IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.5.2026
COM(2026) 261 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/36/UE dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali
I.INTRODUZZJONI
L-ekonomija staġonali tal-UE hija mutur importanti u ta’ volum għoli ta’ tkabbir f’setturi differenti ta’ importanza strateġika għall-ekonomija u għall-kompetittività ġenerali tal-UE. Is-setturi staġonali ewlenin fl-UE huma l-agrikoltura u l-ortikultura, it-turiżmu, u settur tal-lukandi, tar-ristoranti u tal-forniment tal-ikel (HORECA), u sa ċertu punt inqas, l-ipproċessar tal-ikel u l-kostruzzjoni. Fl-2024, is-settur agrikolu tal-UE ġġenera EUR 228,6 biljun f’valur miżjud gross (madwar 1,2 % tal-PDG tal-UE) u EUR 531,9 biljun f’output agrikolu, filwaqt li l-esportazzjonijiet agroalimentari laħqu l-EUR 235,4 biljun. L-industriji tat-turiżmu, inklużi l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, huma stmati li jammontaw għal madwar 5 % tal-valur miżjud gross tal-UE. Ħafna minn dawn is-setturi jibbażaw strutturalment fuq ix-xogħol staġonali, fejn id-domanda għax-xogħol tilħaq il-quċċata tagħha fi żminijiet speċifiċi tas-sena.
Għalkemm is-setturi staġonali u l-volum tax-xogħol staġonali jvarjaw madwar l-UE, l-Istati Membri kollha għandhom ħtieġa strutturali ta’ ħaddiema staġonali. Stimi approssimattivi jissuġġerixxu li, kull sena, fl-UE jkunu meħtieġa bejn 2,5 u 4 miljun ħaddiem staġonali. Iċ-ċittadini mill-pajjiżi nfushom jirrappreżentaw l-akbar grupp ta’ ħaddiema staġonali, iżda l-għadd tagħhom qiegħed jonqos b’mod kostanti.
Il-bidliet demografiċi, id-depopolazzjoni rurali u n-nuqqasijiet persistenti ta’ ħaddiema jirrikjedu dejjem aktar il-kontribut tal-ħaddiema staġonali mobbli tal-UE (li jiċċaqilqu minn pajjiż tal-UE għal ieħor għal impjiegi staġonali) u tal-ħaddiema minn pajjiżi mhux tal-UE biex jiġu sostnuti l-produzzjoni u s-servizzi fis-setturi staġonali. Skont l-istimi mill-2021, kull sena, fl-UE, aktar minn 420 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi jaħdmu xogħol staġonali fl-agrikoltura waħedha. Fl-2023, 9 % tal-forza tax-xogħol fl-industriji tat-turiżmu kienet magħmula minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Ix-xogħol staġonali jippreżenta sfidi speċifiċi assoċjati ma’ riskji akbar ta’ vulnerabbiltà u ta’ infurzar. Dan huwa dovut għall-kombinazzjoni ta’ kompiti temporanji u fiżikament eżiġenti, sigħat tax-xogħol twal matul il-perjodi l-aktar intensivi, paga komparattivament baxxa, sigurtà tal-impjieg limitata u postijiet tax-xogħol remoti. Is-saħħa ta’ negozjar limitata tal-ħaddiema, id-diffikultà li jitwettqu spezzjonijiet f’żoni rurali remoti u l-kompetizzjoni ħarxa li tista’ tirriżulta fit-tnaqqis tal-kostijiet lavorattivi jkomplu jikkontribwixxu għall-vulnerabbiltà u għar-riskji ta’ sfruttament tal-ħaddiema staġonali. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati f’setturi staġonali huma f’riskju akbar miċ-ċittadini tal-UE, u qegħdin jiffaċċjaw sfidi fl-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti, għall-kura tas-saħħa, kif ukoll għal ċerti partijiet tas-sigurtà soċjali. Id-diskriminazzjoni intersezzjonali tista’ żżid dawk ir-riskji. Kuntratti qosra, dipendenza fuq persuna waħda li tħaddem, aċċess limitat għal informazzjoni u għal appoġġ, u l-biża’ minn konsegwenzi negattivi jekk jirrapportaw l-abbużi jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jasserixxu d-drittijiet tagħhom u jfittxu rimedju. Il-ħaddiema staġonali huma wkoll aktar f’riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament ta’ ħaddiema, li żdied b’mod sinifikanti fis-snin reċenti, b’mod partikolari f’setturi b’riskju għoli bħall-agrikoltura, l-ipproċessar tal-ikel, l-ospitalità, it-trasport u l-loġistika u l-kostruzzjoni.
Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali (id-Direttiva), ir-regoli nazzjonali u l-istandards ta’ protezzjoni kienu frammentati, billi d-definizzjonijiet, il-kriterji tal-ammissjoni, it-tul tas-soġġorn, il-proċeduri u d-drittijiet ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor. F’diversi Stati Membri, is-setturi staġonali kienu assoċjati mal-impjieg illegali, ma’ soġġorn imtawwal u ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ħżiena.
Id-Direttiva, li ġiet adottata fl-2014 u trasposta sat-30 ta’ Settembru 2016, għandha l-għan li tirrikonċilja żewġ objettivi: perkorsi ta’ mobilità tal-ħaddiema aktar aċċessibbli u trasparenti biex jgħinu lil min iħaddem jissodisfa d-domanda għall-ħaddiema staġonali, u b’hekk jinċentivaw tnaqqis fil-migrazzjoni illegali u fl-impjiegi illegali; u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-ħaddiema staġonali, salvagwardji b’saħħithom kontra l-isfruttament, kif ukoll miżuri biex jiġi żgurat l-infurzar, bħall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u spezzjonijiet.
F’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva, dan ir-rapport jiffoka fuq it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri, u jkopri prinċipalment il-perjodu bejn l-2019 u l-2024. Jiddeskrivi wkoll il-miżuri meħuda biex jappoġġaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva, jidentifika l-isfidi li fadal u jippreżenta l-passi li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu biex tindirizzahom.
Ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni riċevuta permezz tal-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ appoġġ deskritti fit-taqsimiet II u III, fuq id-data statistika rrapportata mill-Istati Membri lill-Eurostat u fuq il-kontributi minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, it-trade unions, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, ir-rappreżentanti tal-migranti, l-akkademja u sorsi disponibbli għall-pubbliku.
Kif deskritt fl-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni tad-29 ta’ Jannar 2026, huwa kruċjali li tiġi attirata l-forza tax-xogħol minn pajjiżi mhux tal-UE li teħtieġ l-ekonomija Ewropea, inklużi l-ħaddiema staġonali, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni kontra l-isfruttament u l-prevenzjoni tal-impjiegi illegali. Il-promozzjoni u l-iżgurar ta’ aċċess effettiv għal perkorsi ta’ mobilità tal-ħaddiema għall-fini ta’ xogħol staġonali, bħala alternattivi vijabbli għall-migrazzjoni illegali, huma wkoll parti mill-Alleanza Globali għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.
Dan ir-rapport, flimkien mar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem, għandu l-għan li jippromwovi infurzar aħjar tar-regoli tal-UE għall-ġlieda kontra l-impjieg illegali u l-isfruttament ta’ ħaddiema migranti. Se jikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija li ġejja dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin fl-2026 u se jikkontribwixxi għall-approċċ usa’ tal-UE skont il-Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kull ħaddiem.
II.MONITORAĠĠ U MIŻURI LI JAPPOĠĠAW L-IMPLIMENTAZZJONI
Mill-2016, il-Kummissjoni ħadet firxa ta’ passi legali u operazzjonali biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva. Fl-2016, fetħet proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni kontra 20 Stat Membru marbuta bid-Direttiva. Sal-2019, l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa, li wasslet għall-għeluq ta’ dawk il-każijiet ta’ ksur. Il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet ġew trasposti b’mod korrett f’kull Stat Membru, għalkemm ippersistew xi lakuni f’oqsma bħall-kundizzjonijiet tal-ammissjoni u tal-irtirar, il-ħruġ u t-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet, l-obbligi ta’ informazzjoni, l-iffaċilitar tad-dħul mill-ġdid, l-akkomodazzjoni, is-sanzjonijiet, il-kumpens u s-salvagwardji proċedurali. Għalhekk, fl-2023 u fl-2024, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur għal traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva kontra l-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri kollha kkonċernati ħadu jew qegħdin jieħdu miżuri addizzjonali biex jallinjaw il-liġi nazzjonali tagħhom mad-Direttiva. Sal-lum, ingħalqu disa’ proċeduri ta’ ksur, filwaqt li l-oħrajn għadhom qegħdin jiġu vvalutati.
