Brussell, 22.7.2025

COM(2025) 412 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi u l-investiment dirett barrani


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi u l-investiment dirett barrani

1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 allinja, fost ħwejjeġ oħra, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 184/2005 2 mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005, kif emendat, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-iskopijiet li ġejjin:

Øbiex taġġorna l-livelli tad-diżaggregazzjoni ġeografika, il-livelli tad-diżaggregazzjoni tas-settur istituzzjonali u l-livelli tad-diżaggregazzjoni tal-attività ekonomika stabbiliti fit-Tabelli 6, 7 u 8 tal-Anness I tiegħu biex jirriflettu l-bidliet ekonomiċi jew tekniċi (l-Artikolu 2(3));

Øbiex tneħħi jew tnaqqas ċerti rekwiżiti ta’ flussi ta’ data fl-Anness I tiegħu, dment li tali tneħħija jew tnaqqis ma jnaqqsux il-kwalità tal-istatistika prodotta f’konformità ma’ dak ir-Regolament (l-Artikolu 2(3));

Øbiex testendi l-iskadenza tar-rapport skont l-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tas-sejbiet tal-istudji pilota dwar l-istatistika dwar l-investiment dirett barrani (FDI) imsejsa fuq il-kunċett ta’ sjieda effettiva u fuq l-istatistika tal-FDI li tiddistingwi tranżazzjonijiet tal-FDI f’żona ġdida minn take-overs (l-Artikolu 5(6)).

Meta teżerċita dawn is-setgħat, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-atti delegati adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet la jimponu piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti, li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, u lanqas ma jimmodifikaw il-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli. L-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi konsultazzjonijiet sistematiċi mal-esperti tal-Istati Membri mill-Kummissjoni waqt il-ħidma ta’ tħejjija fuq l-atti delegati, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 3 . Skont l-Artikolu 10(5) ta’ dak ir-Regolament il-Kummissjoni trid tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malli tadotta att delegat.

2.BAŻI LEGALI

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ Lulju 2021. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Il-Kummissoni hija obbligata li tfassal rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu.

3.L-EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA TAL-KUMMISSJONI

F’rapport tal-2020 4 , il-Kummissjoni rieżaminat l-użu tad-delega tas-setgħat matul l-ewwel ħames snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005. Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2016/1013, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 5 . L-att, li ssejjes fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, aġġorna l-livelli tad-diżaggregazzjoni ġeografika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, sabiex ikunu jirriflettu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.

Matul il-perjodu ta’ wara, li beda fid-19 ta’ Lulju 2021 skont l-estensjoni taċita tad-delega tas-setgħat, tqies li l-qafas regolatorju eżistenti sostnut mir-Regolament (KE) Nru 184/2005 kien kompletament adegwat biex jissodisfa l-ħtiġijiet statistiċi u metodoloġiċi tal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi, u d-dominji tal-IDB matul il-perjodu ta’ rapportar. Dan ġie kkonfermat permezz ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-grupp ta’ esperti dwar il-bilanċ tal-pagamenti u gruppi ta’ esperti rilevanti oħra, li jiżguraw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati biex jimmonitorjaw kwalunkwe ħtieġa potenzjali għal atti delegati.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati mogħtija mill-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 biex tadatta r-referenzi għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE) permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3104 6 .



4.KONKLUŻJONI

Mid-19 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 biex tadatta r-referenzi għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE).

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li żżomm is-setgħat delegati previsti mir-Regolament. Dawn is-setgħat jibqgħu essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet futuri potenzjali, bħal aġġornamenti għall-klassifikazzjonijiet, il-metodoloġiji jew il-varjabbli, u biex jiġi żgurat li l-istatistika tal-UE fl-oqsma tal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi u l-IDB ikomplu jissodisfaw standards ta’ kwalità għolja.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

  Ir-Regolament (UE) 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 144).

(2)

  Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

(3)

  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani, COM(2020) 490 final, 10.9.2020,  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020DC0490 .

(5)

  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-livelli ta’ tqassim ġeografiku (ĠU L 85, 27.3.2019, p. 1).

(6)

  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3104 tat-2 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-referenzi għall-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/3104, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3104/oj).