Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Settembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) 2016/1103 – Ġuriżdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ reġimi matrimonjali – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘reġim matrimonjali’ – Proprjetà immobbli akkwistata b’komproprjetà indiviża minn konjuġi taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni – Proċeduri għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ din il-komproprjetà indiviża mressqa wara x-xoljiment taż-żwieġ – Inklużjoni”

Fil-Kawża C‑300/25 [Duftošek] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ April 2025, fil-proċedura

SQ

vs

YR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SQ, minn A. Andruško u P. Marek, advokáti, kif ukoll M. Odin, avukata,

–        għal YR, minn J. Pacovský, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, L. Halajová, A. Pagáčová u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Monfort u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SQ u YR dwar il-likwidazzjoni u t-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata meta dawn kienu miżżewġin taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

3        Il-premessa 34 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) tiddikjara:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”)], ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jagħmel parti mill-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli bħala li għandhom effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ;

[...]”

5        Taħt it-titolu “Ġurisdizzjoni”, il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament fih diversi taqsimiet, fosthom it-Taqsima 6, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”. Din it-Taqsima 6 fiha, b’mod partikolari, l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, li l-punt 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

(1)      fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

[...]”

 Ir‑Regolament 2016/1103

6        Il-premessi 15, 18, 19 u 24 tar-Regolament 2016/1103 jiddikjaraw:

“(15)      Sabiex tingħata ċertezza legali lill-koppji miżżewġa rigward il-proprjetà tagħhom u sabiex tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ r-regoli kollha applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali jkunu koperti fi strument wieħed.

[...]

(18)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, kemm il-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll il-likwidazzjoni tar-reġim, li tirriżulta b’mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta' konjuġi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘reġim tal-proprjetà matrimonjali’ għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u għandu jinkludi mhux biss ir-regoli li minnhom il-konjuġi ma jkunux jistgħu jidderogaw iżda wkoll kwalunkwe regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu dwarha skont il-liġi applikabbli, kif ukoll kwalunkwe regola awtomatika tal-liġi applikabbli. Dan jinkludi mhux biss l-arranġamenti relatati mal-proprjetà li huma speċifikament u esklużivament previsti minn ċerti sistemi legali nazzjonali fil-każ ta’ żwieġ iżda wkoll kwalunkwe relazzjoni ta’ proprjetà, bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, li tirriżulta direttament mir-relazzjoni matrimonjali, jew ix-xoljiment tagħha.

(19)      Għal raġunijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ materji tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[...]

(24)      Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew trasferiment li jirriżulta mir-reġim ta’ proprjetà matrimonjali ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għar-reġim ta’ proprjetà matrimonjali. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat (‘numerus clausus’) ta’ drittijiet in rem magħrufa fil-liġi nazzjonali ta’ xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ proprjetà li tinsab f’dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.”

7        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

Huwa m’għandux japplika għal materji fiskali, doganali jew amministrattivi.

2.      Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(g)      in-natura tad-drittijiet in rem marbuta ma’ proprjetà, [...]

[...]”

8        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘reġim tal-proprjetà matrimonjali’ tfisser sett ta’ regoli li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, b’riżultat taż-żwieġ jew tax-xoljiment tiegħu;

[...]”

9        Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni f’każijiet oħrajn”:

“Fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 jew f’każijiet minbarra dawk previsti f’dawk l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar materja relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi għandha tkun dik tal-qrati tal-Istat Membru:

[...]

(b)      li fit-territorju tiegħu l-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sa fejn konjuġi minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax, [...]

[...]”

 Id-dritt Ċek

 Il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili

10      Iż-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili), tipprevedi, fl-Artikolu 708 tagħha, li l-beni li jappartjenu lill-konjuġi, li jkollhom valur patrimonjali u li ma jkunux esklużi mir-relazzjonijiet ġuridiċi, jikkostitwixxu l-komunjoni tal-akkwisti tal-konjuġi. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 708, din il-komunjoni hija rregolata jew minn reġim statutarju, jew minn reġim kuntrattwali, jew inkella minn reġim stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja.