Sabiex tappoġġa l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet trasposti, il-Kummissjoni kkomplementat l-infurzar legali b’miżuri analitiċi u operazzjonali. Il-finanzjament tal-UE ffinanzja proġetti mmirati, pereżempju, fl-Italja, fil-Greċja, fi Spanja u fi Franza, biex jappoġġa l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva għal ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi fl-agrikoltura
.
Il-Kummissjoni ddiskutiet l-isfidi li jifdal u l-passi potenzjali li jmiss biex tittejjeb l-applikazzjoni tad-Direttiva mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati f’diversi fora u konsultazzjonijiet. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pparteċipaw fi skambji ulterjuri organizzati minn partijiet terzi u relatati ma’ proġetti (ko)finanzjati mill-UE. Dawn l-iskambji enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu operazzjonalizzati aħjar il-kanali ta’ ammissjoni biex il-forza tax-xogħol staġonali meħtieġa tiġi pprovduta fil-ħin, tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tagħhom u dwar kif għandhom jiġu infurzati, u biex jiġi appoġġat l-użu ta’ mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju. Il-partijiet ikkonċernati spiss ġibdu l-attenzjoni wkoll għall-monitoraġġ, għall-infurzar, għall-ispezzjonijiet u għas-sanzjonar insuffiċjenti fis-setturi staġonali, flimkien ma’ problemi rikorrenti ta’ akkomodazzjoni inadegwata u ta’ ksur tal-liġi tax-xogħol.
III.KONFORMITÀ TAT-TRASPOŻIZZJONI U TAL-APPLIKAZZJONI
Filwaqt li l-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għad hemm xi lakuni, kif muri fit-taqsimiet li ġejjin.
1.Perkorsi ta’ mobilità tal-ħaddiema simplifikati u faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema staġonali
a.Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva – l-Artikolu 2
Id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mit-territorju tal-Istati Membri u li japplikaw biex ikunu ammessi, jew li ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali. Din ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fiż-żmien tal-applikazzjoni jkunu jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li beħsiebhom jestendu jew iġeddu s-soġġorn tagħhom (l-Artikolu 2). Id-Direttiva tiddefinixxi “ħaddiem staġonali” bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-post ta’ residenza prinċipali f’pajjiż terz u jkun joqgħod legalment u temporanjament fit-territorju ta’ Stat Membru biex iwettaq attività li tiddependi mill-mogħdija tal-istaġuni, skont kuntratt tax-xogħol wieħed jew aktar b’terminu fiss konkluż direttament bejn dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u min iħaddem stabbilit f’dak l-Istat Membru (l-Artikolu 3 (b)). Fi ħdan dawn il-parametri, l-Istati Membri jridu jelenkaw is-setturi staġonali (l-Artikolu 2(2)) u jistabbilixxu s-soġġorn kumulattiv massimu għal xogħol staġonali ta’ bejn 5 u 9 xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar (l-Artikolu 14). L-Istati Membri kollha elenkaw l-agrikoltura bħala settur staġonali. Ħafna jsemmu l-ortikultura, il-forestrija, inkluż il-ġbir ta’ prodotti mhux tal-injam li jikbru fis-selvaġġ, jew is-sajd u l-akkwakultura tal-baħar. Il-biċċa l-kbira, iżda mhux kollha, iddeżinjaw wkoll l-akkomodazzjoni, is-servizzi tal-ikel u/jew it-turiżmu u s-servizzi ta’ divertiment relatati bħala setturi staġonali. Xi wħud jinkludu settur addizzjonali wieħed jew aktar.
