KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fl‑4 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑414/24
Datenschutzbehörde,
Dr. G S
fil-preżenza ta’
Bundesministerin für Justiz,
D GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 u 79 – Rimedji ġudizzjarji – Eżerċizzju parallel – Rabta bejn ilment amministrattiv u rimedju ġudizzjarju– Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 77(1) u tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il‑Protezzjoni tad-Data) ( 2 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-qafas ta’ kawża bejn it-tabib GS (iktar ’il quddiem “GS”) u l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem id-“DSB”) dwar iċ-ċaħda ta’ lment imressaq quddiemha minn GS, minħabba li dan kien diġà ressaq kawża quddiem qorti dwar l-istess suġġett. |
|
3. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari qed issir bħala parti mis‑segwitu tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság [ ( 3 )], li permezz tagħha, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li r-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa waħda, fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, fl‑Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti. Dan l-Artikolu 77(1) u dan l-Artikolu 78(1) huma relatati, rispettivament, mad-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja ( 4 ) u mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d‑deċiżjoni mogħtija minn din l-awtorità. Dan l-Artikolu 79(1) jirrigwarda, min-naħa tiegħu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra kontrollur jew proċessur. |
|
4. |
Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, titlob spjegazzjonijiet mill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar ir-rabta ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji u, b’mod iktar preċiż, dwar il-possibbiltà għall-awtorità superviżorja li tiċħad ilment meta rimedju ġudizzjarju li għandu l-istess suġġett ikun tressaq preċedentement, minkejja li l-istess proċedura tkun għadha pendenti jew id-deċiżjoni mogħtija f’din il-proċedura tkun għadha ma hijiex definittiva. |
|
5. |
Il-kwistjoni f’din id-domanda hija importanti, fid-dawl tal-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa waħda, li jimponi dmir partikolari ta’ diliġenza fuq l-awtorità superviżorja u, min-naħa l-oħra, li jsaħħaħ id‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit mill-Artikolu 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). |
|
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 79(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità superviżorja, li hija adita minn ilment, skont dan l-Artikolu 77(1), tista’ tiċħad dan l-ilment minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont dan l-Artikolu 79(1) u li għandu l-istess suġġett, tressaq preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rimedju għadha ma hijiex definittiva. |
|
7. |
Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nfakkar in-natura kompetittiva u indipendenti tar-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. Ser infakkar ukoll l-obbligu tal-Istati Membri li jikkoordinaw dawn ir-rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji. Ser nuri li dan l-obbligu ta’ koordinazzjoni ma għandux jikkontesta n-natura kompetittiva u indipendenti tar-rimedji ġudizzjarji offruti mill-GDPR, billi jippermetti lill-awtorità superviżorja tiċħad l-ilment li minnu ġiet adita minflok tissospendi l-eżami tiegħu sakemm il-proċedura ġudizzjarja mibdija skont l-Artikolu 79(1) tal‑GDPR tkun għadha ma ġietx magħluqa definittivament. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
8. |
L-Artikolu 17 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, jistipula, fil-paragrafu 1(d) tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it‑tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] d) id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment.” |
|
9. |
Fil-Kapitolu VI tal-GDPR, intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, it-taqsima 1, dwar “Status indipendenti”, tinkludi l‑Artikoli 51 sa 54. Skont l-Artikolu 51(1) tal-GDPR: “Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni […]” |
|
10. |
L-Artikolu 52(1) tal-GDPR huwa redatt bil-mod segwenti: “Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa fit‑twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
|
11. |
Fil-Kapitolu VI, it-taqsima 2 tal-GDPR, intitolata “Kompetenza, kompiti u setgħat” u li tinkludi l-Artikoli 55 sa 59, l-Artikolu 57(1)(a) u (f) jistipula: “Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
[…]
|
|
12. |
L-Artikolu 58(4) tal-GDPR jistipula: “L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r‑rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Karta.” |
|
13. |
Skont l-Artikolu 77 tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar‑residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal‑ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament. 2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l‑possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.” |
|
14. |
L-Artikolu 78 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.” |
|
15. |
L-Artikolu 79 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d‑dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d‑drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad‑data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir‑Regolament.” |