11      Skont l-Artikolu 709(1) ta’ din il-liġi, taħt ir-reġim statutarju, il-komunjoni tħaddan il-beni akkwistati minn wieħed mill-konjuġi jew mit-tnejn flimkien matul il-perijodu taż-żwieġ, ħlief il-beni espliċitament esklużi minn din id-dispożizzjoni.

12      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 716(1) tal-imsemmija liġi tipprevedi li l-konjuġi jistgħu jagħżlu reġim matrimonjali differenti mir-reġim statutarju.

13      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 717(1) tal-istess liġi, is-separazzjoni tal-beni hija wieħed mir-reġimi matrimonjali kuntrattwali.

14      Skont l-Artikolu 729 tal-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili, taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, kull wieħed mill-konjuġi jista’ jiddisponi liberament mill-beni tiegħu mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor.

15      L-Artikolu 1115(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-persuni li jkollhom konġuntament titolu ta’ proprjetà fuq oġġett huma kkunsidrati bħala komproprjetarji indiviżi.

16      L-Artikolu 1140 tal-imsemmija liġi jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel jibqa’ komproprjetarju u li kull wieħed mill-komproprjetarji jista’, f’kull mument, jitlob li l-ishma li huwa jkollu f’oġġett komuni jiġu sseparati – jekk kemm-il darba is-suġġett tal-komproprjetà jkun jista’ jinqasam – jew inkella li tiġi xolta din il-komproprjetà.

17      Skont l-Artikolu 1143 tal-istess liġi, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-komproprjetarji dwar ix-xoljiment tal-komproprjetà, hija l-qorti li għandha, għal talba ta’ wieħed minnhom, tiddeċiedi dwar dan. Meta l-qorti tiddeċiedi dwar ix-xoljiment tal-komproprjetà, hija għandha tiddeċiedi wkoll dwar il-proċeduri ta’ tqassim bejn il-komproprjetarji.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali żżewġu taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni u akkwistaw b’mod indiviż, matul din l-unjoni, proprjetà immobbli f’Pariġi (Franza) (iktar ’il quddiem il-“proprjetà immobbli kkonċernata”).

19      Wara x-xoljiment taż-żwieġ, YR adixxiet lill-qrati Ċeki b’talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim tal-komproprjetà indiviża fil-proprjetà kkonċernata.

20      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2022, l-Obvodní soud pro Prahu 5 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 5, ir-Repubblika Ċeka), li ddeċidiet fl-ewwel istanza, ikkonstatat li, meta wieħed iqis ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni pattwit waqt il-konklużjoni taż-żwieġ, ebda komunjoni tal-akkwisti qatt ma eżistiet bejn l-ex konjuġi. Dik il-qorti ddeċidiet, għalhekk, li din it-talba kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, huma biss il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli, f’dan il-każ il-qrati Franċiżi, li għandhom ġuriżdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tali talba.

21      Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Jannar 2024 tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), billi dik il-qorti qieset li l-kawża prinċipali kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103. Fil-fehma tal-imsemmija qorti, ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, li fil-kuntest tiegħu ġiet akkwistata l-proprjetà immobbli kkonċernata, huwa “reġim matrimonjali” fis-sens ta’ dan ir-regolament, peress li jikkonċerna drittijiet patrimonjali li jirriżultaw miż-żwieġ. Dan ifisser, fil-fehma tagħha, li l-qrati Ċeki għandhom ġuriżdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża abbażi tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmi regolament.

22      In-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’appell ta’ kassazzjoni minn dan id-digriet.

23      Dik il-qorti ppreċiżat li d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata mill-konjuġi taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni tiddependi mill-kwistjoni jekk tali talba issirx fil-kuntest ta’ tilwima li tirriżulta direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha, hekk li taqa’ fil-qasam tar-“reġimi matrimonjali” fis-sens tar-Regolament 2016/1103, jew jekk ma jkollha xejn x’taqsam maż-żwieġ, hekk li taqa’ fil-qasam tad-“drittijiet in rem marbuta ma’ proprjetà”, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012.

