|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/652 |
10.2.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 2025
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Latvja
(C/2025/652)
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva emendata tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(3) |
Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(4) |
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali. |
KUNSIDERAZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-LATVJA
|
(5) |
Fil-15 ta' Ottubru 2024, il-Latvja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mil-Latvja. |
Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan
|
(6) |
Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħha, iċ-Latvja talbet informazzjoni teknika (5), li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta' Ġunju 2024, u ppubblikat fil-15 ta' Ottubru 2024 (6). L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiżgura li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, anke fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istati Membri fil-qafas ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, (7) f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għal-Latvja tistabbilixxi li, għal konformità mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -1,3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028); xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -0,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhijiex rekwiżit għal-Latvja, li hija eliġibbli għal informazzjoni teknika. Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lil-Latvja
|
||||||||
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Latvja u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku f'Settembru 2024. Id-djalogu ċċentra fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mil-Latvja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu (b'mod partikolari l-output potenzjali u r-rati tal-imgħax), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni diġitali ġusta u ekoloġika, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża. |
|
(8) |
F'Settembru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mil-Latvja fil-pjan tagħha, il-Latvja rrapportat li kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż l-Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet ta' Min Iħaddem, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ħielsa u l-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonali. Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Latvja fil-pjan tagħha, il-laqgħa ċċentrat fuq kif il-Latvja qed tippjana li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) u l-prijoritajiet komuni tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-politika tat-tassazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. |
|
(9) |
F'Ġunju 2024, il-Kunsill tad-Dixxiplina Fiskali (l-istituzzjoni fiskali indipendenti tal-Latvja) approva t-tbassir makroekonomiku li jirfed il-Qafas tal-Baġit fuq Terminu Medju 2024–2028 filwaqt li rrikonoxxa li t-tbassir makroekonomiku ppreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi kien ġeneralment prudenti u kien jirrifletti l-iżviluppi ekonomiċi attwali. F'Ottubru, il-Kunsill tad-Dixxiplina Fiskali ta opinjoni dwar il-Qafas tal-Baġit fuq Terminu Medju 2025–2028, il-Baġit 2025 u l-Pjan Strutturali Fiskali fuq Terminu Medju. Huwa kkonkluda li, għalkemm intużat data fiskali nazzjonali aġġornata għall-previżjonijiet fiskali tal-2024 u t-tħejjija tal-Baġit 2025, it-tbassir makroekonomiku approvat f'Ġunju ta' din is-sena ma ġiex rivedut u għalhekk ma qiesx l-eżitu tar-reviżjoni tal-valuri referenzjarji u x-xejriet ekonomiċi l-aktar reċenti. Fl-istess ħin, il-Kunsill tad-Dixxiplina Fiskali rrikonoxxa li t-trajettorja fiskali tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tikkonforma mal-kundizzjonijiet tar-Regolament 2024/1263 (l-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni). |
Proċessi oħra relatati
|
(10) |
Fil-15 ta' Ottubru, il-Latvja ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (8). |
|
(11) |
Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lil-Latvja sensiela ta' CSRs fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9). |
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
|
(12) |
F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej: |
Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali
|
(13) |
L-attività ekonomika fil-Latvja kibret b'1,7 % fl-2023, xprunata mill-investimenti u l-infiq pubbliku. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija mistennija li tistaġna fl-2024, minħabba konsum privat u investimenti dgħajfa u minkejja konsum tal-gvern qawwi. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni jiżdied b'1 %, u bi 2,1 % fl-2026, hekk kif il-konsum privat u l-investimenti huma mistennija li jirkupraw. Fl-2026, l-esportazzjonijiet huma mistennija wkoll li jiżdiedu. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fil-Latvja huwa mistenni li jiżdied wara tnaqqis fl-2024, għal 1,5 % fl-2026. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 6,6 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 6,7 % fl-2024, 6,7 % fl-2025 u 6,5 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 9,1 % fl-2023 għal 1,2 % fl-2024, u mistennija tilħaq it-2,2 % fl-2025 u t-2,2 % fl-2026. |
|
(14) |
Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 d-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja ammonta għal 2,4 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq it-2,8 % tal-PDG fl-2024 u li jiżdied għal 3,2 % tal-PDG fl-2025 u fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 3,2 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz ta' baġit tal-Latvja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 45,0 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 48,1 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jiżdied ulterjorment għal 50,3 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 51,6 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed. |
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
|
(15) |
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Latvja jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin. |
|
(16) |
Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Għall-kuntrarju tal-Gwida lill-Istati Membri dwar ir-Rekwiżiti ta' Informazzjoni għall-Pjanijiet Fiskali-Strutturali fuq Terminu Medju u għar-Rapporti ta' Progress Annwali ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fl-21 ta' Ġunju 2024, il-pjan ma fihx it-tabelli 7c u 7d. Madankollu, dawn it-tabelli mhumiex essenzjali għall-valutazzjoni tal-pjan Latvjan. |
|
(17) |
Il-pjan jimpenja lil-Latvja għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 4,1 % matul is-snin 2025–2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 3,7 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' -1,3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa ugwali għal-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' -1,3 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta' Ġunju 2024 (10). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos għal 2,1 % fl-2025 (minn 2,2 % fl-2024), qabel ma jonqos għal 0,9 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li d-deflatur tal-PDG jibqa' stabbli għal 2,5 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Latvja
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
|
(18) |
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 45,8 % fl-2024 għal 50,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied gradwalment skont il-pjan, u jilħaq 59,9 % sal-2038. Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Latvja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
|
(19) |
Abbażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jibqa' ta' 2,9 % tal-PDG annwali matul il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG iżda jibqa' eżatt taħt il-valur ta' referenza tad-defiċit. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
|
(20) |
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lil-Latvja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal 6 varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ primarju strutturali, it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tal-PDG reali, ir-rata tal-imgħax impliċita nominali fuq id-dejn, l-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi kif ukoll it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG). Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak implikat mill-informazzjoni teknika. Id-differenzi bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.
Il-pożizzjoni fiskali aħjar fl-2024 tirrifletti s-suppożizzjonijiet tal-pjan ta':
B'mod ġenerali, is-suppożizzjonijiet fil-pjan rigward it-titjib fil-punt tat-tluq fl-2024, li mhumiex debitament ġustifikati, huma bbilanċjati minn suppożizzjonijiet f'konformità mal-qafas komuni tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn użat mill-2025 'il quddiem. Id-differenzi li jifdal ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jimplika li d-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u l-informazzjoni teknika hija spjegata mid-differenzi fis-suppożizzjonijiet li b'mod ġenerali jistgħu jiġu aċċettati. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-pjan jissodisfa r-rekwiżit taħt l-Artikolu 13, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta. |
Strateġija fiskali tal-pjan
|
(21) |
Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu kemm permezz ta' miżuri ta' nefqa kif ukoll ta' dħul diskrezzjonarju. Fuq in-naħa tad-dħul, il-miżuri diskrezzjonali jinkludu reviżjonijiet tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol mill-2025 'il quddiem, b'mod partikolari reviżjoni 'l fuq tar-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali kif ukoll żieda u applikazzjoni orizzontali tal-introjtu mhux taxxabbli. Peress li dawn il-miżuri ta' dħul jirriżultaw f'impatt fiskali negattiv, il-gvern ippropona: taxxa fuq profitti straordinarji mhux mistennija tal-banek mill-2025; it-trasferiment ta' punt perċentwali wieħed tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mnaqqsa mill-introjtu ggwadanjat mill-pensjoni iffinanzjata għall-pensjoni tal-istat; kif ukoll miżuri oħra ta' kumpens, inkluża reviżjoni 'l fuq tar-rati tas-sisa għal gruppi ta' prodotti differenti u żieda fir-rati tat-taxxa għall-karozzi privati u tal-kumpaniji. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-miżuri diskrezzjonali li jżidu n-nefqa huma prinċipalment iddedikati għat-tisħiħ tas-sigurtà interna u esterna, inkluż il-kapaċità tas-servizzi tas-sigurtà interna (inkluża żieda fir-renumerazzjoni), iċ-ċibersigurtà, ix-xiri ta' munizzjon u ta' tagħmir individwali kif ukoll appoġġ militari lill-Ukrajna u appoġġ għaċ-ċivili Ukreni fil-Latvja. Il-miżuri li jnaqqsu n-nefqa jinkludu l-limitazzjoni tat-tkabbir tar-rinumerazzjoni fis-settur pubbliku, it-tnaqqis tan-nefqa għal oġġetti u servizzi fil-ministeri settorjali, ir-reviżjoni tan-nefqa muniċipali għas-salarji u l-investiment, kif ukoll ir-reviżjoni tan-nefqa għall-kumpaniji inklużi fil-gvern estiż. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Għad fadal xi riskji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan. Dawn jirriżultaw minn impatt fiskali aktar baxx milli mistenni ta' ċerti miżuri diskrezzjonali ta' dħul, kif ukoll miż-żieda fil-ħtiġijiet ta' nfiq fuq id-difiża, li kollha kemm huma jistgħu jiġu bżonn aktar miżuri diskrezzjonali ta' dħul jew trażżin tan-nefqa. L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta (11). |
Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
|
(22) |
Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi aktar minn 130 riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom aktar minn 40 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u aktar minn 50 mill-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni. |
|
(23) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi lista estensiva ta' miżuri miġbura taħt tali direzzjonijiet ta' politika bħat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, l-edukazzjoni u l-ħiliet, it-trawwim tal-investiment, is-sostenibbiltà tat-trasport u l-infrastruttura diġitali. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs maħruġa fl-2024 biex irawmu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, fl-2020 u fl-2019 dwar it-trasport sostenibbli, fl-2024 u fl-2023 dwar l-investimenti fil-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, fl-2022, fl-2020 u fl-2019 dwar is-servizzi u l-infrastruttura diġitali, inkluż fir-reġjuni, kif ukoll fl-2023, fl-2022, fl-2020 u fl-2019 dwar l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw il-prijorità tat-tranżizzjoni ekoloġika permezz tat-trawwim tal-investiment, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika, u ż-żieda fis-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum finali huma inklużi fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. |
|
(24) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi lista estensiva ta' miżuri miġbura taħt diversi oqsma ta' politika bħall-protezzjoni u s-sikurezza soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-politika tal-impjiegi, it-trawwim tal-investiment, u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs billi jtejbu l-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali, inkluż il-pensjonijiet, l-aċċessibbiltà, ir-reżiljenza, l-affordabbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, il-kwalità tal-edukazzjoni, b'mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, biex jitwasslu l-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol. Dawn il-miżuri huma bbażati fuq rakkomandazzjonijiet maħruġa fl-2024, l-2023, l-2022, l-2020, l-2019; biex itejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol maħruġa fl-2024, fl-2019, fl-2020; biex irawmu l-investiment għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-finanzi maħruġa fl-2024, fl-2023, fl-2022, fl-2020, fl-2019 kif ukoll iżidu l-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli u soċjali maħruġa fl-2019. |
|
(25) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi sett ta' miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tal-pajjiż fuq il-fjuwils fossili, il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u b'mod partikolari t-tlestija tas-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tiegħu man-Network Kontinentali Ewropew, appoġġat permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija u l-RRF. Dawn il-miżuri huma inklużi taħt id-direzzjoni ta' politika dwar l-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs maħruġa fl-2024, fl-2023, fl-2022, fl-2020 biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jaċċelleraw l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, fl-2022 u fl-2019 biex isaħħu l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, fl-2023, fl-2022 u fl-2019 biex itejbu l-effiċjenza enerġetika, u fl-2023 u fl-2022 biex iżidu s-sigurtà tal-provvista u jkomplu s-sinkronizzazzjoni mal-grilja tal-elettriku tal-Unjoni. |
|
(26) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jistabbilixxi l-intenzjoni li jiżviluppa sett ta' miżuri relatati mal-Forzi Armati Nazzjonali li primarjament għandu l-għan li jiġġieled it-theddid għall-pajjiż, u li jiżgura l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. |
|
(27) |
Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri ta' politika oħra li jmorru lil hinn mill-prijoritajiet komuni tal-UE. Taħt id-direzzjoni ta' politika dwar il-politika tat-tassazzjoni, il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs maħruġa fl-2024, fl-2023, fl-2022 u fl-2019 biex iwessgħu t-tassazzjoni, billi jnaqqsu l-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema b'paga baxxa u medja kif ukoll itejbu l-ħlas tat-taxxa u l-konformità. Taħt id-direzzjoni ta' politika dwar l-effiċjenza tas-settur pubbliku, il-pjan jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR maħruġa fl-2019 biex issaħħaħ ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tas-settur pubbliku, pereżempju riformi biex itejbu il-ġestjoni tal-intrapriżi tal-Istat u ta' dawk muniċipali kif ukoll il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR maħruġa fl-2024 biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju, il-pjan jinkludi riformi biex jidentifikaw u jneħħu l-ostakli burokratiċi, inaqqsu l-piż amministrattiv għall-iżvilupp tal-proprjetà immobbli, issaħħu s-sorveljanza tas-suq fis-settur bankarju u jimmodernizzaw ir-reġistru tal-intrapriżi bl-appoġġ tal-RRP. |
