11.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 117/151


P9_TA(2021)0395

Il-libertà tal-media u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-libertà tal-media u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja (2021/2880(RSP))

(2022/C 117/16)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Karta”),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

—

wara li kkunsidra l-proposta raġunata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, maħruġa f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE (COM(2017)0835),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (1),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (2) (“ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt”),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI (4),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ (5),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija (6),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (7),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (8),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt (9),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (10),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2020)0580),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2021 bit-titolu “Ir-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2021)0700),

—

wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Marzu 2021 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Prim Ministru Pollakk dwar żewġ abbozzi ta' liġijiet dwar is-settur tal-media fil-Polonja (11),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, kif minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

B.

billi skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal “indipendenti”; billi l-influwenza politika jew il-kontroll tal-ġudikatura u ostakli simili għall-indipendenza tal-imħallfin individwali spiss irriżultaw f'sitwazzjoni fejn il-ġudikatura ma kinitx tista' taqdi r-rwol tagħha ta' verifika indipendenti tal-użu arbitrarju tal-poter mill-fergħat eżekuttivi u leġiżlattivi tal-gvern;

C.

billi l-libertà tal-media hija waħda mill-pilastri u l-garanziji ta' demokrazija li tiffunzjona u l-istat tad-dritt; billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u l-Istati Membri tagħha; billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw qafas legali u regolatorju li jrawwem l-iżvilupp ta' media ħielsa, indipendenti u pluralistika;

D.

billi l-Polonja, flimkien ma' xi Stati Membri oħra, għadha ma implimentatx ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (Direttiva (UE) 2018/1808), u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-indipendenza tar-regolatur nazzjonali tas-suq tal-media;

E.

billi l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2019 ikkonkluda li l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tal-media Pollakki kienet qed tqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-ħatra u l-obbligu ta' rendikont lejn il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir (KRRiT); billi, huwa kkonkluda wkoll li l-Kunsill Nazzjonali tal-Media (RMN) ma kellu “l-ebda salvagwardja adegwata għall-indipendenza funzjonali mill-partiti politiċi u mill-gvern” (12);

F.

billi fi Frar 2021 ġie propost proġett li tiġi imposta taxxa fuq ir-reklamar u mbagħad din ġiet irtirata minħabba kritika qawwija dwar l-impatt negattiv tagħha fuq il-libertà tal-media u l-pluralità tal-media; billi fl-10 ta' Frar 2021 madwar 45 stabbiliment tal-media privati ġew maqtugħin fil-Polonja, u dawn ippubblikaw biss paġni ta' quddiem suwed bi slogan għal 24 siegħa bi protesta kontra t-taxxa proposta fuq ir-reklamar tal-media, u madwar 40 xandar kitbu f'ittra miftuħa lill-awtoritajiet Pollakki li t-taxxa l-ġdida kienet se ddgħajjef xi stabbilimenti tal-media li joperaw fil-Polonja u forsi ġġegħelhom jagħlqu li, u b'hekk tillimita l-għażla għall-udjenzi tagħhom;

G.

billi fil-11 ta' Awwissu 2021 is-Sejm Pollakk ivvota favur abbozz ta' liġi li jipproponi li l-kumpaniji li huma proprjetà maġġoritarja ta' entitajiet miż-Żona Ekonomika Ewropea biss ikunu jistgħu jkollhom liċenzji għax-xandir; billi fil-votazzjoni fid-9 ta' Settembru 2021 dan l-abbozz ta' liġi ma kisibx l-approvazzjoni tas-Senat Pollakk, u billi dan ma jfissirx it-tmiem tal-proċess leġiżlattiv minħabba l-possibbiltà li s-Sejm Pollakk jinjora din id-deċiżjoni;

H.

billi TVN24, stabbiliment tal-media indipendenti li jappartjeni għall-grupp Discovery ibbażat fl-Istati Uniti, se jkun direttament fil-mira ta' dan l-abbozz ta' liġi; billi deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-liċenzja ta' TVN24 għadha pendenti fil-Polonja, minkejja li x-xandar talab it-tiġdid fi Frar 2020; billi r-regolatur nazzjonali Pollakk tal-media (KRRiT) għandu joħroġ id-deċiżjoni tiegħu dwar liċenzja ġdida tax-xandir qabel l-iskadenza tal-liċenzja attwali, jiġifieri qabel is-26 ta' Settembru 2021;