|
16. |
L-Artikolu 81 tal-GDPR, intitolat “Sospensjoni ta’ proċedimenti”, jistipula, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Fejn proċedimenti li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal‑ipproċessar tal-istess kontrollur jew proċessur ikunu pendenti f’qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti kompetenti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel, tista’ tissospendi l-proċedimenti tagħha. 3. Fejn dawk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem qrati tal‑prim’istanza, kwalunkwe qorti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel tista’ wkoll, mal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, iċċedi l-ġurisdizzjoni jekk il-qorti invokata l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.” |
B. Id-dritt Awstrijak
|
17. |
L-Artikolu 94(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali) hija redatta bil-mod segwenti: “Il-ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha.” |
|
18. |
L-Artikolu 24 tal-Bundesgesetz zum Schutz natürlicher Personen bei der Verarbeitung personenbezogener Daten (il-Liġi Federali dwar il‑Protezzjoni tal-Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali) ( 6 ) tas‑17 ta’ Awwissu 1999, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Ilmenti indirizzati lill-Awtorità tal‑Protezzjoni tad-Data, jistipula, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “(1) Kull persuna kkonċernata għandha d-dritt li tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data jekk tqis li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha jikser il-GDPR […] […] (4) Id-dritt għall-ipproċessar ta’ ilment jintemm jekk l-awtur tal-ilment ma jressaqx l-ilment fi żmien sena minn meta jsir jaf bl-avveniment li jikkawżalu preġudizzju u, fi kwalunkwe każ, fi żmien massimu ta’ tliet snin minn meta l-avveniment ikun allegatament seħħ. L-ilmenti mressqa tard huma miċħuda.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19. |
Fit‑3 ta’ Lulju 2017, GS talab, qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR ( 7 ), lil D GmbH, kumpannija li topera pjattaforma ta’ riċerka online għal tobba li jippermettu lil terzi jipprovdu evalwazzjonijiet u xhieda fuq tobba, it-tħassir ta’ data personali. Din it-talba għal tħassir ta’ data ġiet miċħuda permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2017. |
|
20. |
Fix-xahar ta’ Novembru 2017, GS ippreżenta rikors quddiem qorti ċivili kontra D, billi invoka b’mod partikolari ksur tad-dritt għall‑protezzjoni tad-data u talab it-tħassir tad-data personali tiegħu ppubblikata minn D u l-ħruġ ta’ ordni sabiex din id-data ma tiġix ipproċessata iktar. |
|
21. |
Fit‑22 ta’ Ġunju 2018, wara d-dħul fis-seħħ tal-GDPR, GS reġa’ talab lil D sabiex tħassar d-data personali tiegħu li kienet tidher fuq il‑pjattaforma tagħha, li wkoll ġiet irrifjutata permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2018. |
|
22. |
Għalhekk, fis‑26 ta’ Lulju 2018, GS ressaq ilment skont l‑Artikolu 77 tal-GDPR quddiem id-DSB, billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi d-dritt għat-tħassir. F’dan l-ilment, GS talab lid-DSB sabiex tikkonstata l-ksur tad-drittijiet tiegħu kif ukoll sabiex tobbliga lil D tħassar id-data kollha fuq il-pjattaforma tagħha u tastjeni milli tipproċessa iktar din id-data. |
|
23. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2019, id-DSB ċaħdet din it‑talba minħabba li l-ilment u l-kawża ċivili introdotta fix-xahar ta’ Novembru 2017 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri t-tħassir tad-data personali ta’ GS mill-pjattaforma ta’ D. Issa, minn perspettiva proċedurali, l-azzjoni li tressaq fl-istess ħin jew suċċessivament ilment quddiem awtorità superviżorja u talba għal rimedju ġudizzjarju fuq l‑istess kwistjoni, tmur kontra l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-GDPR. |
|
24. |
Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2020, il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni. Qabel, permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Lulju 2020, ir-rikors ippreżentat minn GS quddiem qorti ċivili fix-xahar ta’ Novembru 2017 kien miċħud. Din is‑sentenza kienet għadha ma saritx definittiva fl‑4 ta’ Diċembru 2020. |
|
25. |
Fis-sentenza tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkonstatat li l-GDPR kien b’mod intenzjonali stabbilixxa forma doppja ta’ protezzjoni ġudizzjarja u li kien għalhekk meħtieġ li tiġi kkonfermata l-kompetenza, bħala regola, tad-DSB biex tiddeċiedi dwar dan l-ilment. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti qieset li t-terminu ta’ dekadenza ta’ sena stabbilit fl-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data kien skada. Peress li GS kien jaf dwar il‑pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu minn D fit-3 ta’ Lulju 2017 u peress li l-ebda element ta’ fatt essenzjali addizzjonali ma ġie allegat wara l-proċedura, id-dritt għall-ipproċessar tal-ilment tiegħu mressaq skont l‑Artikolu 77 tal-GDPR kien diġà skada fil-mument li fih GS ressaq dan l-ilment, fis‑26 ta’ Lulju 2018. Il-bidla fil-pożizzjoni legali, jiġifieri d‑dħul fis-seħħ tal-GDPR, ma kellhiex l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza. Peress li l-introduzzjoni tardiva ta’ lment skont l‑Artikolu 77 tal-GDPR twassal ukoll għaċ-ċaħda tiegħu, skont il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), kien korrett li l-ilment ta’ GS ġie miċħud. |