|
(28) |
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tal-Latvja. Il-pjan jagħmel referenzi xierqa għall-miżuri inklużi fl-RRP u fil-programm tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll referenzi għad-diversi sorsi ta' finanzjament. Il-pjan jagħmel ukoll referenzi għad-demarkazzjoni u l-komplementarjetà fost id-diversi sorsi ta' finanzjament. |
|
(29) |
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta' investiment pubbliku tal-Latvja b'rabta mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-ħtiġijiet totali ta' investiment jikkorrispondu għal madwar EUR 15,5 biljun u jkopru l-perjodu 2025-2028. Eżempji ta' ħtiġijiet ta' investiment identifikati mil-Latvja biex tappoġġa tranżizzjoni ekoloġika ġusta u trasformazzjoni diġitali, f'konformità mal-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, jinkludu d-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-portijiet f'Riga u f'Liepaja, it-trasport sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika fil-bini, il-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, u r-restawr tal-ekosistemi degradati kemm fiż-żoni terrestri kif ukoll f'dawk tal-baħar, bi ħtieġa ta' investiment totali li tammonta għal EUR 6,6 biljun. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Latvja identifikat ħtiġijiet ta' investiment ta' EUR 3,9 biljun, pereżempju għal park industrijali u loġistiku multimodali fuq skala kbira fil-port ta' Riga b'konnessjoni ferrovjarja ta' Rail Baltica, investimenti fit-toroq, appoġġ għall-edukazzjoni għolja, innovazzjoni, riċerka u żvilupp tal-ħiliet, kif ukoll titjib tal-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali. Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan tal-Latvja jidentifika ħtiġijiet ta' investiment ta' EUR 2,9 biljun, inkluż, pereżempju, l-istabbiliment ta' terminal ta' servizz ta' park eoliku lil hinn mill-kosta fil-port ta' Ventspils, l-investimenti fil-portijiet ta' Liepaja, Salacgriva, u Roja, is-sinkronizzazzjoni tal-grilji man-network elettriku tal-Ewropew Kontinentali, il-modernizzazzjoni tal-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art ta' Incukalns, u l-investimenti f'soluzzjonijiet ta' ħżin f'impjanti tal-enerġija b'kapaċità għolja. Biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan tal-Latvja jidentifika ħtiġijiet ta' investiment ta' EUR 2,2 biljun, pereżempju biex jiġu restawrati u mibnija rifuġji, jinbnew ċentri ġodda għall-ġestjoni tad-diżastri, u tiġi żviluppata infrastruttura biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tas-servizzi tal-affarijiet interni, biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' sikurezza u ta' difiża marittimi fil-portijiet ta' Riga, Liepaja, u Ventspils, kif ukoll għal sett ta' miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Forzi Armati Nazzjonali. |
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
|
(30) |
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Latvja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL
|
(31) |
Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Latvja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
|
(32) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. |
|
(33) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. |
|
(34) |
Il-Kunsill jistenna li l-Latvja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan. |
|
(35) |
Il-Kunsill iqis li għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali huma meħtieġa aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għas-sorveljanza annwali. |
|
(36) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. |
|
(37) |
Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mil-Latvja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(38) |
F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil-Latvja. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-LATVJA:
|
1. |
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(4) In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(5) Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri erba' u seba' snin, rispettivament), u ii) mingħajr u bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).
(6) https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#latvia.
(7) Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali huwa ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG (jew 0,25 punti perċentwali tal-PDG f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.
(8) L-Opinjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Latvja, 26.11.2024, C(2024) 9060 final.
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Latvja.
(10) Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.
(11) Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Latvja, 26.11.2024, C(2024) 9060 final.
ANNESS I
Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi)
Latvja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta' tkabbir (%) |
Annwali |
5,9 |
3,6 |
3,4 |
3,3 |
|
Kumulattiv (*1) |
15,5 |
19,7 |
23,8 |
27,9 |
|
(*1) Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/652/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)