European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3088

10.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3088

tad-9 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK (1), li tikkonċerna miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK).

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b'reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir-RDK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi awtonomi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(3)

Abbażi ta' rieżami tal-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, u b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti u fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, dawk il-miżuri għandhom jiġġeddu sat-12 ta' Diċembru 2025.

(4)

Abbażi ta' informazzjoni aġġornata, jenħtieġ li jiġu emendati l-entrati għal ċerti persuni elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/788/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom japplikaw sat-12 ta' Diċembru 2025. Huma għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu.”

;

(2)

l-Anness II huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336 I, 12.12.2016, p. 7).


ANNESS

Fit-Taqsima A (“Persuni”) tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, l-entrati 13, 17, 29 u 30 huma sostitwiti b'dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta' Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“13.

Joseph Nganzo Olikwa TIPI

magħruf ukoll bħala: Colonel Tipi Ziro Ziro, Joseph Ngadjole, Joseph Nganzole Olikwa

Data tat-twelid: 10.11.1977

Post tat-twelid: Bunia Fataki, DRC

Nazzjonalità: RDK

Sess: raġel

Grad: Kurunell tal-FARDC

Pożizzjoni: Viċi Kmandant tat-12-il Rapid Reaction Brigade f'Minembwe, eks Kmandant tat-312-il battaljun tal-31 Main Defence Brigade

Numru tal-karta tal-identità militari: 1-77-96-32692-76

Joseph Nganzo Olikwa Tipi kien il-Kmandant tat-312-il battaljun tal-31 Brigata tad-Difiża Ewlenija tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) sa Jannar 2022.

Il-forzi tat-312-il battaljun taħt il-kmand u r-responsabbiltà tiegħu wettqu attakki fuq persuni ċivili u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari stupri ta' nisa bejn Ġunju u Diċembru 2021.

Joseph Nganzo Olikwa Tipi għadu uffiċjal għoli fl-FARDC, bħala Kurunell u Viċi Kmandant tat-12-il Brigata ta' Reazzjoni Rapida f'Minembwe (Kivu t'Isfel), inkarigat mill-amministrazzjoni u l-loġistika.

Minħabba l-funzjonijiet tiegħu, huwa responsabbli għall-ksur reċenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-FARDC.

Joseph Nganzo Olikwa Tipi huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serja tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

8.12.2022

17.

Alain François Viviane GOETZ

Data tat-twelid: 24.4.1965

Post tat-twelid: Deurne, Antwerp, Belgium

Nazzjonalità: Belġjana

Sess: raġel

Alain Goetz huwa negozjant, li huwa l-eks sid benefiċjarju u l-eks direttur ta' African Gold Refinery Ltd., reġistrata fl-Uganda. Kien marbut mal-African Gold Refinery Ltd bħala konsulent u promotur.

Sa mill-2016, African Gold Refinery Limited irċeviet, xtrat, irfinat u kkummerċjalizzat deheb illeċitu li joriġina minn minjieri fir-RDK li huma kkontrollati minn gruppi armati mhux governattivi, inkluż Mai-Mai Yakutumba u Raia Mutomboki, li huma involuti f'attivitajiet destabbilizzanti fil-provinċja ta' Kivu t'Isfel.

Alain Goetz għad għandu wkoll interessi relatati mad-deheb fir-reġjun, b'mod partikolari permezz ta' Aldabra, kumpanija li qabel kien jikkontrolla hu u li, flimkien mal-kumpanija tal-istat Rwandiża Ngali Mining, investiet fir-raffinerija tad-deheb ta' Aldango. Alain Goetz għad għandu interess finanzjarju f'Aldabra sakemm it-talba għad-danni li ppreżenta liċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni tat-Tilwim Kummerċjali għadha pendenti.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Alain Goetz qed jisfrutta l-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK permezz tal-isfruttament u l-kummerċ illeċiti tar-riżorsi naturali.

8.12.2022

29.

Pierre Celestin RURAKABIJE

magħruf ukoll bħala Guillaume NGABO, Bagdad, Simba Guillaume, Samba Guillaume, Ngabo Simba,

Funzjoni/grad: Kmandant tal-‘Commando de recherche et d'action en profondeur’ (CRAP) tal-Forces Démocratiques pour la Libération du Rwanda / Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR/FOCA), Logotenent-Kurunell

Nazzjonalità: Rwandiża

Sess: raġel

Pierre Celestin Rurakabije għandu pożizzjoni ewlenija bħala mexxej Viċi Kmandant fil-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda - Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR-FOCA), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK. B'mod partikolari, huwa l-Viċi Kmandant tal-‘Commando de recherche et d'action en profondeur’ (CRAP) tal-FDLR-FOCA – meqjus bħala l-unità commando u tal-intelligence tal-grupp armat.

L-FDLR-FOCA huma grupp armat fil-biċċa l-kbira Hutu, li wħud mill-mexxejja tiegħu ħadu sehem fil-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda. L-FDLR-FOCA, inkluż l-unità CRAP, jikkontribwixxu għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari permezz ta' vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki fuq persuni ċivili, qtil, vjolenza kontra t-tfal, stupri u atti oħra ta' vjolenza sesswali.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-FDLR, Pierre Celestin Rurakabijeis huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

30.

Gustave KUBWAYO

magħruf ukoll bħala Sirkoof, Surkoof, Sirkoff, Surcouf, Surcoff, Surcof, Surkouf, Syrkoff, Modeste, Slycove

Funzjoni/grad: Kmandant tal-‘Commando de recherche et d'action en profondeur’ (CRAP) tal-Forces Démocratiques pour la Libération du Rwanda / Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR/FOCA), Kurunell

Post tat-twelid: Karago municipality, Gisenyi prefecture, Rwanda; jew Nyabihu District, Western province, Rwanda

Nazzjonalità: Rwandiża

Sess: raġel

Gustave Kuwayo għandu pożizzjoni ewlenija bħala Kmandant fil-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda – Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR-FOCA), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK. Huwa jmexxi l-unità speċjali ‘Commando de recherche et d'action en profondeur’ (CRAP) tal-FDLR-FOCA – meqjusa bħala l-unità commando u tal-intelligence tal-grupp armat.

L-FDLR-FOCA huma grupp armat fil-biċċa l-kbira Hutu, li wħud mill-mexxejja tiegħu ħadu sehem fil-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda. Il-ġellieda tal-FDLR-FOCA, inkluż l-unità CRAP, wettqu stupri u atti oħra ta' vjolenza sesswali u qatlu persuni ċivili. L-FDLR-FOCA huma sistematikament involuti f'sekwestri għal riskatti, detenzjonijiet u eżekuzzjonijiet arbitrarji ta' persuni ċivili u r-reklutaġġ ta' ġellieda tfal. Il-grupp armat huwa involut ukoll fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, l-isfruttament ta' riżorsi naturali bħall-faħam u t-taxxi miġbura illegalment fil-punti ta' kontroll.

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kmandant tal-unità CRAP, Gustave Kubwayo huwa involut fit-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat fir-RDK.

26.7.2024”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3088/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)