|
26. |
GS u d-DSB appellaw rispettivament għal reviżjoni kontra din is‑sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva). |
|
27. |
Din il-qorti ma taqbilx mal-opinjoni tal‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) dwar l-esklużjoni tal-ilment ta’ GS. Fil-fatt, peress li GS kien uża għall-ewwel darba d-dritt għat-tħassir, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-GDPR, wara d‑dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fit‑22 ta’ Ġunju 2018, it-terminu tal-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data beda jiddekorri biss mill-mument li fih GS sar jaf bil-posta elettronika ta’ D, tas‑6 ta’ Lulju 2018, li informatu dwar iċ-ċaħda tagħha li tilqa’ t-talba għat‑tħassir. Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) tqis għalhekk li l-motivazzjoni użata mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Qorti Amministrattiva Federali) ma hijiex tali li tiġġustifika ċ-ċaħda mid-DSB tal-ilment ta’ GS, imressaq skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR. |
|
28. |
Madankollu, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) teżamina jekk iċ-ċaħda ta’ dan l-ilment kinitx legalment ibbażata fuq motivi oħra. Wara li fakkret dak li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi tagħha Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság u tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) [ ( 8 )], il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-motiv mogħti mid-DSB, relatat mal‑eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju pendenti dwar l-istess kawża. Fil‑fatt, l‑Artikolu 94(1) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali jipprevedi li l‑ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, dan l-artikolu jiżgura prinċipju ta’ separazzjoni tal‑ġustizzja u tal-amministrazzjoni, li jirrikjedi li każ jiġi assenjat kollu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tiegħu jew lill-qrati, jew lill-awtoritajiet amministrattivi. Dan l-artikolu jipprekludi għalhekk li qrati u awtoritajiet amministrattivi jiddeċiedu fl-istess ħin jew wara xulxin dwar l-istess każ ( 9 ). |
|
29. |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ilment imressaq quddiem l‑awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77 tal-GDPR jistax jiġi miċħud minħabba li diġà jkun tressaq rimedju ġudizzjarju effettiv fl‑istess kawża skont l-Artikolu 79 tal-GDPR u l-proċedura relatata tkun għadha pendenti quddiem il-qorti adita. |
|
30. |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tagħha Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 77 sa 79 tal-GDPR jippermettu eżerċizzju simultanju u indipendenti mir-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa, fl‑Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament u li huma l-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li għandhom jipprevedu l-modalitajiet ta’ rabta ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet protetti minn dan ir‑regolament, l-applikazzjoni koerenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
31. |
Din il-qorti tqis li, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, li “tqiegħed inkwistjoni l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha” ( 10 ), għandu jkun possibbli li jiġi aċċettat, billi jiġi segwit il-mudell tal-Artikolu 81(2) u (3) tal-GDPR, li, anki meta l‑istess każ huwa pendenti quddiem il-qrati ċivili u l-awtoritajiet amministrattivi, il-korp adit iktar tard għandu jiċħad it-talba. |
|
32. |
Skont din il-qorti, minkejja li l-modalità nazzjonali inkwistjoni ma tikkoinċidix kompletament mal-mekkaniżmi previsti fil-GDPR għas‑sitwazzjonijiet li jinvolvu diversi Stati Membri, jidher raġonevoli li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli fid-dawl tal-għan tagħha. |
|
33. |
Il-qorti tar-rinviju żżid li, anki jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva invokat mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-ewwel u qabel kollox jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-persuna affettwata bl‑ipproċessar ta’ data personali li teżerċita rimedju, il-kontrollur, bħala l-konvenut, għandu wkoll jingħata dritt għal proċedura effettiva, li jista’ jkun affettwat bil-fatt li żewġ proċeduri paralleli jistgħu jirrappreżentaw oneru mhux żgħir, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż tar‑rappreżentanza legali għal dawn iż‑żewġ proċeduri. |
|
34. |
B’hekk, is-sempliċi fatt li każ huwa pendenti quddiem qorti, adita skont l-Artikolu 79 tal-GDPR, jipprekludi li dan il-każ jista’ jiġi pproċessat b’mod validu mill-awtorità superviżorja, li taġixxi skont l‑Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, meta din ġiet adita b’ilment wara li jkun tressaq ir-rimedju ġudizzjarju. |
|
35. |
Madankollu, din il-qorti tinnota li f’każ ta’ ċaħda ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 77 tal-GDPR sempliċement minħabba l-fatt li hemm rimedju ġudizzjarju pendenti, fil‑mument taċ-ċaħda jkun għad ma hemmx deċiżjoni dwar il-mertu fuq l-allegat ksur tal-protezzjoni tad-data personali u għalhekk ikun għad ma hemmx riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. |
|
36. |
Fit-tieni lok, f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ilment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77 tal-GDPR jistax jiġi miċħud minħabba li tkun diġà ngħatat sentenza dwar il-mertu fi proċedura mibdija skont l‑Artikolu 79 tal-GDPR. |