F’dawn l-aħħar snin, l-ammissjonijiet ta’ ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva żdiedu b’mod kostanti. Id-data tal-Eurostat turi li l-awtorizzazzjonijiet għax-xogħol staġonali fl-UE żdiedu minn 115 726 fl-2019 għal 273 897 fl-2024, b’żieda partikolarment qawwija bejn l-2021 u l-2024 (minn 154 915 għal 273 897; aktar minn +77 %), li jirrifletti l-irkupru ta’ wara l-COVID, domanda ogħla għal ħaddiema staġonali minn pajjiżi mhux tal-UE u rapportar aktar komplut minn xi Stati Membri. F’diversi Stati Membri, proċeduri simplifikati u kwoti ogħla ta’ ammissjoni għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi għamlu l-perkorsi ta’ mobilità aktar attraenti u aċċessibbli. Spezzjonijiet intensifikati tax-xogħol u detezzjoni ogħla ta’ irregolaritajiet fl-istess perjodu jissuġġerixxu li t-tkabbir fl-impjiegi legali seta’ ġie kkawżat f’xi Stati Membri bit-teħid ta’ azzjoni aktar deċiżiva kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjiegi illegali.
Fl-2024, sitt Stati Membri kienu responsabbli għal aktar minn 90 % tal-awtorizzazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva: L-Italja (146 099; 53 %), Franza (41 700; 15 %), Spanja (20 810; 8 %), il-Kroazja (16 555; 6 %), il-Greċja (15 206; 6 %) u l-Bulgarija (9 542; 3 %). Kważi 70 % tal-awtorizzazzjonijiet inħarġu lil persuni mill-pajjiżi mhux tal-UE li ġejjin: Il-Marokk (76 579; 28 %), il-Bangladesh (53 567; 20 %), l-Indja (39 137; 14 %), it-Tuneżija (12 675; 5 %) u l-Ukrajna (7 524; 3 %). Ħlief għall-ħaddiema Ukreni, fil-biċċa l-kbira kkonċentrati fil-Polonja, fl-Ewropa tan-Nofsinhar kienu impjegati nazzjonalitajiet oħra msemmija hawn fuq, b’mod partikolari fl-Italja, fi Franza u fi Spanja.
Fl-2024, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi ammessi skont id-Direttiva kienu rġiel (mill-inqas 216 954), filwaqt li n-nisa kienu jirrappreżentaw kważi ħaddiem minn kull ħamsa (mill-inqas 53 895, jew 20 %). Għalkemm l-irġiel kienu predominanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, in-nisa kienu jirrappreżentaw aktar minn 88 % tal-ħaddiema staġonali skont id-Direttiva fil-Polonja (4 516) u aktar minn 80 % fi Spanja (16 677).
Id-data tal-Eurostat għall-2024 turi li l-awtorizzazzjonijiet huma kkonċentrati fl-agrikoltura, fil-forestrija u fis-sajd (196 650; 72 %) u f’attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ servizzi tal-ikel (47 203; 17 %). Diversi Stati Membri jibbażaw fuq rotot ta’ ammissjoni paralleli mhux regolati bid-Direttiva biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ ħaddiema staġonali. Huma jużaw ukoll studenti, applikanti għal protezzjoni internazzjonali
minn pajjiżi mhux tal-UE, jew benefiċjarji ta’ din, u permessi tax-xogħol staġonali nazzjonali għal persuni li diġà jkunu preżenti fit-territorju tagħhom. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra bid-dritt li jaħdmu jew li jwettqu attività remunerata jaħdmu f’setturi staġonali wkoll. Is-sehem ta’ ħaddiema impjegati illegalment minn pajjiżi mhux tal-UE għadu għoli f’setturi staġonali f’ħafna Stati Membri.
Definizzjonijiet nazzjonali diverġenti tas-setturi staġonali, li huma dovuti għad-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istati Membri li jitħallew mid-Direttiva u perkorsi ta’ ammissjoni paralleli għax-xogħol staġonali, jistgħu jirriżultaw fi protezzjoni mhux uniformi għall-ħaddiema u jagħmlu l-monitoraġġ, l-ippjanar tal-ispezzjonijiet u l-komparabbiltà tad-data fl-UE diffiċli.
b.Awtorizzazzjonijiet għal xogħol staġonali, kriterji tal-ammissjoni, proċeduri u tariffi
L-Artikolu 12 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni għal xogħol staġonali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u ma jkun hemm l-ebda raġuni għal rifjut, soġġetta, fejn rilevanti, għad-disponibbiltà tal-kwoti. Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew dan l-obbligu b’mod korrett.