24      Fil-fehma tal-imsemmija qorti, il-kawża prinċipali hija differenti minn dik li wasslet għad-digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Iliev (C‑67/17, EU:C:2017:459), inkwantu, f’dan il-każ, ma huwiex jintalab it-tqassim tal-beni li jirriżulta mix-xoljiment taż-żwieġ b’divorzju, iżda qiegħda tintalab il-likwidazzjoni tal-komproprjetà indiviża li teżisti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, skont id-dritt komuni.

25      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex isir magħruf jekk tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jew tar-Regolament 2016/1103, għandu jiġi ddeterminat jekk din it-tilwima tkunx tirriżulta “direttament” mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha jew jekk ma jkollha ebda rabta maż-żwieġ, fis-sens tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, EU:C:1979:83). Għal dan il-għan, jista’ jkun utli li jiġi eżaminat jekk l-aspetti marbuta mal-formazzjoni jew max-xoljiment taż-żwieġ humiex deċiżivi għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima jew jekk humiex biss fatturi kuntestwali, mingħajr influwenza “diretta” fuq l-eżitu tagħha.

26      Dik il-qorti tippreċiża li, fid-dritt Ċek, is-sempliċi fatt li l-konjuġi jkunu għażlu reġim ta’ separazzjoni tal-beni li fil-kuntest tiegħu huma jkunu akkwistaw proprjetà immobbli ma jagħżilx il-komproprjetà indiviża li tirriżulta minnu minn forom oħra ta’ komproprjetà indiviża taħt id-dritt komuni. Hija tgħid li oġġett jista’ jinżamm b’mod indiviż mill-konjuġi waħedhom, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, iżda wkoll b’mod konġunt ma’ terzi, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu affettwati mill-eżistenza ta’ rabta konjugali bejn uħud mill-komproprjetarji. Issa, li kellha tilwima dwar il-likwidazzjoni u t-tqassim ta’ tali komproprjetà indiviża titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103, jiġri li l-ġuriżdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tiġi ddeterminata skont ċirkustanzi li jistgħu ma jkunux magħrufa mill-komproprjetarji kollha.

27      Barra minn hekk, fil-fehma tal-imsemmija qorti, il-proċedura għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fid-dritt Ċek tista’ sseħħ kemm matul iż-żwieġ tal-komproprjetarji kif ukoll żmien twil wara x-xoljiment tiegħu.

28      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-proċedura ta’ stralċ [likwidazzjoni] u ta’ tqassim ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’mod indiviż mill-konjuġi fil-kuntest ta’ sistema konvenzjonali ta’ separazzjoni ta’ beni taqa’ taħt il-proċeduri relatati mar-reġimi matrimonjali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 3(1) (a) tar-Regolament [2016/1103]?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata biss minn konjuġi taħt ir-reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni, imressqa wara x-xoljiment taż-żwieġ, taqa’ fil-qasam tar-reġimi matrimonjali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

30      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hija ġurisprudenza stabbilita li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li l-att li minnu jagħmlu parti jfittex li jilħaq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tas‑27 ta’ Novembru 2025, Manuel Costa Filhos, C‑643/24, EU:C:2025:923, punt 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Sa fejn għandha x’taqsam, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2016/1103 jipprevedi li dan tal-aħħar japplika għar-reġimi matrimonjali u li ma japplikax għall-materji fiskali, doganali jew amministrattivi.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imsemmi regolament ġie adottat sabiex ikopri l-aspetti kollha tad-dritt ċivili tar-reġimi matrimonjali, li jikkonċernaw sew il-ġestjoni ta’ kuljum tal-beni tal-miżżewġin u sew il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punti 41).