I.

billi, minħabba n-nuqqas ta' azzjoni tal-KRRiT, il-grupp Discovery applika mal-awtoritajiet Olandiżi għal liċenzja tax-xandir għall-istazzjon TVN24 tiegħu u ngħata waħda;

J.

billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta' Reporters Mingħajr Fruntieri tal-2021 jikklassifika lill-Polonja fl-64 post, l-agħar pożizzjoni li qatt kellha, billi niżlet mit-18-il post fl-2015;

K.

billi fis-7 ta' Mejju 2021 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet fil-ħatra ta' wieħed mill-imħallfin li kienu fuq il-bord tat-Tribunal Kostituzzjonali fil-każ tal-kumpanija applikanti kienu fissru li l-bord li kien ipproċeda l-każ ma kienx “tribunal stabbilit bil-liġi” u li kien inkiser “id-dritt għal proċess ġust” tal-applikant (13);

L.

billi fit-2 ta' Marzu 2021 il-QĠUE ddeċidiet li emendi suċċessivi għal-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, li wasslu għall-abolizzjoni ta' kontroll ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jippreżenta proposti għall-ħatra ta' kandidati għall-imħallfin tal-Qorti Suprema lill-President, jistgħu jiksru d-dritt tal-UE (14);

M.

billi fid-29 ta' Marzu 2021 il-Prim Ministru tal-Polonja ppreżenta applikazzjoni lit-“Tribunal Kostituzzjonali”, ikkontestat b'mod wiesa' u illeġittimu, biex jikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet tat-TUE relatati mal-preminenza tad-dritt tal-UE u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva humiex konsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka (15);

N.

billi permezz ta' digriet tal-14 ta' Lulju 2021, il-QĠUE tat miżuri interim mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 279 tat-TFUE u relatati mal-funzjonament tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema Pollakka u s-sospensjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri tad-dritt Pollakk li jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja (16);

O.

billi fl-14 ta' Lulju 2021 it- “Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu Pollakk iddeċieda li d-digrieti interim tal-QĠUE dwar l-istruttura tal-qrati fil-Polonja kienu inkonsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka (17);

P.

billi fil-15 ta' Lulju 2021 il-QĠUE ddeċidiet fis-sentenza tagħha fil-kawża C-791/19 (18) li r-reġim dixxiplinari għall-imħallfin fil-Polonja ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-UE;

Q.

billi fl-20 ta' Lulju 2021 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Polonja dwar il-miżuri kollha meħuda jew previsti biex tikkonforma bis-sħiħ mad-digriet tal-Qorti u l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma bis-sħiħ mas-sentenza; billi l-awtoritajiet Pollakki wieġbu lill-Kummissjoni fis-16 ta' Awwissu 2021;

R.

billi fit-22 ta' Lulju 2021 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma kinitx “tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi” u ma kinitx tissodisfa l-istandard ta' “dritt għal qorti stabbilit bil-liġi” garantit skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (19);

S.

billi fis-7 ta' Settembru 2021 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat lill-Polonja ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE talli ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tikkonforma bis-sħiħ mas-sentenza tal-QĠUE tal-15 ta' Lulju 2021 li sabet li l-liġi Pollakka dwar ir-reġim dixxiplinari kontra l-imħallfin ma kinitx kompatibbli mad-dritt tal-UE;

T.

billi fis-7 ta' Settembru 2021 il-Kummissjoni talbet li l-QĠUE timponi penali finanzjarji fuq il-Polonja biex tiżgura l-konformità mad-digriet tal-miżuri interim tal-Qorti tal-14 ta' Lulju 2021 b'relazzjoni mal-funzjonament tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema Pollakka u s-sospensjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri tad-dritt Pollakk li jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja;

U.

billi f'Ġunju tal-2021, il-Viċi Ministru għal-Ġustizzja ħabbar li l-koalizzjoni fil-gvern bħalissa qed taħdem fuq abbozz ta' liġi li għandu l-għan li jipprojbixxi l-“propaganda LGBT”;