Skont id-data tal-Eurostat, fl-2024, il-biċċa l-kbira tal-awtorizzazzjonijiet tax-xogħol staġonali kienu jikkonċernaw soġġorni li jaqbżu d-90 jum. Inħarġu biss 11 % (30 843) għal soġġorni li ma jaqbżux id-90 jum. Tali awtorizzazzjonijiet għal soġġorn qasir inħarġu prinċipalment mill-Bulgarija u mill-Finlandja, fejn kienu jammontaw għal 81 % (7 744) u għal 74 % (3 463) tat-totali tagħhom rispettivament.
Awtorizzazzjonijiet li ma jaqbżux id-90 jum – l-Artikolu 5 u l-Artikolu 12(1)
Għal xogħol staġonali għal soġġorn qasir, li ma jaqbiżx id-90 jum, l-Istati Membri japplikaw wieħed jew aktar mit-tliet mudelli ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva: viża ddedikata għal soġġorn qasir għal xogħol staġonali, taħlita ta’ viża għal soġġorn qasir u permess tax-xogħol jew permess tax-xogħol awtonomu għal persuni li ma jirrikjedux viża. Il-proċeduri għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni tipikament jinvolvu żewġ passi, fejn l-ewwel min iħaddem spiss ifittex approvazzjoni/permess tax-xogħol mingħand l-awtoritajiet tax-xogħol kompetenti, u mbagħad, jekk ikun meħtieġ, ħaddiem japplika għal viża.
Ir-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġew fil-biċċa l-kbira ssimplifikati u armonizzati f’konformità mal-lista eżawrjenti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. Madankollu, il-valutazzjoni tal-konformità sabet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ 16-il Stat Membru inizjalment ma kinitx konformi mad-Direttiva. Sitt Stati Membri kienu jirrikjedu dokumenti addizzjonali, bħall-assigurazzjoni tas-saħħa li tkopri s-soġġorn kollu (minflok ma jeħtiġuha biss għal perjodi li matulhom il-ħaddiem staġonali ma jkunx kopert mis-sigurtà soċjali tal-Istat Membru), prova ta’ kwalifiki professjonali jew garanziji finanzjarji għar-ritorn tagħhom. Disa’ Stati Membri ma kinux jirrikjedu xi wħud mid-dokumenti obbligatorji, bħal kuntratt ta’ xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg, evidenza ta’ assigurazzjoni tal-mard jew evidenza ta’ akkomodazzjoni adegwata. Il-miżuri ta’ traspożizzjoni sussegwenti indirizzaw dawn in-nuqqasijiet, iżda r-rekwiżiti evidenzjarji għadhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor: pereżempju, xi wħud jirrikjedu dikjarazzjonijiet minn min iħaddem, filwaqt li oħrajn jirrikjedu evidenza kuntrattwali formalizzata. Kontrolli adegwati ta’ qabel l-ammissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jibqgħu essenzjali biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, jipproteġu lill-ħaddiema u jipprevjenu abbuż u frodi, kif muri minn kontrolli aktar stretti ta’ qabel l-ammissjoni f’xi Stati Membri, li wasslu għal rati ogħla ta’ rifjut tal-applikazzjoni.
