|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/4857 |
15.9.2026 |
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ folji u koljaturi tal-azzar inossidabbli llaminati fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja
(C/2026/4857)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika tal-iskadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ folji u koljaturi tal-azzar inossidabbli llaminati fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fid-29 ta’ Ġunju 2026 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer”), (“l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ folji u koljaturi tal-azzar inossidabbli llaminati fil-kiesaħ fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti, mhux maħdumin iktar ħlief illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00 , 7219 32 10 , 7219 32 90 , 7219 33 10 , 7219 33 90 , 7219 34 10 , 7219 34 90 , 7219 35 10 , 7219 35 90 , 7219 90 20 , 7219 90 80 , 7220 20 21 , 7220 20 29 , 7220 20 41 , 7220 20 49 , 7220 20 81 , 7220 20 89 , 7220 90 20 u 7220 90 80 . Il-kodiċijiet NM huma pprovduti għall-informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2012 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433 (4).
L-istess prodott huwa soġġett ukoll għal miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1483 (5) u għal dazji kumpensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433, u t-tnejn li huma, fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-Indoneżja, ġew estiżi għat-Tajwan u l-Vjetnam (6).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’rikorrenza ta’ dumping u rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping
4.1.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping mill-Indja
L-allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping għall-Indja hija bbażata fuq tqabbil bejn il-prezz domestiku u l-valur normali maħdum (kostijiet tal-manifattura, kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fl-Indja bil-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u lejn pajjiżi terzi oħra, fid-dawl tal-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni.
Fuq il-bażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn swieq terzi huma aktar baxxi mill-valur normali, l-applikant qed jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Indja jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
4.1.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Indoneżja
L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping għall-Indoneżja hija bbażata fuq tqabbil bejn il-valur normali maħdum (kostijiet tal-manifattura, SG&A u profitt) u l-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra, fid-dawl tal-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Indoneżja lejn l-Unjoni.
Fuq il-bażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn swieq terzi huma aktar baxxi mill-valur normali, l-applikant qed jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Indoneżja jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza u aggravazzjoni tad-dannu
L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza u ta’ aggravazzjoni ulterjuri tad-dannu mill-Indja u mill-Indoneżja. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-Indja u mill-Indoneżja lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użati u l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi fl-Indja u fl-Indoneżja, kif ukoll l-eżistenza ta’ miżuri għad-difiża kummerċjali f’pajjiżi terzi.
5. Proċedura
Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk ikunx probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-Indja u l-Indoneżja u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni dwar kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza ta’ dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiżi kkonċernati hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni aktarx jitkomplew jew jirrikorru jekk jiskadu l-miżuri.
Għaldaqstant, il-produtturi kollha (8) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistednin jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fl-Indja u fl-Indoneżja li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ il-kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami attwali, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2904. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi f’dawn il-pajjiżi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiżi kkonċernati, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li jirriflettu l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati se tkun disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (9) (10)
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li jirriflettu l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2904
5.4. Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż il-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni(jiet) li tkun wasslet/jkunu wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2904
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2904. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4.1 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-partijiet l-oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din it-taqsima se jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna biex ikollok aċċess (11).
5.7. Sottomissjonijiet bil-miktub oħrajn
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, ikunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u għas-Sigurtà Ekonomika |
|
Directorate G |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Email:
Għal kwistjonijiet ta’ dumping:
TRADE-R872-SSCR-AD-ERII-DUMPING@ec.europa.eu
Għal kwistjonijiet ta’ dannu u interessi tal-Unjoni:
TRADE-R872-SSCR-AD-ERII-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhux se taċċetta preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza biex tipprovdi kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza biex tipprovdi kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata waħda mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx 7 ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C/2026/1026, 20.2.2026 ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1026/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2012 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L410, 18.11.2021, p. 153 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2012/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L88, 16.3.2022, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/433/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1483 tal-15 ta’ Settembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L327, 16.9.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1483/oj).
(6) IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1267 tas-6 ta’ Mejju 2024 li jestendi d-dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti minn dak ir-Regolament b’importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le (ĠU L, 2024/1267, 7.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1267/oj); Ir-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1268 tas-6 ta’ Mejju 2024 li jestendi d-dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja għal importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le (ĠU L, 2024/1268, 7.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1268/oj).
(7) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(8) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(9) Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju f’isem dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla lill-ieħor direttament jew indirettament; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(10) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.
(11) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.
(12) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ FOLJI U KOLJATURI TAL-AZZAR INOSSIDABBLI LLAMINATI FIL-KIESAĦ LI JORIĠINAW MILL-INDJA U MILL-INDONEŻJA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward it-teħid ta’ kampjuni li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.
Kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem tal-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz elettroniku |
|
|
Numru tat-telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), u l-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Indja u mill-Indoneżja, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
|
Tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
|
Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Indja u mill-Indoneżja tal-prodott li qed jiġi rieżaminat |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Meta l-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Meta l-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla lill-ieħor direttament jew indirettament; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4857/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)