V.

billi fl-14 ta' Lulju 2021 il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċeduri ta' ksur kontra l-Ungerija u l-Polonja relatati mal-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari b'reazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' “żoni ħielsa mill-ideoloġija LGBT”; billi f'ittra (20) ta' Settembru 2021, is-servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma kienx żgurat u għalhekk iddeċidew li jissospendu l-emendi tal-programm REACT-EU fir-rigward tal-programmi operazzjonali reġjonali ta' ħames awtoritajiet lokali Pollakki;

W.

billi fl-istħarriġ tal-Flash Eurobarometer ta' Awwissu 2021, il-maġġoranza vasta ta' dawk li wieġbu qablu li l-UE għandha tipprovdi fondi biss lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li l-gvern tagħhom jimplimenta l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi; billi din iċ-ċifra kienet ukoll għolja ħafna fil-Polonja (72 %) (21);

Libertà tal-media

1.

Ifakkar li fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu l-Parlament Ewropew esprima t-tħassib tiegħu dwar bidliet li ġew adottati qabel u li ġew issuġġeriti mill-ġdid fil-liġi Pollakka dwar il-media, tfassil mill-ġdid tax-xandar pubbliku f'xandar favur il-gvern; ifakkar fil-fatt li l-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u jipprojbixxi ċ-ċensura;

2.

Jikkritika bl-aktar mod qawwi l-abbozz ta' liġi hekk imsejjaħ “Lex TVN” adottat mis-Sejm; jemmen li dan huwa tentattiv biex jiġi msikket kontenut kritiku u attakk dirett fuq il-pluraliżmu tal-media, u li jikser ukoll id-drittijiet fundamentali skont il-Karta u t-Trattati, il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ, bħad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; iħeġġeġ bil-qawwa lis-Sejm iqis id-deliberazzjonijiet u ċ-ċaħda sussegwenti tal-abbozz ta' liġi mis-Senat;

3.

Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament ulterjuri tal-libertà tal-media fil-Polonja u r-riformi differenti stabbiliti mill-koalizzjoni fil-gvern sabiex jitnaqqsu d-diversità u l-fehmiet kritiċi fil-media; jinsab imħasseb ħafna dwar il-konferma tal-akkwiżizzjoni ta' Grupp Polska Press minn kumpanija taż-żejt ikkontrollata mill-istat, PKN Orlen, anki qabel l-eżitu finali tal-appell tal-Ombudsman Pollakk kontra l-Awtorità tal-Kompetizzjoni; jinsab imħasseb ħafna dwar il-bidliet editorjali mwettqa fi ħdan il-Grupp Polska Press mill-maniġment ta' PKN Orlen minkejja appell li għadu għaddej u li temporanjament iwaqqaf id-dritt ta' PKN Orlen li jeżerċita d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati tiegħu; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali PKN Orlen li ċaħdu d-deċiżjoni tal-qorti bħala irrilevanti (22);

4.

Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-media pubblika Pollakka u n-nuqqas tagħhom li jwettqu l-missjoni pubblika li għandhom, ikkaratterizzata mill-pluraliżmu, l-imparzjalità, il-bilanċ u l-indipendenza, obbligu legali skont l-Artikolu 21.1 tal-Att dwar ix-Xandir tal-1992;

5.

Jikkundanna bil-qawwa l-kampanji ta' malafama kontinwi fil-media pubblika kontra l-imħallfin, il-ġurnalisti u l-politiċi li jikkritikaw lill-gvern attwali, inklużi kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) mibdija minn aġenziji tal-gvern, uffiċjali tal-gvern, kumpaniji tal-istat jew individwi b'rabtiet mill-qrib mal-koalizzjoni tal-gvern; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar attakki kontra l-ġurnalisti, kif ukoll dwar kawżi maħsuba biex isikktu jew jintimidaw lill-media indipendenti, u jiggarantixxu aċċess għar-rimedji legali xierqa;

6.

Jemmen li regoli vinkolanti tal-UE li jipprovdu protezzjoni robusta u konsistenti għall-media indipendenti u l-ġurnalisti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE huma meħtieġa ħafna sabiex jgħinu biex tintemm din il-prattika abbużiva; jenfasizza li l-Parlament Ewropew bħalissa qed jaħdem fuq rapport fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett tal-SLAPPs;

7.