Awtorizzazzjonijiet li jaqbżu d-90 jum – l-Artikolu 6 u l-Artikolu 12(2)
Fl-2024, l-Istati Membri ħarġu 240 104 awtorizzazzjonijiet tax-xogħol staġonali għal soġġorni li jaqbżu d-90 jum, inklużi 65 942 għal soġġorni ta’ 91 jum sa 5 xhur u 174 162 għal soġġorni ta’ 91 jum sa 9 xhur. Għal dan it-tip ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għażlu l-għażla skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva li taqbel bl-aħjar mod mal-arranġamenti nazzjonali eżistenti tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tas-suq tax-xogħol: xi wħud jużaw viżi għal soġġorn twil, xi wħud permessi ta’ residenza u tax-xogħol uniċi, li jirrikjedu viża biss bħala formalità għad-dħul, jekk xejn, u l-biċċa l-kbira jikkombinaw il-viżi għal soġġorn twil mal-permessi ta’ residenza. Dan fisser li l-proċeduri komplew ivarjaw ħafna fl-UE. Fl-istess ħin, ir-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni għal dawn l-awtorizzazzjonijiet għal soġġorn fit-tul huma wkoll simplifikati u armonizzati f’konformità mal-lista eżawrjenti fl-Artikolu 6. L-Istati Membri allinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b’mod ġenerali mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, wara l-korrezzjoni tal-każijiet inizjali ta’ traspożizzjoni skorretta.
Obbligu ta’ notifika tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni fi żmien 90 jum – l-Artikolu 18(1)
Biex tiġi pprovduta aktar ċertezza legali u biex min iħaddem u l-ħaddiema jkunu jistgħu jippjanaw fit-tieqa staġonali qasira u sensittiva għall-ħin, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-applikanti bil-miktub b’deċiżjoni rigward l-applikazzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta. It-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija fil-biċċa l-kbira konformi madwar l-UE kollha, inizjalment b’xi każijiet ta’ traspożizzjoni skorretta f’sitt Stati Membri, bħal: il-bidu tal-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni biss wara notifika tal-kompletezza tal-applikazzjoni lill-applikant, rekwiżit għall-adozzjoni f’waqtha tad-deċiżjoni minflok notifika f’waqtha lill-applikant, il-possibbiltà ta’ estensjonijiet mhux ġustifikati u l-ebda obbligu li jiġi nnotifikat rifjut bil-miktub.
Fil-prattika, il-ħinijiet tal-ipproċessar għadhom ivarjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, li jirrifletti strutturi amministrattivi differenti, l-għadd ta’ awtoritajiet involuti, l-użu ta’ testijiet jew ta’ kwoti tas-suq tax-xogħol, proċeduri reġjonalizzati, il-livelli ta’ diġitalizzazzjoni u r-riżorsi disponibbli. Il-mudelli ta’ applikazzjoni online simplifikati, speċjalment għal soġġorni li ma jaqbżux id-90 jum, għandhom it-tendenza li jwasslu l-aktar eżiti veloċi, filwaqt li l-proċeduri ta’ permessi għal diversi awtoritajiet marbuta bil-kwoti, spiss ġestiti mill-inqas parzjalment lokalment jew reġjonalment, jieħdu aktar ħin. Min iħaddem u r-rappreżentanti tal-Istati Membri nnotaw li f’xi Stati Membri għadhom fis-seħħ proċeduri kumplessi jew twal li jistgħu jfixklu r-reklutaġġ legali ta’ ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi. L-istudju li jmiss tal-Kummissjoni/tal-OECD “Making Migration Work: Admitting Labour Migrants” huwa mistenni li jipprovdi għarfien ulterjuri dwar il-kompożizzjoni u t-tul kurrenti tal-proċeduri ta’ ammissjoni fl-Istati Membri.
Raġunijiet għar-rifjut u l-irtirar – l-Artikoli 8 u 9
L-Istati Membri kellhom iġibu r-regoli nazzjonali dwar ir-rifjut u l-irtirar f’konformità mar-raġunijiet eżawrjenti stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva. Inizjalment, 11-il Stat Membru żiedu jew żammew raġunijiet mhux previsti fid-Direttiva jew naqsu milli jittrasponu ċerti raġunijiet obbligatorji, inklużi r-raġunijiet marbuta mal-inattività tan-negozju jew mas-sanzjonijiet minn qabel għal xogħol mhux iddikjarat jew ksur tad-Direttiva. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet ta’ traspożizzjoni skorretta ġew ikkoreġuti minn dak iż-żmien ’l hawn.