|
37. |
Skont din il-qorti, iċ-ċaħda, minħabba l-prinċipju ta’ preċedenza, ta’ lment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja mill-mument li fih deċiżjoni dwar il-mertu tkun ġiet adottata fil-proċedura ġudizzjarja tieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji. Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li r-riferiment għal deċiżjoni li għadha ma hijiex definittiva ma jagħtix lill‑persuna kkonċernata ċ-ċertezza tal‑eżistenza ta’ din id-deċiżjoni. |
|
38. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
|
39. |
GS, D, la DSB, il-Gvern Awstrijak, dak Taljan u Ungeriż u l‑Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Analiżi
|
40. |
Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat lilha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja spjegazzjonijiet dwar ir‑rabta bejn, minn naħa waħda, ilment imressaq quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, rimedju ġudizzjarju mressaq skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir‑regolament. |
|
41. |
Permezz tad-domandi tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar jekk awtorità superviżorja, li hija adita minn ilment, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, tistax tiċħad dan l‑ilment minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li għandu l-istess suġġett, kien diġà tressaq preċedentement (l‑ewwel domanda) u meta d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rimedju tkun għad ma hijiex definittiva (it-tieni domanda). |
|
42. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi għandha tkun fin-negattiv. Barra minn hekk, ninnota li, minkejja ċ-ċaħda mid-DSB tal-ilment ta’ GS, kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll din l‑awtorità superviżorja għandhom l-istess opinjoni. |
|
43. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kapitolu VIII tal-GDPR jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tal-persuna kkonċernata meta d-data personali li tikkonċernaha kienet is-suġġett ta’ pproċessar li allegatament jikser id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Il-protezzjoni ta’ dawn id‑drittijiet tista’ b’hekk tintalab jew direttament mill-persuna kkonċernata, skont l-Artikoli 77 sa 79 tal-imsemmi regolament, jew minn entità awtorizzata, fil-preżenza jew fl-assenza ta’ mandat għal dan il-għan, skont l-Artikolu 80 tal-istess regolament ( 11 ). |
|
44. |
Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata kjarifika dwar il-punt jekk iċ‑ċaħda mill-awtorità superviżorja ta’ lment li tressaq quddiemha skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li għandu l-istess suġġett, tressaq preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rikors għad ma hijiex definittiva, tikkostitwixxix modalità ammissibbli ta’ rabta bejn ir-rimedji previsti mill-imsemmi regolament, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il‑kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 12 ). |
|
45. |
Fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR, għandu jitfakkar li, qabel xejn, l-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament jispjega li “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor” kull persuna kkonċernata għandha d-dritt li tressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Sussegwentement, skont l-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor”. Fl-aħħar nett, l‑Artikolu 79(1) tal-istess regolament jiżgura lil kull persuna kkonċernata d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l‑Artikolu 77”. |
|
46. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet tal-GDPR joffru rimedji ġudizzjarji differenti lill-persuni li jinvokaw ksur ta’ dan ir-regolament, peress li kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat “mingħajr preġudizzju” għall‑oħrajn ( 13 ). B’hekk, il-GDPR ma jipprevedix kompetenza prijoritarja jew esklużiva u lanqas ebda regola ta’ supremazija tal-evalwazzjoni mwettqa mill‑awtorità jew mill-qrati li huma msemmija fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament ( 14 ). Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji, li fiha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u l-possibbiltà li teżerċita rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju jeżistu flimkien b’mod awtonomu, mingħajr ma wieħed ikun sussidjarju għall-ieħor. |
|
47. |
Ir-rimedju previst fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR, li għandu bħala għan l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja adottata abbażi tal-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, u dak previst fl‑Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament jistgħu għalhekk jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti ( 15 ). L-istess japplika għal ilmenti li jitressqu quddiem l-awtoritajiet superviżorji skont l‑Artikolu 77(1) tal-GDPR. |
|
48. |
Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih jaqgħu d‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR ( 16 ) u mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tiegħu jirriżulta b’mod partikolari li dan huwa intiż sabiex jiżgura protezzjoni għolja tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni. Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tipprevedi, barra minn hekk, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data tirrikjedi t-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati. B’hekk, l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-persuni kkonċernati l‑possibbiltà li jeżerċitaw b’mod simultanju u indipendenti r-rimedji ġudizzjarji previsti, minn naħa waħda, fl-Artikolu 77(1) u fl‑Artikolu 78(1) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament taqa’ fil-għan tal-imsemmi regolament ( 17 ). Il-Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat ukoll li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ diversi rimedji ġudizzjarji jsaħħaħ l-għan stabbilit fil-premessa 141 tal-GDPR li jiġi żgurat li kull persuna kkonċernata li tqis li d-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament huma miksura jkollha dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 18 ). Jiena nqis li tali interpretazzjoni hija wkoll konformi fid-dawl tal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-GDPR. Fil-fatt, fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija spjegat ir-rifjut tagħha li tivvota favur dan it-test, b’mod partikolari, fir-rigward tal-paralleliżmu tar‑rimedji ġudizzjarji previst minn dan ir-regolament ( 19 ). Madankollu, tali paralleliżmu tar-rimedji ġudizzjarji nżamm fil-verżjoni finali tal‑imsemmi regolament. |
|
49. |
Fid-dawl ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’hekk fis‑sentenza tagħha Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, inqis li l-fatt li jiġi aċċettat li awtorità superviżorja, adita minn ilment, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, tista’ tiċħdu minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir‑regolament u li għandu l-istess suġġett, tressaq preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rimedju għad ma hijiex definittiva jikkawża preġudizzju għall-possibbiltà offruta mill‑GDPR lill-persuni kkonċernati li jressqu rimedji paralleli dwar l‑istess ipproċessar ta’ data personali. |
|
50. |
Huwa veru, kif kelli l-okkażjoni nenfasizza fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, li din il-possibbiltà tista’ tippreżenta inkonvenjent, jiġifieri l‑inċertezza legali li tista’ tinħoloq b’deċiżjonijiet kontradittorji fi ħdan Stat Membru. Issa, għalkemm ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji bejn l‑awtoritajiet superviżorji jew il-qrati ta’ Stati Membri differenti ġie antiċipat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-GDPR, dan ma huwiex il‑każ meta tali deċiżjonijiet jiġu adottati fl-istess Stat Membru ( 20 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull Stat Membru għandu jimplimenta l-miżuri proċedurali li jippermettu li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali ( 21 ). |
|
51. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, il-każ imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja kien dak li fih il-qorti adita b’rikors ippreżentat abbażi tal‑Artikolu 78(1) tal-GDPR setgħet titpoġġa f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni li tikkontradixxi d-deċiżjoni li tkun saret definittiva li kienet adottata preċedentement mill-qorti adita minn rikors ippreżentat abbażi tal‑Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
52. |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li l‑eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet kontradittorji tippreġudika l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal‑libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha, stabbilit fil‑premessa 10 tal-GDPR ( 22 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑protezzjoni mogħtija skont deċiżjoni mogħtija wara rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, jidher li ma hijiex koerenti mat‑tieni deċiżjoni ġudizzjarja li tirriżulta minn rikors ippreżentat abbażi tal‑Artikolu 78(1) tal-istess regolament, li għandha eżitu oppost ( 23 ). Min‑naħa l-oħra, minn dan jirriżulta, tnaqqis fil-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom, peress li tali inkoerenza toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali ( 24 ). |
|
53. |
Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l‑eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji li jistgħu jiġu eżerċitati parallelament mill-persuni kkonċernati ma tippreġudikax l-effettività tal-protezzjoni tad‑drittijiet li l-GDPR jagħti lil dawn tal-aħħar. Huma l-Istati Membri li jagħżlu liema mekkaniżmi proċedurali jidhru l-aktar adattati sabiex jippermettu rabta armonjuża tar-rimedji ġudizzjarji previsti fl‑Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 25 ). Madankollu, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji simultanji u indipendenti jidher li ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività u l-protezzjoni effettiva tad‑drittijiet iggarantiti mill-GDPR ( 26 ). Fil-fatt, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet misluta mill-ordni ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas jagħmel fil-prattika, l‑eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 27 ). Il‑Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti fl‑Artikolu 77(1) fl-Artikolu 78(1) u fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament ikunu jissodisfaw effettivament ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal‑Karta ( 28 ). |
|
55. |
Fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság ( 29 ), indikajt b’mod partikolari li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà jew l-obbligu għal qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors skont l-Artikolu 79(1 tal-GDPR, filwaqt li tkun għaddejja proċedura ta’ lment skont l-Artikolu 77(1) ta’ dak ir‑regolament jew rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78(1) tal‑imsemmi regolament, li tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha u ma tagħtix deċiżjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni f’xi waħda minn dawn il-proċeduri ( 30 ). B’hekk, indikajt li s-sospensjoni ta’ proċedura tista’, fl‑opinjoni tiegħi, tikkostitwixxi soluzzjoni sabiex jiġi evitat li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji li jistgħu jippreġudikaw iċ-ċertezza legali ( 31 ). |
|
56. |
Din is-soluzzjoni tidher li hija partikolarment adattata fil-kuntest tal-kawża preżenti. B’hekk, awtorità superviżorja, li għandha quddiemha ilment, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, għandha tkun awtorizzata li tissospendi l-eżami tagħha meta rimedju ġudizzjarju, ippreżentat skont l‑Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li għandu l-istess suġġett, ikun ġie ppreżentat preċedentement u meta d-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju tkun għadha ma hijiex definittiva. |
|
57. |
Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ lment f’dan il-kuntest tidher li tmur kontra l-prinċipju tal-effettività, sa fejn din il-modalità ta’ rabta tar-rimedji ġudizzjarji hija tali li tippreġudika l-protezzjoni effettiva tad‑drittijiet protetti mill-GDPR. Fil-fatt, tali ċaħda tidher li tmur kontra l-istess prinċipju ta’ sistema komprensiva ta’ rimedji ġudizzjarji li jistgħu jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti. Barra minn hekk, iċ‑ċaħda ta’ talba ma hijiex neċessarjament miżura adattata sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. |
|
58. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta awtorità superviżorja tiċħad talba minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR, għadu pendenti, din ma tistax tkun ċerta li se tingħata deċiżjoni fuq il-mertu fil-qafas ta’ dan ir-rimedju. Fil-fatt, tali rimedju jista’ jiġi miċħud għal raġuni proċedurali, bħalma hi l‑inammissibbiltà, mingħajr ma jiġi deċiż il-mertu tal-każ. |
|
59. |
Barra minn hekk, anki meta dan ir-rimedju jwassal, bħalma ġara f’dan il-każ, għal deċiżjoni fuq il-mertu, din id-deċiżjoni xorta tista’ tiġi kkontestata permezz tar-rimedji ġudizzjarji interni. Għalhekk, b’differenza minn dak li jidher li tikkunsidra l-Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet tagħha ( 32 ), jidhirli li l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ġudizzjarja hijiex definittiva jew le hija importanti. Fl-opinjoni tiegħi, l‑awtorità superviżorja ma tistax tiċħad talba minnufih fuq il-bażi li rimedju ġudizzjarju mressaq skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR wassal għal deċiżjoni, sakemm dik id-deċiżjoni ma tkunx saret definittiva u għalhekk għadha tista’ tiġi kkontestata. |
|
60. |
Fil-qosor, sakemm il-kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni meħuda minn awtorità superviżorja adita skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR u d‑deċiżjoni mhux definittiva mogħtija minn qorti adita skont l‑Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament tkun biss ipotetika, din l-awtorità ma tistax tiċħad it-talba li ġiet sottomessa lilha abbażi ta’ dan ir-riskju ta’ kontradizzjoni. |
|
61. |
Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, għandha tkun enfasizzata l‑importanza tad-dritt li titressaq talba quddiem awtorità superviżorja, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm protezzjoni effettiva tad-drittijiet protetti minn dan ir-regolament. Din il‑protezzjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mis-setgħat wiesgħa li dan ir‑regolament jagħti lill-awtorità superviżorja sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ trattament illegali tad-data personali tal-persuna kkonċernata u tieħu l-miżuri adegwati sabiex tikkoreġihom. |
|
62. |
F’dan il-kuntest, nirrileva li l-Artikolu 51(1) tal-GDPR jimponi fuq l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu awtorità pubblika indipendenti waħda jew iktar inkarigati mis-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. L-istabbiliment ta’ tali awtoritajiet, li huwa wkoll previst mid-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 8(3) tal-Karta u l‑Artikolu 16(2) TFUE, jikkostitwixxi element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali ( 33 ). Il-funzjoni prinċipali ta’ dawn l-awtoritajiet, skont l‑Artikolu 51(1) u (2) u l-Artikolu 57(1)(a) u (g) tal-GDPR, hija li jikkontrollaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jiżguraw l‑osservanza tiegħu, filwaqt li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni koerenti tiegħu fl-Unjoni, u dan sabiex jiġu protetti l-libertajiet u d‑drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad‑data personali tagħhom u sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ tali data fi ħdan l-Unjoni ( 34 ). |
|
63. |