Jilqa' l-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni biex toħroġ Rakkomandazzjoni dwar l-Iżgurar tas-Sikurezza tal-Ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tikseb riżultati rigward l-Att dwar il-Libertà tal-Media (23) mingħajr dewmien;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, b'mod partikolari b'referenza għall-indipendenza tar-regolaturi tal-media, it-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-litteriżmu medjatiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu effettiv mill-proċeduri ta' ksur f'sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod skorrett jew mhux komplut;

9.

Itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tas-settur tal-media (24);

10.

Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-protesti paċifiċi kontra r-riformi mmexxija mill-Gvern Pollakk li jkomplu jimminaw il-libertà tal-media fil-Polonja;

Preminenza tad-dritt tal-UE u l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra

11.

Jilqa' l-aħħar inizjattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura; jemmen, madankollu, li azzjoni aktar rapida, kif mitlub ripetutament mill-Parlament Ewropew, kienet tgħin biex jiġi evitat it-tnaqqir kontinwu tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tniedi proċeduri ta' ksur b'relazzjoni mal-leġiżlazzjoni dwar it- “Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu u l-kompożizzjoni illegali tiegħu, l-Awla Straordinarja tal-Qorti Suprema u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura;

12.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li dan l-aħħar l-awtoritajiet Pollakki kisru b'mod intenzjonat u sistematiku s-sentenzi u d-digrieti relatati mal-istat tad-dritt tal-QĠUE; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jikkonformaw mad-diversi sentenzi tal-QĠUE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tat- “Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu u l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema sabiex jikkonformaw mal-istandards ta' indipendenza ġudizzjarja li l-Polonja impenjat ruħha li tirrispetta;

13.

Itenni l-kundanna tiegħu tal-prattika tal-prosekuzzjoni u l-fastidju tal-imħallfin li jikkritikaw lill-Gvern Pollakk; jistieden lill-Awla Dixxiplinari biex fil-kompożizzjoni attwali tagħha twaqqaf l-attivitajiet u l-kawżi kollha tagħha, inklużi l-kawżi legali, u terġa' ddaħħal lill-imħallfin kollha li tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom bħala ġudikaturi minn din l-Awla, inklużi dawk l-imħallfin li għadhom ma tħallewx jiġġudikaw minkejja li jkunu appellaw b'suċċess mis-sospensjoni tagħhom mill-Awla f'qorti tal-liġi, peress li l-verdetti finali fl-appell sussegwentement u kontinwament jiġu injorati mill-presidenti tal-qrati li fihom iservu;

14.

Jitlob li l-uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u tal-Ministru tal-Ġustizzja jkunu separati skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja (25); jenfasizza l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-QĠUE fil-kawża pendenti u jitlob lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fit-tnedija ta' proċedura ta' ksur relatata mal-indipendenza tas-servizzi tal-prosekutur;

15.

Itenni n-natura fundamentali tal-preminenza tad-dritt tal-UE bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE f'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-QĠUE; ifakkar li l-Istati Membri kollha qablu li jehmżu dikjarazzjoni dwar il-preminenza għat-Trattat ta' Lisbona; ifakkar li l-effetti ta' dan il-prinċipju huma vinkolanti fuq il-korpi kollha ta' Stat Membru, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika, inklużi d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, ikunu jistgħu jipprevjenu dan; jiddenunzja kull tentattiv li jimmina dan il-prinċipju;

16.

Jistieden lill-Prim Ministru Pollakk ma jiddubitax mill-prevalenza tad-dritt tal-UE fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jirtira l-mozzjoni tiegħu, pendenti quddiem it- “Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu, biex jirrevedi l-kostituzzjonalità ta' ċerti partijiet tat-Trattati tal-UE;

17.

Jistieden lill-Prosekutur Ġenerali jirtira l-mozzjoni tiegħu quddiem it-“Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu relatat mal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-kwistjonijiet kollha diġà identifikati u titlob miżuri interim kull meta tirreferi l-każijiet lill-QĠUE fil-qasam tal-ġudikatura u titlob penali finanzjarji f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mas-sentenzi tal-QĠUE;

Valutazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja

19.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-17 ta' Settembru 2020, u li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma ġewx ikkunsidrati mill-Gvern Pollakk; itenni dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

20.