33      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” fis-sens li jkopri r-regoli kollha dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, li jirriżultaw miż-żwieġ jew mix-xoljiment tiegħu.

34      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dawn tal-aħħar ma fihom ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fejn jidħlu s-sens u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, hekk li, fid-dawl tar-rekwiżiti sew tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u sew tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey, C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Is-sens u l-portata tal-imsemmi kunċett ma jistgħux, għalhekk, jiġu ddeterminati fid-dawl tad-definizzjoni tiegħu fid-dritt tal-Istati Membri.

36      Ir-riferiment fil-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 għas-“sett” ta’ regoli dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi u, jekk ikun il-każ, ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi li jirriżultaw miż-żwieġ jew mix-xoljiment tiegħu jissuġġerixxi wkoll li l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

37      In-neċessità ta’ interpretazzjoni awtonoma u wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, hija, fit-tieni lok, ikkorroborata mill-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għandu jkopri l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tar-reġimi matrimonjali, li jikkonċernaw sew il-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà tal-konjuġi u sew il-likwidazzjoni tar-reġim, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-fatt tas-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta’ wieħed minnhom.

39      Skont din il-premessa 18, il-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u għandu jkopri mhux biss ir-regoli li minnhom il-konjuġi ma jistgħux jidderogaw, iżda wkoll kwalunkwe regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu dwarha skont il-liġi applikabbli, kif ukoll kwalunkwe regola awtomatika tal-liġi applikabbli. L-imsemmi kunċett jinkludi kemm ir-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali speċifikament u esklużivament previsti f’ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-każ taż-żwieġ, kif ukoll kull relazzjoni patrimonjali bejn il-konjuġi u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha.

40      It-tieni, fl-istruttura tar-Regolament 2016/1103, il-portata tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” hija wkoll irregolata mil-lista, fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, tal-oqsma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, kif tiddikjara l-premessa 19 tal-imsemmi regolament, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għandu jeskludi sensiela ta’ kwistjonijiet li jista’ jitqies li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ reġimi matrimonjali.

41      Fost dawn l-esklużjonijiet hemm dik prevista fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103, dwar in-natura tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tiddikjara l-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, l-għan ta’ din l-esklużjoni huwa li ma jiġix imminat in-numru limitat ta’ drittijiet in rem li jirrikonoxxi d-dritt nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri. Fil-fatt, skont din il-premessa 24, Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ proprjetajiet immobbli li jinsabu f’dak l-Istat Membru, jekk tali dritt in rem ma jkunx irrikonoxxut fid-dritt tiegħu. Konsegwentement, il-portata tal-imsemmija eċċezzjoni ma tkoprix l-azzjonijiet kollha li għandhom rabta ma’ dritt in rem fi proprjetà immobbli, billi l-eżistenza ta’ tali rabta ma hijiex, minnha nnifisha, biżżejjed sabiex tiġġustifika li ma japplikax l-imsemmi regolament.

43      Issa, għalkemm talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata minn konjuġi taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni tista’, ċertament, twassal għat-trasferiment ta’ dritt in rem f’din il-proprjetà immobbli, hija ma tikkonċernax il-kwistjoni tan-“natura tad-drittijiet in rem” f’din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103.

44      It-tielet, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni kuntestwali iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” fir-Regolament 2016/1103 jinstab wkoll f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1215/2012 u l-istrumenti legali li ġew qablu, jiġifieri, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, sabiex jindikaw qasam eskluż mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

45      Inkwantu dawn ir-regolamenti u strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni kollha jaqgħu fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali, jenħtieġ li tiġi armonizzata l-interpretazzjoni tal-kunċetti ekwivalenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża f’dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria, C‑280/20, EU:C:2021:443, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għalhekk, huwa rilevanti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ntalbet tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ divorzju pendenti quddiem qorti nazzjonali, iddeċidiet li l-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” ma jkoprix biss ir-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali speċifikament u esklużivament previsti f’ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-każ taż-żwieġ, iżda jkopri wkoll kull relazzjoni patrimonjali li tirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