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, kull awtorità superviżorja hija obbligata, fit-territorju tagħha, li tittratta l‑ilmenti li kull persuna, konformement mal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir‑regolament, għandha d-dritt li tressaq meta tqis li pproċessar ta’ data personali li jikkonċernaha jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament, u li teżamina s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti sa fejn ikun meħtieġ. L-awtorità superviżorja għandha tittratta tali ilment bid-diliġenza kollha meħtieġa ( 35 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minkejja li l-għażla tal-mezz adegwat u neċessarju għandha ssir mill-awtorità superviżorja, li għandha tagħmel din l-għażla billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal‑ipproċessar tad-data personali inkwistjoni, din l-awtorità xorta hija obbligata twettaq bid-diliġenza kollha meħtieġa l-funzjoni tagħha li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-GDPR ( 36 ). |
|
64. |
Sabiex jikkontrollaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u jiżguraw l-osservanza tiegħu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom diversi setgħat mogħtija lilhom bis-saħħa tal-Artikolu 58 ta’ dan ir‑regolament. B’hekk, l-Artikolu 58(1) tal-GDPR jagħti lil dawn l‑awtoritajiet setgħat investigattivi sinjifikattivi. Meta tali awtorità tikkonstata, fi tmiem l‑investigazzjoni tagħha, ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija obbligata tirreaġixxi b’mod xieraq sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza kkonstatata. Għal dan il-għan, l-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament jelenka l-miżuri korrettivi differenti li l-awtorità superviżorja tista’ tadotta ( 37 ). |
|
65. |
Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-proċedura ta’ lment, li ma hijiex l-istess bħal dik ta’ petizzjoni, hija maħsuba bħala mekkaniżmu adattat sabiex jissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet u l-interessi tal-persuni kkonċernati ( 38 ). F’din il-perspettiva, l-awtorità superviżorja hija obbligata tintervjeni meta l-adozzjoni ta’ waħda jew iktar mill-miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tal-GDPR tkun, fid‑dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ konkret, xierqa, neċessarja u proporzjonata sabiex tiġi rrimedjata l-insuffiċjenza kkonstatata u sabiex tiġi żgurata l-osservanza sħiħa ta’ dan ir-regolament ( 39 ). |
|
66. |
Fl-opinjoni tiegħi, ikun kontra dan l-għan u kontra d-dmir ta’ diliġenza li għandha l-awtorità superviżorja li tippriva mill-ewwel lil persuna kkonċernata mill-benefiċċju ta’ tali mekkaniżmu, billi tippermetti lil din l-awtorità tirrifjuta t-talba tagħha minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li għandu l‑istess suġġett, kien ġie ppreżentat preċedentement u li d‑deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għadha ma hijiex definittiva. Min-naħa l-oħra, jidhirli li s-sospensjoni tal-eżami ta’ dan l‑ilment sakemm id-deċiżjoni ġudizzjarja ssir definittiva hija konformi kemm mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet protetti mill‑GDPR kif ukoll ir-rekwiżit li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji fi ħdan l-istess Stat Membru. |
|
67. |
Ċertament, huwa veru li ċ-ċaħda, għal tali raġuni, tal-ilment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) tal‑GDPR mhux neċessarjament tippreġudika l-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tressaq ilment ġdid quddiem din l-awtorità wara l-proċedura ġudizzjarja tkun intemmet b’mod definittiv għal raġuni proċedurali jew jekk il-persuna tkun irtirat ir-rimedju ġudizzjarju tagħha. |
|
68. |
Madankollu, it-tressiq ta’ lment ġdid jista’ jkun impossibbli jekk id-dritt nazzjonali jissuġġetta dan, kif inhu l-każ fl-Awstrija, għall‑osservanza ta’ terminu ta’ ammissibbiltà u dan it-terminu jkun diġà skada. F’tali każ, il-persuna kkonċernata tista’ ssib ruħha mċaħħda minn kwalunkwe protezzjoni effettiva jekk ir-rimedju ġudizzjarju tagħha jiġi miċħud għal raġuni proċedurali mingħajr ma jiġi eżaminat il-mertu tal‑każ jew inkella jekk hija tkun tixtieq tirtira l-proċedura ġudizzjarja. |
|
69. |
Barra minn hekk, u b’mod aktar ġenerali, tali soluzzjoni, li tqiegħed fuq il-persuna kkonċernata r-responsabbiltà biex terġa’ tressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja wara ċ-ċaħda inizjali tal-ilment tagħha, jidhirli li hija kuntrarja għad-dmir ta’ diliġenza li għandha din l‑awtorità. Fil-fatt, dan id-dmir jimplika, kif diġà indikajt qabel, li l‑imsemmija awtorità għandha tipproċessa l-ilment ippreżentat quddiemha bid-diliġenza kollha meħtieġa. L-imsemmi dmir jirrikjedi, b’mod partikolari, li meta l-awtorità superviżorja hija adita minn ilment u tkun informata bl-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija skont l‑Artikolu 79(1) tal-GDPR u li tikkonċerna l-istess fatti, din l-awtorità għandha tkun attenta, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment, għad‑deċiżjoni li ser tagħlaq b’mod definittiv dik il-proċedura. Sadanittant, dan l-eżami għandu jiġi sospiż. |
V. Konklużjoni
|
70. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) bil‑mod segwenti: L-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id‑Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il‑Protezzjoni tad‑Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li: jipprekludu li awtorità superviżorja, li hija adita minn ilment, skont dan l-Artikolu 77(1), tista’ tiċħad dan l-ilment minħabba li rimedju ġudizzjarju, imressaq skont dan l-Artikolu 79(1), u li għandu l-istess suġġett, kien tressaq preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rimedju għadha ma hijiex definittiva. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”.