Jieħu nota tat-tħabbira tal-istat ta' emerġenza mill-Polonja u minn Stati Membri oħra li jmissu mal-Belarussja; jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni umanitarja fil-fruntiera u jikkundanna t-tentattiv mill-awtoritajiet Belarussi biex jistrumentalizzaw lill-migranti, inklużi l-applikanti għall-ażil, bħala għodda politika u theddida ibrida kontra l-Polonja u Stati Membri oħra b'reazzjoni għall-appoġġ tagħhom għall-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja; jappella għal rispons magħqud tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet għal din is-sitwazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Polonja u lil Stati Membri oħra affettwati jiżguraw li l-liġi tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ ukoll matul is-sitwazzjoni ta' emerġenza, inkluż l-aċċess għall-ażil u l-aċċess tal-media u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għaż-żona tal-fruntiera, u biex iqisu l-gwida mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt rilevanti tal-UE; jistieden lill-Istati Membri l-oħra juru solidarjetà u jipprovdu assistenza lill-Istati Membri affettwati, inkluża r-rilokazzjoni tal-applikanti għall-ażil;

21.

Itenni t-tħassib profond tiegħu espress fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-tentattivi biex jiġi kriminalizzat it-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità fil-Polonja u jinsisti li l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet li tkun xierqa għall-età u bbażata fuq l-evidenza hija essenzjali għall-bini tal-ħiliet taż-żgħażagħ biex jiffurmaw relazzjonijiet sani, ugwali, attenti u sikuri, ħielsa mid-diskriminazzjoni, il-koerċizzjoni u l-vjolenza;

22.

Jinsab allarmat mill-abbozz ta' emendi proposti għal-Liġi dwar l-Edukazzjoni u ċerti atti oħra, kif ukoll l-emendi adottati għar-Regolament dwar is-Superviżjoni Pedagoġika tal-1 ta' Settembru 2021 (26) li jillimitaw l-awtonomija tal-edukazzjoni billi jittrasferixxu s-setgħat mill-gvern lokali għall-awtoritajiet ċentrali, jeżerċitaw kontroll fuq il-kapijiet tal-iskejjel u jissikkaw is-sorveljanza tal-NGOs li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni skolastika;

23.

Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar l-attakki fuq id-drittijiet tan-nisa fil-Polonja, b'mod partikolari ir-rigress għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa wara d-deċiżjoni tat-“Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali (Dziennik Ustaw) fis-27 ta' Jannar 2021;

24.

Jilqa' l-ħatra ta' Kummissarju Pollakk ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Lulju 2021 wara l-iskadenza tal-mandat tal-predeċessur tiegħu f'Settembru 2020;

25.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li minn Diċembru 2018 il-Kunsill kellu biss seduta ta' smigħ waħda skont l-Artikolu 7(1) dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħti rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Polonja, kif stipulat fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, u biex jagħti skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-presidenzi attwali u futuri tal-Kunsill iżommu s-seduti ta' smigħ dwar il-Polonja fuq l-aġenda tal-Kunsill; jinsab imħasseb dwar l-attitudni ta' presidenzi suċċessivi tal-Kunsill li ma jibqgħux jirrappurtaw lura lill-kumitat rilevanti fil-Parlament Ewropew dwar il-proċeduri tal-Artikolu 7(1), u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħmel dan mill-aktar fis possibbli;

26.

Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jespandu l-ambitu tas-seduti ta' smigħ tal-Artikolu 7(1) tat-TUE sabiex ikopru wkoll kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija, u biex jinkludu żviluppi ġodda u jivvalutaw ir-riskji ta' ksur tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, il-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt għal trattament ugwali, kif mitlub mill-Parlament Ewropew;

27.

Jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni relatati mad-dikjarazzjoni ta' xi “żoni ħielsa mill-ideoloġija LGBT” minn xi awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Polonja u l-inkompatibbiltà tagħhom mal-valuri tal-UE u l-importanza tan-nondiskriminazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-raġunijiet legali kollha fil-proċeduri ta' ksur; jistieden lill-awtoritajiet statali, lokali u reġjonali tal-Istati Membri jwaqqfu kull kooperazzjoni mal-awtoritajiet Pollakki li jiddikjaraw “żoni ħielsa mill-ideoloġija LGBT”; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrifjuta l-applikazzjonijiet għal finanzjament tal-UE minn awtoritajiet li adottaw riżoluzzjonijiet bħal dawn u tikkunsidra modi kif tiżgura l-protezzjoni tal-benefiċjarji finali u l-kontinwità tal-ħidma tagħhom, inkluż billi tikkunsidra alternattivi għall-awtoritajiet maniġerjali reġjonali bħall-għoti dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma dipendenti fuq il-finanzjament tal-UE biex joperaw;

28.

Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-SLAPPs qed jintużaw ukoll kontra attivisti li qed jaġixxu kontra u li qed jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riżoluzzjonijiet dwar il-fatt li jkunu ħielsa mill-hekk imsejħa “ideoloġija LGBTI” u l-“Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja”;

29.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u li huwa direttament applikabbli fl-intier tiegħu fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri kollha tagħha għall-fondi kollha tal-baġit tal-UE, inklużi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru minn dak iż-żmien 'l hawn;

30.

Ifakkar li r-Regolament tal-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt jipprovdi definizzjoni ċara tal-istat tad-dritt, li jrid jinftiehem b'relazzjoni mal-valuri l-oħra tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; jesprimi diżappunt għar-rispons tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew fl-ittra tiegħu tat-23 ta' Awwissu 2021; jistieden lill-Kummissjoni tiskatta minnufih il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

31.

Jesprimi tħassib serju dwar il-konformità tal-abbozz tal-Pjan Pollakk għall-Irkupru u r-Reżiljenza mar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru (27) u r-Reżiljenza u mal-Karta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill janalizzaw bir-reqqa kull miżura deskritta fl-abbozz tal-Pjan Pollakk għall-Irkupru u r-Reżiljenza u japprovaw il-pjan biss jekk jiġi stabbilit li l-awtoritajiet Pollakki implimentaw is-sentenzi kollha tal-QĠUE, u b'mod partikolari fir-rigward tal-ġudikatura, u li sussegwentement ma jwassalx biex il-baġit tal-UE jikkontribwixxi b'mod attiv għall-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja;

o

o o

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kumissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

(3)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(4)  ĠU C 255, 29.6.2021, p. 7.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0089.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0014.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0251.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0225.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2021)0313.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2021)0348.

(11)  Referenza: CommHR/DM/sf 007-2021.

(12)  Cappello M. (ed.), The independence of media regulatory authorities in Europe, IRIS Special, (L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tal-media fl-Ewropa), Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, Strasburgu, 2019.

(13)  Is-Sentenza tas-7 ta' Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. v Il-Polonja.

(14)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 2021, A.B. u oħrajn, C-824/18, ECLI:EU:C:2013:153.

(15)  Rikors fil-każ pendenti K 3/21; is-sentenza tat-“Tribunal Kostituzzjonali” illeġittimu hija mistennija fit-22 ta' Settembru 2021.

(16)  Id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-204/21 R, ECLI:EU:C:2018:593.

(17)  Is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-14 ta' Lulju 2021, il-kawża P 7/20.

(18)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Awla manja) tal-15 ta' Lulju 2021, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja, C-791/19,EU:C:2021:596.

(19)  Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Lulju 2021, Reczkowicz vs Il-Polonja(rikors nru 43447/19);

(20)  Ares(2021)5444303 – 03/09/2021.

(21)  Flash Eurobarometer – L-Istat tal-Unjoni Ewropea, IPSOS, Awwissu 2021.

(22)   Poland: Purge of editors begins despite court ruling suspending purchase of Polska Press , International Press Institute, 30 ta' April 2021.

(23)  For a “European Media Freedom Act”, diskors mogħti lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew, 19 ta' April 2021.

(24)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-media.

(25)  L-Opinjoni Nru 892/2017 tal-11 ta' Diċembru 2017.

(26)  Dz.U. 2021 poz. 1618.

(27)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.