European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2610

17.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2610

tat-12 ta’ Diċembru 2025

dwar l-emendi għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra u għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 219(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għad-dritt monetarju mid-data tal-introduzzjoni tal-euro.

(2)

Il-Kunsill għandu jiddetermina l-arranġamenti għall-emendar ta’ ftehimiet li jikkonċernaw kwistjonijiet monetarji jew tas-sistema tal-kambju.

(3)

Il-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra (2) u l-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (3) (il-“Ftehimiet Monetarji”) ġew iffirmati fit-30 ta’ Ġunju 2011 u fis-27 ta’ Marzu 2012, rispettivament.

(4)

Wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati f’Diċembru 2023, l-Unjoni mistennija tiffirma l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). Skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Qafas 3 tiegħu dwar is-servizzi finanzjarji, Andorra u San Marino ser jissieħbu progressivament fis-suq uniku għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, jenħtieġ li Andorra u San Marino jittrasponu l-acquis tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u dwar is-servizzi finanzjarji.

(5)

Il-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedu l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni minn Andorra u San Marino. Dawk l-atti legali tal-Unjoni huma elenkati fl-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(6)

L-atti legali tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li għandhom jiġu implimentati skont il-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huma identiċi. Min-naħa l-oħra, l-atti legali tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji jikkoinċidu biss parzjalment. L-atti legali tal-Unjoni li japplikaw skont il-Ftehimiet Monetarji jikkonċernaw prinċipalment il-liġi bankarja u finanzjarja relatata mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li huma rilevanti għall-euro, filwaqt li l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(7)

Il-Ftehimiet Monetarji, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjni għandhom skopijiet differenti u bażijiet ġuridiċi differenti. Il-bażi ġuridika għall-Ftehimiet Monetarji hija l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fejn il-Kunsill - li jirrappreżenta biss lil dawk l-Istati Membri li introduċew l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom - jaġixxi bir-regola prestabbilita ta’ maġġoranza kwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 218 TFUE, li permezz tiegħu, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill - li jirrappreżenta lill-Istati Membri kollha – jista’ jadotta deċiżjoni war il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.. Għalhekk, il-Ftehimiet Monetarji huma indipendenti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u ma jistgħux jiġu integrati fih.

(8)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jindirizza d-duplikazzjoni parzjali ta’ dmirijiet identiċi skont il-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u biex jiżgura l-interazzjoni bla xkiel bejniethom. Soluzzjoni vijabbli u sempliċi hija li jiġu emendati l-Ftehimiet Monetarji.

(9)

Jenħtieġ li jiddaħlu klawżoli fil-Ftehimiet Monetarji li jipprevedu l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro ladarba dawk l-atti legali tal-Unjoni jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti legali tal-Unjoni, kemm jekk ġew adottati fil-passat kif ukoll jekk se jiġu adottati fil-futur, ladarba jkunu saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, issir fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u tista’ tkun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji.

(10)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni li jikkonċernaw id-dritt monetarju tibqa’ rregolata esklużivament mill-Ftehimiet Monetarji.

(11)

Jenħtieġ li jiddaħħlu klawżoli fil-Ftehimiet Monetarji sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Ftehimiet Monetarji u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-atti legali tal-Unjoni dwar il-banek u l-finanzi rilevanti għall-euro u l-atti legali tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu inkorporati b’mod awtomatiku fil-Ftehimiet Monetarji jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi sospiż parzjalment jew kompletament jew jekk jiġi tterminat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha tfittex li tinnegozja l-emendi li ġejjin għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra u għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (il-“Ftehimiet Monetarji”):

(a)

l-inklużjoni fil-Ftehimiet Monetarji ta’ klawżoli li permezz tagħhom l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jsiru parti mill-anness rilevanti tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament, (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) esklużivament ladarba dawk l-atti legali tal-Unjoni jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; dawk il-klawżoli jenħtieġ li jiċċaraw ukoll li, jekk att legali tal-Unjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehim Monetarju rilevanti jiġi adottat jew emendat qabel ma l-Protokoll Qafas 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji jsir applikabbli, huwa jiddaħħal fl-Anness tal-Ftehim Monetarju u jiġi ttrasferit għall-anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ladarba tali att legali tal-Unjoni jsir applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)

l-inklużjoni fil-Ftehimiet Monetarji ta’ klawżoli li jiżguraw li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kemm jekk ġew adottati fil-passat kif ukoll jekk se jiġu adottati fil-futur, ladarba jkunu saru parti mill-anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, titwettaq fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(c)

l-inklużjoni fil-Ftehimiet Monetarji ta’ klawżoli li permezz tagħhom l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma elenkati fl-Annessi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu mmarkati b’mod ċar bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji, sabiex il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti legali tal-Unjoni f’Andorra u San Marino skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tkun tista’ ssir fl-istess ħin għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji;

(d)

l-inklużjoni fil-Ftehimiet Monetarji ta’ klawżoli li permezz tagħhom l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ladarba jkunu saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġu inkorporati awtomatikament fl-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji u l-implimentazzjoni tagħhom tiġi vvalutata fil-qafas tal-Ftehimiet Monetarji jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi sospiż parzjalment jew kompletament jew jekk jiġi tterminat;

(e)

l-inklużjoni fil-Ftehimiet Monetarji ta’ klawżoli li jiżguraw li l-atti legali tal-Unjoni li jikkonċernaw id-dritt monetarju jibqgħu rregolati esklużivament mill-Ftehimiet Monetarji.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lil Andorra u lil San Marino dwar il-ħtieġa u r-rieda tal-Unjoni li temenda l-Ftehimiet Monetarji.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi l-emendi għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra msemmija fl-Artikolu f’erba’ lingwi: il-Katalan, il-Franċiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. It-test f’kull waħda minn dawk il-lingwi għandu jitqies ugwalment awtentiku.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi l-emendi għall-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino msemmija fl-Artikolu 1 bl-Ingliż.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun assoċjat b’mod sħiħ man-negozjati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 sakemm jikkonċernaw il-qasam tal-kompetenza tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-abbozz ta’ emendi għall-Ftehimiet Monetarji lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) għal opinjoni tiegħu..

5.   Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tikkonkludi l-emendi għall-Ftehimiet Monetarji f’isem l-Unjoni, sakemm il-KEF ma jkunx tal-opinjoni li l-emendi għall-Ftehimiet Monetarji jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU C, C/2024/4418, 8.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4418/oj.

(2)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 1.

(3)   ĠU C 121, 26.4.2012, p. 5.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2610/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)