47      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kawżi dwar il-proprjetà immobbli tal-konjuġi matul il-proċeduri ta’ divorzju jistgħu, skont il-każ, ikunu jikkonċernaw jew ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ kwistjonijiet dwar l-istatus tal-persuni, jew ma’ relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn il-konjuġi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha, jew ma’ relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejniethom li ma jkollhom ebda rabta maż-żwieġ, u li huma biss il-kawżi relatati ma’ din il-kategorija tal-aħħar li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, filwaqt li dawk relatati mal-ewwel żewġ kategoriji għandhom jiġu esklużi minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li applikat l-istess kriterji fil-kuntest ta’ kawża li kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, qieset li tilwima bejn ex konjuġi dwar il-likwidazzjoni ta’ proprjetà mobbli akkwistata matul iż-żwieġ tikkonċerna r-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn dawn il-persuni li jirriżultaw direttament mix-xoljiment taż-żwieġ u taqa’, għalhekk, fil-qasam tar-“reġimi matrimonjali”, hekk li ma japplikax dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Iliev, C‑67/17, EU:C:2017:459, punt 30).

49      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza, liema ġurisprudenza ġiet trasposta għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġimi tal-proprjetà matrimonjali’ jew ta’ “reġim tal-proprjetà matrimonjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, għandu jitqies li dan il-kunċett ikopri r-regoli kollha dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn konjuġi jew ex konjuġi u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha.

50      Din l-interpretazzjoni hija, fit-tielet lok, konsistenti mal-għanijiet li jfittex li jilħaq ir-Regolament 2016/1103.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tiddikjara l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ifittex li jiżgura ċ-ċertezza legali tal-koppji miżżewġin fejn tidħol il-proprjetà immobbli tagħhom u li joffrilhom ċerta prevedibbiltà, billi jiġbor fi strument wieħed ir-regoli kollha li japplikaw għar-reġimi matrimonjali.

52      Kif isostni, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ semplifikazzjoni li fuqu huwa bbażat ir-Regolament 2016/1103 huwa rifless fil-fatt li awtorità waħda hija bħala prinċipju kompetenti sabiex tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha relatati mar-relazzjonijiet patrimonjali tal-konjuġi, skont liġi waħda magħżula minnhom jew iddeterminata skont kriterji ta’ rabta oġġettivi ddefiniti f’dan ir-regolament.

53      Sa fejn għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, dan l-għan li tiġi ssemplifikata s-sitwazzjoni legali tal-konjuġi wassal għall-adozzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/1103 li jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-qorti b’ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-“reġim matrimonjali” tal-konjuġi, iddefinit, fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, bħala s-“sett” ta’ regoli dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali bejniethom u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi li jirriżultaw miż-żwieġ u mix-xoljiment tiegħu.

54      Konsegwentement, definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” li tippermetti li t-tilwim relatat mar-regoli kollha dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali tal-konjuġi jew tal-ex konjuġi jitressaq quddiem qorti waħda, inkluż meta dawn ir-relazzjonijiet ikunu jikkonċernaw il-likwidazzjoni u t-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli, hija konsistenti mal-għan ta’ semplifikazzjoni u ta’ prevedibbiltà li jfittex li jilħaq ir-Regolament 2016/1103. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-konjuġi jew l-ex konjuġi, proprjetarji indiviżi ta’ diversi proprjetajiet immobbli li jkunu jinsabu f’diversi Stati Membri u li jkunu ġew akkwistati fil-kuntest tar-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, jitolbu l-likwidazzjoni u t-tqassim ta’ din il-komproprjetà indiviża. Il-possibbiltà li dawn it-talbiet jitressqu quddiem qorti waħda, li jkollha ġuriżdizzjoni taħt ir-Regolament 2016/1103, hija konsistenti mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, billi tevita li l-proċeduri jinqasmu skont il-post li fih ikunu dawn il-proprjetajiet immobbli.

