn l-intestaturi għandhom jiġu kklassifikati dawn il-prodotti? Jekk tingħata risposta fin-negattiv, taħt liema intestatura oħra għandha ssir il-klassifikazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

32

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, taħt liema waħda mill-intestaturi 8539, 8541, 8543, 8548 jew 9405 tan-NM taqa’ merkanzija bħal-lampi LED inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija li tiggwida lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Minħabba f’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposti pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda li hija għamlitilha.

35

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu li għandhom biss valur indikattiv.

36

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jitfittex fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dak li jirrigwarda n-noti ta’ spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-fatt li dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Sonos Europe, C‑84/15, EU:C:2016:184, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-lampi LED, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la huma previsti espliċitament mill-kliem tal-intestaturi 8539, 8541, 8548 u 9405 tan-NM, la mill-kliem tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din tal-aħħar, u lanqas min-noti ta’ spjega tan-NM jew tas-SA.

39

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija lampi LED jistgħux jiġu kklassifikati f’waħda minn dawn l-intestaturi tan-NM.

40

F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8539 tan-NM, mill-kliem tagħha jirriżulta li din tal-aħħar tirreferi speċifikament u esklużivament għall-“bozoz ta’ l-elettriku ta’ filament jew disċarġ, inklużi unitajiet ta’ bozoz raġġ-issiġillat u lampi ultravjola u infra-ħomor; bozoz b’arka”. Għalhekk, din l-intestatura tirrigwarda biss il-lampi li jużaw teknika partikolari bil-għan li jipproduċu d-dawl.

41

Issa l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkorrispondux għal dan il-kliem. Fil-fatt, il-lampi LED jarmu d-dawl permezz ta’ dajowds li jarmu d-dawl, jiġifieri proċess ta’ tixrid tad-dawl li ma huwiex kopert mill-intestatura 8539 tan-NM.

42

Għaldaqstant, merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt l-intestatura 8539 tan-NM.

43

F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8541 tan-NM, din tal-aħħar tikkonċerna, b’mod partikolari, id-“dajowds jarmu d-dawl”. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku li l-lampi LED huma magħmula minn dawn id-dajowds.

44

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8541, din l-intestatura tiġbor flimkien b’mod partikolari dajowds li jarmu d-dawl jew dajowds elettroluminixxenti li huma mezzi li jikkonvertu l-enerġija elettrika f’raġġi infraħomor jew ultravjola viżibbli. Huma jintużaw b’mod partikolari sabiex tintwera jew tiġi trażmessa data f’sistemi ta’ pproċessar tal-informazzjoni.

45

Minn dan jirriżulta li l-intestatura 8541 tan-NM tinkludi d-dajowds li jarmu d-dawl li ma humiex immuntati flimkien ma’ komponenti elettroniċi oħra. Issa għandu jiġi kkonstatat li l-lampi LED huma magħmula mhux biss minn dajowds li jarmu d-dawl, iżda wkoll minn diversi komponenti oħra li huma neċessarji għall-funzjonament tagħhom, bħal bozza tal-ħġieġ, PCB u fitting.

46

Konsegwentement, il-lampi LED ma jistgħux jaqgħu taħt l-intestatura 8541 tan-NM.

47

F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8548 tan-NM, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar tinkludi b’mod partikolari l-“partijiet ta’ elettriku ta’ magni jew apparat”.

48

Għandu jitfakkar li, għalkemm in-NM ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet”, fis-sens tal-intestatura 8548 tan-NM, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fil-kuntest tal-Kapitoli 84 u 85 tat-Taqsima XVI u tal-Kapitolu 90 tat-Taqsima XVIII tan-NM, jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ assjem li għall-funzjonament tiegħu dawn tal-aħħar huma indispensabbli. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “partijiet”, fis-sens tal-imsemmija kapitoli, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna jew l-apparat ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa l-bżonnijiet li huwa intiż għalihom. Għandu jiġi stabbilit li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna jew tal-apparat inkwistjoni huwa kkundizzjonat mill-imsemmi oġġett (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-lampi LED inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiegħdu f’armatura tad-dawl. Barra minn hekk, id-dajowds li jarmu d-dawl jeħtieġu kurrent kontinwu. Issa kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm apparat tad-dawl mingħajr lampa ma jistax ixerred id-dawl, il-funzjoni mekkanika jew elettrika tal-apparat tad-dawl ma tiddependix mill-preżenza tal-lampa LED jew min-nuqqas tagħha.

