17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/792

tat-13 ta' Mejju 2019

li tafda f'idejn il-Kummissjoni Ewropea — l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) — l-eżerċizzju ta' ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 ta' dawk il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/262 tas-6 ta' Frar 2017 li tiddetermina, għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/811/UE (2),

Billi:

(1)

L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea huwa responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ħlas tal-intitolamenti finanzjarji individwali tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u, permezz ta' ftehimiet fil-livell ta' servizz, ċerti istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni. Fir-rigward tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK), il-PMO huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ħlas tad-drittijiet tal-pensjoni u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-mard. F'dawk l-oqsma, il-PMO jeżerċita setgħat tal-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ, ħlief fir-rigward tat-trattament ta' lmenti individwali li jikkonċernaw benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-mard. Il-PMO jipprovdi wkoll għadd dejjem jikber ta' servizzi oħra u jagħmel disponibbli l-għodod tal-IT tiegħu għas-SĠK.

(2)

Il-ġestjoni ta' intitolamenti individwali minn korp uniku speċjalizzat uriet li hija aktar effettiva u kosteffiċjenti. Hija tippermetti applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (il-“Kondizzjonijiet ta' Impjieg”) fl-istituzzjonijiet kollha, u b'hekk jiżguraw it-trattament ugwali u jsaħħu ċ-ċertezza legali tal-ħaddiema taċ-ċivil tal-Unjoni. Tippermetti wkoll aktar simplifikazzjoni amministrattiva u kooperazzjoni interistituzzjonali.

(3)

F'dan il-kuntest, is-SĠK u l-PMO għandhom jiffirmaw ftehim fil-livell ta' servizz (“FLS”) li jestendi l-ambitu tas-servizzi pprovduti mill-PMO lill-amministrazzjoni u l-ħlas ta' intitolamenti pekunjarji individwali tal-persunal permezz tas-Sysper, għodda tal-IT għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Sabiex il-ftehim ikun jista' jitħaddem sewwa, l-eżerċizzju tas-setgħat rilevanti mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ għal persunal tas-SĠK jenħtieġ li jiġi fdat lill-Kummissjoni Ewropea (PMO). Barra minn hekk, peress li l-FLS il-ġdid jissostitwixxi ftehim fil-livell ta' servizz preċedenti dwar id-drittijiet tal-pensjoni, il-benefiċċji tal-qgħad u intitolamenti oħra mat-terminazzjoni tas-servizz, jenħtieġ li s-setgħat tal-PMO f'dak il-qasam jiġu kkonfermati.

(4)

Fil-perijodu tranżitorju inizjali wara t-trasferiment lis-Sysper, l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ tal-Kunsill jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat fir-rigward tal-persunal tas-SĠK f'każijiet fejn interpretazzjoni differenti possibbli ta' regoli dwar intitolamenti individwali applikati mill-PMO meta mqabbla mal-interpretazzjoni applikata fis-SĠK qabel it-trasferiment għas-Sysper jista' jkollha effetti ta' detriment għall-persunal tas-SĠK,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ, fir-rigward tal-persunal tas-SĠK, huwa fdat lill-Kummissjoni Ewropea - l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) - fir-rigward tal-applikazzjoni tas-segwenti:

(a)

rigward intitolamenti individwali:

—

l-Artikoli 67 sa 69, 71, 74 u 75 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 1 sa 13 u 17 tal-Anness VII għar-Regolamenti tal-Persunal;

—

l-Artikoli 19 sa 27, 29, 92, 93, 94 u 97 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg;

(b)

fir-rigward tal-iskema tal-pensjoni u intitolamenti oħra mat-terminazzjoni tas-servizz:

—

l-Artikoli 70 u 77, it-tieni, it-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 78, u l-Artikoli 79, 80, 81, 81a u 82 tar-Regolamenti tal-Persunal; l-Anness IV għar-Regolamenti tal-Persunal; l-Artikolu 4 tal-Anness IVa għar-Regolamenti tal-Persunal; l-Artikoli 2 sa 12, l-Artikolu 13(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 14, u l-Artikoli 17 sa 34 u 40 sa 44 tal-Anness VIII għar-Regolamenti tal-Persunal; u l-Artikoli 20 sa 28 tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal;

—

l-Artikoli 31, l-Artikolu 33(1), l-Artikoli 34 sa 40 u 43, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44, l-Artikoli 99 u 101, l-Artikolu 102(2), u l-Artikoli 103 sa 110 u 113 sa 116 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg;

(c)

dwar il-benefiċċji tal-qgħad - l-Artikoli 28a u 96 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg;

(d)

dwar l-irkupru ta' pagamenti eċċessivi li saru taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) ta' dan il-paragrafu:

—

l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 46 tal-Anness VIII għar-Regolamenti tal-Persunal;

—

it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44, l-Artikolu 45, l-Artikolu 114(2) u l-Artikolu 116 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-PMO għandu jinnotifika lill-awtorità tal-ħatra jew lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tal-Kunsill bi kwalunkwe lment li jasal skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew l-Artikoli 46 u 117 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg kontra deċiżjoni rigward membru tal-persunal tas-SĠK meħuda skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u jipprovdi informazzjoni dwar it-tweġiba intiża tiegħu. Jekk f'każ individwali l-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tal-Kunsill titlob hekk, il-PMO għandu jirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħat delegati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u l-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tal-Kunsill għandha teżerċita s-setgħat tagħha f'tali każ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)   ĠU L 39, 16.2.2017, p. 4.