55      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, mal-konklużjoni taż-żwieġ, il-konjuġi għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni u li, matul iż-żwieġ, akkwistaw il-proprjetà immobbli kkonċernata b’mod indiviż. Wara li ż-żwieġ tagħhom ġie xolt b’divorzju, wieħed mill-konjuġi adixxa qorti Ċeka b’talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ din il-komproprjetà indiviża, liema komproprjetà tikkonċerna biss lill-ex konjuġi u ma hemm ebda terz fost il-komproprjetarji.

56      F’sitwazzjoni bħal din, li hija kkaratterizzata mill-fatt li r-relazzjoni ġuridika patrimonjali inkwistjoni, jiġifieri l-proprjetà indiviża ta’ proprjetà immobbli bejn l-ex konjuġi, tnisslet matul żwieġ irregolat mir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, għandu jitqies li teżisti rabta diretta bejn din ir-relazzjoni ġuridika patrimonjali u r-rabta konjugali.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali tagħhom, il-konjuġi għandhom, bħala regola ġenerali, l-għażla bejn diversi reġimi ta’ proprjetà matrimonjali li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 45 tar-Rapport ta’ P. Schlosser fuq il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll mal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71), jinfirxu mill-“komunjoni tal-akkwisti” sas-“separazzjoni tal-beni” assoluta. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, dawn ir-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali previsti fil-każ taż-żwieġ jaqgħu huma stess fl-iskop tal-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali”. F’dan il-każ, jidher, bla ħsara ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni magħżul mill-konjuġi kkaratterizza, mil-lat ta’ proprjetà, ir-rabta konjugali tagħhom u wasslet direttament, fil-mument li fih inxtrat il-proprjetà immobbli inkwistjoni, għar-relazzjoni ġuridika tagħhom ta’ komproprjetarji indiviżi.

58      Tali konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt, imfisser fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li, fid-dritt Ċek, ir-reġim legali ta’ komproprjetà indiviża li jirriżulta mill-akkwist ta’ proprjetà immobbli minn konjuġi taħt ir-reġim tas-separazzjoni tal-beni ma huwiex differenti, f’linja ġenerali, minn dak tal-komproprjetà indiviża tad-dritt komuni. Dan il-fatt ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim tal-komproprjetà indiviża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax fil-qasam tar-“reġimi matrimonjali”, fis-sens tar-Regolament 2016/1103, billi, kif ġie ppreċiżat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, it-termini “reġimi matrimonjali” jikkostitwixxu kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-portata tiegħu ma tistax tiġi ddeterminata abbażi tad-dritt tal-Istati Membri.

59      Il-fatt li din it-talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim tal-komproprjetà indiviża tressqet wara x-xoljiment taż-żwieġ lanqas ma huwa tali li jipprekludi l-konstatazzjoni ta’ rabta diretta bejn ir-relazzjoni ġuridika patrimonjali inkwistjoni u r-rabta konjugali. Fil-fatt, kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, id-data li fiha titressaq it-talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża, sew jekk taħbat qabel jew wara x-xoljiment taż-żwieġ, ma hijiex deċiżiva għall-applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-kawża preżenti, jekk l-interpretazzjoni mogħtija f’din is-sentenza tapplikax ukoll għas-sitwazzjonijiet li fihom terz wieħed jew iktar ikunu fost il-komproprjetarji indiviżi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata biss minn konjuġi taħt ir-reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni, imressqa wara x-xoljiment taż-żwieġ, taqa’ fil-qasam tar-reġimi matrimonjali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

talba għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ komproprjetà indiviża fi proprjetà immobbli akkwistata biss minn konjuġi taħt ir-reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni, imressqa wara x-xoljiment taż-żwieġ, taqa’ fil-qasam tar-reġimi matrimonjali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.