European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/549

16.3.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/549

tat-13 ta’ Marzu 2026

li jikkonċerna t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer, għall-pollam u għall-għasafar ornamentali u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1016/2013 u (UE) 2017/930

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Preparazzjoni ta’ razza ta’ mikroorganiżmu DSM 11798 tal-familja Coriobacteriaceae ġiet awtorizzata għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2013 (2) u għall-ispeċijiet kollha tat-tjur bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/930 (3).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae (li qabel kienet identifikata b’mod tassonomiku bħala li tappartjeni għall-familja Coriobacteriaceae) bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer u għall-ispeċijiet avjarji kollha, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf bil-mikotossini”. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2025 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae għadha sikura għall-ħnienes, għall-ħnieżer tas-simna u għall-ispeċijiet avjarji kollha, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont it-termini approvati tal-awtorizzazzjoni. Ikkonkludiet ukoll li l-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae mhijiex irritanti għall-ġilda jew għall-għajnejn iżda jenħtieġ li titqies bħala sensitizzatur potenzjali tal-ġilda u respiratorju u kwalunkwe esponiment mill-ġilda u mis-sistema respiratorja jitqies bħala riskju. L-Awtorità ddikjarat ukoll li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali li jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. Għalhekk, hija kkonkludiet li ma hemmx bżonn tiġi vvalutata l-effikaċja tal-addittiv fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

(5)

Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae bħala addittiv fl-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (5), mhuwiex meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq saħħet l-utenti tal-addittiv. Jenħtieġ li dawk il-miżuri protettivi jkunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tas-sikurezza tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni.

(7)

Bħala konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae bħala addittiv fl-għalf, jenħtieġ li jitħassru r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1016/2013 u (UE) 2017/930.

(8)

Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jitħalla perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi teknoloġiċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf bil-mikotossini”, hija mġedda suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1016/2013 u (UE) 2017/930 jitħassru.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-preparazzjoni ta’ razza ta’ mikroorganiżmu DSM 11798 tal-familja Coriobacteriaceae, kif awtorizzata bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1016/2013 u (UE) 2017/930 u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dawk l-addittiv, li huma maħsuba għall-ħnieżer u għall-ispeċijiet avjarji kollha, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ Ottubru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ April 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv fl-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li huma maħsuba għall-ħnieżer u għall-ispeċijiet avjarji kollha, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ April 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ April 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li huma maħsuba għall-ħnieżer u għall-ispeċijiet avjarji kollha, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ April 2028 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ April 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2013 tat-23 ta’ Ottubru 2013 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ razza ta’ mikroorganiżmu DSM 11798 tal-familja Coriobacteriaceae bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer (ĠU L 282, 24.10.2013, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1016/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/930 tal-31 ta’ Mejju 2017 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ razza ta’ mikroorganiżmu DSM 11798 tal-familja Coriobacteriaceae bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha ta’ tjur u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1016/2013 (ĠU L 141, 1.6.2017, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/930/oj).

(4)   EFSA Journal 2025;23(4); e9360, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9360.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem l-addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem tal-perjodu tal-awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf bil-mikotossini: trikoteċeni

1m01

Ir-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae li fiha minimu ta’ 5 × 109 CFU/g tal-addittiv.

Forma solida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Ċelloli vijabbli tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae

Metodu analitiku  (1)

Enumerazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae:

—

Il-metodu tat-tferrigħ bl-użu tal-VM agar supplimentat bil-Oxyrase.

Identifikazzjoni tar-razza batterika DSM 11798 tal-familja Eggerthellaceae:

—

Metodi tas-sekwenzjar tad-DNA jew Elettroforeżi fuq Ġell f’Kamp Pulsat (PFGE, Pulsed Field Gel Electrophoresis) (CEN/TS 17697)

Ħnieżer

Pollam

Għasafar ornamentali

—

1,7 × 108

—

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv għandu jintuża biss fl-għalf li jkun ġa konformi mar-regoli stabbiliti għall-mikotossini fid-dritt tal-Unjoni dwar is-sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali.

3.

L-addittiv jista’ jintuża simultanjament mal-koċċidjostati li ġejjin, f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf: in-narasin/in-nikarbażina, is-sodju tas-salinomiċina, is-sodju tal-monensina, il-kloridrat tar-robenidina, id-diklażuril, in-narasin jew in-nikarbażina.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs u għall-ġilda.

Il-5 ta’ April 2036


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en?prefLang=mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/549/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)