14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2041

tat-13 ta' Novembru 2015

dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Messiku dwar il-kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklerjar lill-membri tal-ikklerjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għalaqstant biex jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lil membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri ta' negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar kieku jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma joħolqux livelli ta' riskju sistemiku li mhumiex aċċettabli fl-Unjoni.

(3)

Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fil-Messiku, iżda bbażata wkoll fuq il-valutazzjoni tal-eżitu ta' dawn ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklerjar u ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom b'mod li jista' jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklerjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Messiku għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fir-regoli applikabbli għall-parteċipanti fis-suq ta' kuntratti tad-derivattivi maħruġa mill-Bank tal-Messiku, mill-Comisión Nacional Bancaria y de Valores (CNBV) u mis-Secretaría de Hacienda y Crédito Público (SHCP) u mir-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-parteċipanti fis-suq tal-kuntratti tad-derivattivi elenkati u maħruġa mis-CNBV (minn hawn' il quddiem imsemmija flimkien bħala “ir-regoli primarji”). Ir-regoli primarji jistabbilixxu r-rekwiżiti li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom fuq bażi kontinwa biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta' kklerjar fil-Messiku. CCPs stabbiliti fil-Messiku għandhom jiġu awtorizzati mill-SHCP, abbażi tal-opinjoni tas-CNBV u tal-Bank tal-Messiku.

(7)

Kemm is-CNBV kif ukoll il-Bank tal-Messiku ħarġu stqarrijiet ta' politika li jispjegaw li s-CCPs awtorizzati fil-Messiku huma mitluba jirrispettaw il-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli.

(8)

Skont ir-regoli primarji, is-CCPs għandhom jadottaw regoli u proċeduri interni li jinkludu l-aspetti rilevanti kollha relatati mal-funzjoni tagħhom, inklużi s-salvagwardji biex jimmaniġġjaw il-kreditu, il-likwidità u r-riskju operazzjonali. Dawn ir-regoli u l-proċeduri interni jeħtieġu li jiġu approvati mill-SHCP, abbażi tal-opinjoni tal-Bank tal-Messiku u s-CNBV. Barra minn hekk, dawn ir-regoli u proċeduri interni ma jistgħux jiġu emendati jekk is-SHCP, is-CNBV jew il-Bank tal-Messiku joġġezzjonaw għal dan l-amendar. Il-proċeduri u r-regoli interni tas-CCPs jew l-emendi tagħhom jistgħu wkoll jiġu approvati soġġetti għal ċerti emendi. L-istess proċedura tapplika għall-approvazzjoni u l-modifikazzjoni tad-dokumentazzjoni korporattiva. Barra minn hekk, il-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji u l-pjan ta' likwidità tas-CCP huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bank tal-Messiku u għall-opinjoni tas-CNBV.

(9)

Għaldaqstant, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Messiku jinkludu struttura fuq żewġ livelli. Il-prinċipji ewlenin għas-CCPs stabbiliti fir-regoli primarji, jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fil-Messiku. Dawn ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel livell tar-rekwiżiti legalment vinkolanti fil-Messiku. Sabiex jagħtu prova li huma konformi mar-regoli primarji, is-CCPs iridu jressqu r-regoli u l-proċeduri interni tagħhom, id-dokumentazzjoni korporattiva tagħhom, il-metodoloġiji tagħhom għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji u l-pjan ta' likwidità tas-CCP sabiex jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti. Dawn ir-regoli u proċeduri interni, id-dokumentazzjoni korporattiva, il-pjan ta' likwidità u l-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP jinkludu t-tieni livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fil-Messiku, li jridu jippreskrivu fid-dettall il-mod li bih is-CCP se tissodisfa dawk l-istandards. Is-CNBV u l-Bank tal-Messiku jivvalutaw il-konformità tas-CCP ma' dawk l-istandards u dawk tal-PFMIs. Ladarba jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti, ir-regoli u proċeduri interni, id-dokumentazzjoni korporattiva, il-pjan ta' likwidità u l-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP jsiru legalment vinkolanti fuq is-CCP.