50

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-lampa LED ma hijiex indispensabbli għall-funzjonament ta’ armatura tad-dawl. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tali lampa, għaldaqstant, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “partijiet” minn armatura tad-dawl u, għalhekk, ma tistax taqa’ taħt l-intestatura 8548 tan-NM.

51

Barra minn hekk, il-lampi LED ma jistgħux jitqiesu li huma “lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl inklużi serċlajts u spotlajts u partijiet tagħhom”, fis-sens tal-intestatura 9405 tan-NM.

52

Fil-fatt, fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, il-kunċett ta’ “partijiet”, fis-sens tal-intestatura 9405 tan-NM, għandu jingħata l-istess definizzjoni bħal dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kapitoli oħra tan-NM, bħal dik imfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

53

Konsegwentement, il-lampi LED ma jistgħux jaqgħu taħt l-intestatura 9405 tan-NM, peress li, kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, il-lampi LED ma jistgħux jitqiesu li huma “partijiet” ta’ apparati tad-dawl li għall-funzjonament tagħhom dawn il-lampi huma indispensabbli.

54

F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8543 tan-NM, mill-kliem tal-imsemmija intestatura jirriżulta li din tal-aħħar tinkludi l-“magni u apparat elettriċi, b’funzjoni individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra [fil-Kapitolu 85 tan-NM]”. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-istess intestatura huwa possibbli biss jekk dan il-prodott ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat f’intestatura oħra ta’ dan il-Kapitolu 85. Issa mill-punti 42, 46 u 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 71).

55

Barra minn hekk, l-intestatura 8543 tan-NM hija applikabbli għal magna jew għal apparat elettriku biss jekk dawn ikollhom funzjoni individwali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2014, Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 27).

56

Fil-fatt, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8543 ta’ din is-sistema jsemmu li l-mezzi elettriċi b’funzjoni individwali għandhom jitqiesu li huma “magni jew apparati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens ta’ din l-intestatura. Dawn in-noti jfakkru wkoll li, fil-parti l-kbira tagħhom, dawn il-magni u apparati huma muntaġġi ta’ mezzi elettriċi elementari (lampi, transformers, kapaċitaturi, ċowkijiet, resistors, eċċ.) li joperaw esklużivament permezz ta’ mezz purament elettriku u li, madankollu, huma inklużi f’din l-intestatura l-oġġetti elettriċi li jinkludu mezzi mekkaniċi, bil-kundizzjoni li dawn il-mezzi jkollhom biss rwol sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet elettriċi tal-magna jew tal-apparat. Barra minn hekk, dan il-punt jispeċifika li d-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega għall-intestatura 8479 tas-SA dwar il-magni u l-apparati b’funzjoni individwali huma applikabbli mutatis mutandis għall-magni u għall-apparati tal-intestatura 8543 tas-SA.

57

F’dan ir-rigward, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8479 ta’ din is-sistema jispeċifikaw, minn naħa, li din tal-aħħar tinkludi l-magni u l-apparati mekkaniċi b’funzjoni individwali li ma humiex ikklassifikati f’intestaturi iktar speċifiċi tal-Kapitolu 84 tas-SA minħabba li ma humiex speċjalizzati abbażi tal-funzjoni tagħhom jew tat-tip tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-magni u l-apparati li jaqgħu fl-imsemmija intestatura huma distinti mill-partijiet ta’ magni jew ta’ apparati li għandhom jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-partijiet, minħabba l-fatt li għandhom funzjoni individwali.

58

F’dan il-każ, il-lampi LED għandhom funzjoni li jagħtu d-dawl. Din il-funzjoni titwettaq permezz tad-dajowds li jarmu d-dawl li minnhom jiċċirkola kurrent kontinwu. F’dan ir-rigward, l-imsemmija lampi ma jeħtiġux neċessarjament li jkunu integrati f’armatura tad-dawl sabiex iwettqu l-funzjoni li jagħtu d-dawl, peress li kurrent elettriku huwa suffiċjenti sabiex iħaddimhom. Għaldaqstant, il-lampi LED għandhom funzjoni individwali.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-fatti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, merkanzija bħal-lampi LED inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 8543 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-fatti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, merkanzija bħal-lampi b’dajowds li jarmu d-dawl inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 8543 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.