( 3 ) C‑132/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, EU:C:2023:2.
( 4 ) Skont il-punt 21 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, awtorità superviżorja hija “awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51 [ta’ dan ir-regolament]”.
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 6 ) BGBl. I, 165/1999, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”.
( 7 ) Din it-talba kienet ibbażata fuq id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).
( 8 ) C‑26/22 u C‑64/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza SCHUFA Holding, EU:C:2023:958.
( 9 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑14 ta’ Ottubru 1970, G 20/70.
( 10 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 54).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke (C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke (C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 34). Ara, ukoll, dwar il-possibbiltà għall-kompetitur ta’ impriża li jippreżenta rikors quddiem il-qrati ċivili kontra din l-impriża abbażi tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, minħabba l-allegat ksur tal-imsemmija impriża tal-obbligi previsti mill‑GDPR, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke (C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 53).
( 14 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 35).
( 15 ) Ara s-sentenzi Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 35 u d‑dispożittiv); SCHUFA Holding (punt 66); u tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 128).
( 16 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punti 36 sa 41).
( 17 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 42).
( 18 ) Ara s-sentenzi Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 44), u SCHUFA Holding (punt 66). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-eżistenza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur tad-data jew proċessur, previst fl-Artikolu 79(1) tal-GDPR, ma għandhiex effett fuq il-portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat, fil-kuntest ta’ rimedju mfittex skont l‑Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, fuq deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità superviżorja (punt 67 tal-imsemmija sentenza).
( 19 ) Ara r-riżultat tal-vot dwar l-adozzjoni tal-GDPR fid-Dokument tal-Kunsill 7920/16 tal‑14 ta’ April 2016, disponibbli fuq l-indirizz Internet segwenti: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7920-2016-INIT/fr/pdf (p. 7). Din l-interpretazzjoni taqbel magħha wkoll l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), kif jidher mis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Mejju 2019, 6Ob91/19d (punt 4.5.).
( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punt 57).
( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punt 58).
( 22 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 54).
( 23 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 55).
( 24 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 56).
( 25 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 45).
( 26 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 47).
( 27 ) Ara s-sentenza Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (punt 48).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 136 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) C‑132/21, EU:C:2022:661.
( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punt 69).
( 31 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punt 70).
( 32 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (punt 49).
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 119 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 120 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi SCHUFA Holding (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Settembru 2024, Land Hessen (Obbligu ta’ azzjoni mill-awtorità tal-protezzjoni tad-data) (C‑768/21, EU:C:2024:785, punt 32).
( 36 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland et Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 112), u tas‑26 ta’ Settembru 2024, Land Hessen (Obbligu ta’ azzjoni mill-awtorità tal-protezzjoni tad-data) (C‑768/21, EU:C:2024:785, punt 37). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-awtorità superviżorja huwa limitat min-neċessità li jiġi żgurat livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tad-data personali permezz ta’ applikazzjoni rigoruża tar-regoli, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 10 tal-GDPR (punt 38).
( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza SCHUFA Holding (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara s-sentenza SCHUFA Holding (punt 58).
( 39 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2024, Land Hessen (Obbligu ta’ azzjoni mill‑awtorità tal-protezzjoni tad-data) (C‑768/21, EU:C:2024:785, punt 42), u tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet (C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 132).