(10)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs stabbiliti fil-Messiku għandha tqis ukoll l-eżitu tat-tnaqqis tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-CCPs stabbiliti fil-Messiku. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mil-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklerjar imwettqa mis-CCP kkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, u minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb l-istess eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju, huma meħtieġa rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskji aktar stretti għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar, li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla minn dak ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar, li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(11)

Id-daqs tas-suq finanzjarju li fih is-CCPs awtorizzati mill-Messiku jwettqu l-attivitajiet tal-ikklerjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. B'mod partikolari, tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati fil-Messiku rrappreżentaw inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni f'CCPs stabbiliti fil-Messiku tesponi lill-membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(12)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs stabbiliti fil-Messiku jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu addattati biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-Messiku, ikkumplimentati mir-regoli u l-proċeduri interni, mid-dokumentazzjoni korporattiva, mill-pjan ta' likwidità u mill-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji tas-CCPs, li jimplimentaw il-PFMIs, inaqqsu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fil-Messiku, u jiksbu eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huwa ekwivalenti għal dak imfittex mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku jiżguraw li s-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(14)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemmhekk iridu jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(15)

Is-superviżjoni ta' CCPs awtorizzati fil-Messiku hija mwettqa mis-CNBV u mill-Bank tal-Messiku fl-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat ta' kull awtorità. Is-CNBV u l-Bank tal-Messiku għandhom is-setgħa li jagħmlu monitoraġġ kontinwu tal-konformità tas-CCPs mar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għalihom. F'dan is-sens, is-CNBV u l-Bank tal-Messiku jistgħu jitolbu informazzjoni minn CCPs, iwettqu verifiki fuq il-post, joħorġu istruzzjonijiet biex jiġi rimedjat kull ksur jew ksur potenzjali tar-rekwiżiti prudenzjali jew prattiki li huwa kontra l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, u jistgħu jordnaw lis-CCPs biex joħolqu miżuri ta' kontroll intern u ta' kontroll tar-riskju. Is-CNBV tista' wkoll tneħħi l-maniġment, xi membri ta' kumitati speċifiċi u aġenti oħra tas-CCP. Barra minn hekk, is-SHCP, abbażi tal-opinjoni tas-CNBV u tal-Bank tal-Messiku, għandha s-setgħa li tirtira l-awtorizzazzjoni tas-CCP. Is-CNBV u l-Bank tal-Messiku jistgħu wkoll jimponu miżuri ta' dixxiplina, kif ukoll multi, lil CCPs għal nuqqas ta' konformità mal-provvedimenti applikabbli.

(16)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemmhekk jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(17)

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”).

(18)

Il-Bank tal-Messiku jista' jirrikonoxxi d-derivattivi tal-ikklerjar tas-CCPs ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati f'pajjiżi terzi fejn l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati minnhom jiżguraw riżultati simili għal dawk garantiti mill-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-Messiku u li jikkonformaw mal-PFMIs. Barra minn hekk, is-CCPs ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni effettiva li tiżgura konformità mal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli. Il-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil bejn il-Bank tal-Messiku jew is-CNBV u l-awtorità superviżorja kompetenti tal-pajjiż terz tas-CCP li qed tapplika hija meħtieġa wkoll sabiex jingħata rikonoxximent.

(19)

Il-proċedura ta' rikonoxximent tar-reġim legali tal-Messiku applikabbli għal CCPs ta' pajjiżi terzi għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala mezz biex tipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi.

(20)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma għalhekk ikkunsidrati milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku rigward CCPs awtorizzati hemmhekk, u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni għandha tkompli ssegwi fuq bażi kontinwa l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għas-CCPs fil-Messiku u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(21)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-Messiku għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq eżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra mill-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija minn din id-deċiżjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Messiku li jikkonsistu f'regoli applikabbli għal parteċipanti fis-suq ta' kuntratti tad-derivattivi, u r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għal parteċipanti fis-suq ta' kuntratti tad-derivattivi elenkati, flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta' politika maħruġa mis-CNBV u mill-Bank tal-Messiku dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji, u li huma applikabbli għas-CCPs awtorizzati minnhom għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u tal-Infrastrutturi tas-Suq.