Il-Eurostat jirreġistra 11 101 awtorizzazzjoni għal xogħol staġonali rtirati fl-2024. Għaxar Stati Membri biss irrapportaw awtorizzazzjonijiet irtirati, u kważi 90 % tal-awtorizzazzjonijiet irtirati totali fl-UE kienu kkonċentrati f’żewġ pajjiżi: il-Greċja (7 917, 71 % tal-awtorizzazzjonijiet irtirati kollha, ekwivalenti għal 52 % tal-permessi maħruġa mill-Greċja) u l-Kroazja (2 015, 18 % tal-awtorizzazzjonijiet irtirati, ekwivalenti għal 12 % tal-permessi maħruġa mill-Kroazja). Il-Greċja rrapportat ukoll l-irtirar ta’ 84 % tal-permessi fl-2023. L-Italja (440) u l-Litwanja (346) irrapportaw ukoll għadd sinifikanti ta’ awtorizzazzjonijiet irtirati fl-2024, filwaqt li dawn baqgħu baxxi jew ineżistenti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra, minkejja n-natura ta’ riskju għoli tas-setturi staġonali. Din id-diverġenza tista’ tirrifletti r-rapportar mhux komplut lill-Eurostat, id-durata qasira tal-awtorizzazzjonijiet, li ħafna drabi jiskadu aktar milli jiġu rtirati, u, f’xi każijiet, attività limitata ta’ spezzjoni, b’rati ta’ detezzjoni, ta’ sanzjonar u ta’ rtirar baxxi b’mod korrispondenti.
Tariffi proporzjonati – l-Artikolu 19
L-Artikolu 19 tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jitolbu tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal xogħol staġonali, dment li dawn ma jkunux sproporzjonati jew eċċessivi. Ġeneralment, it-tariffi jidhru bħala proporzjonati, iżda tliet Stati Membri jitolbu tariffi komparattivament għoljin għall-awtorizzazzjonijiet li jaqbżu d-90 jum. Diversi Stati Membri jallokaw parti mill-kostijiet lil min iħaddem. L-intermedjarji liċenzjati li joperaw fl-Istati Membri ta’ spiss ikunu pprojbiti milli jitolbu ħlas lill-ħaddiema. Madankollu, għadhom jippersistu abbużi dokumentati, primarjament, għalkemm mhux esklużivament, fil-pajjiżi ta’ oriġini, minn intermedjarji mhux liċenzjati matul ir-reklutaġġ u l-ammissjoni, xi drabi wkoll matul l-impjieg, li jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi u li tiżdied is-sorveljanza.
c.Estensjoni tas-soġġorn, bidla ta’ min iħaddem u faċilitazzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari
Estensjoni tas-soġġorn mal-istess persuna li tħaddem jew ma’ persuna differenti li tħaddem – l-Artikolu 15
L-Artikolu 15 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu, fil-perjodu massimu ta’ 5 sa 9 xhur stabbilit fl-Artikolu 14, jestendu s-soġġorn tagħhom mal-istess persuna li tħaddem mill-inqas darba, u jibdlu lil min iħaddem mill-inqas darba. L-Istati Membri jistgħu jippermettu estensjonijiet multipli. Id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura l-provvista ta’ ħaddiema u tagħmel lill-ħaddiema inqas vulnerabbli billi tillimita d-dipendenza tagħhom fuq persuna waħda li tħaddem.
L-Istati Membri kollha jippermettu mill-inqas estensjoni waħda ta’ soġġorn mal-istess persuna li tħaddem u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, estensjonijiet multipli. Il-kwistjonijiet inizjali ta’ konformità fil-każ ta’ sitt Stati Membri, bħal-limitazzjoni tal-estensjonijiet għal soġġorni ta’ aktar minn 90 jum jew inqas, it-trattament tal-estensjonijiet bħala fakultattivi, jew iż-żieda ta’ kundizzjonijiet mhux previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva, fil-biċċa l-kbira ġew rettifikati.
L-Istati Membri kollha jippermettu wkoll mill-inqas bidla waħda ta’ min iħaddem, u l-biċċa l-kbira jippermettu bidliet multipli fi ħdan il-perjodu massimu. Instabu kwistjonijiet inizjali simili ta’ nuqqas ta’ konformità fil-liġi nazzjonali ta’ tmien Stati Membri bħal dawk irrapportati għal estensjonijiet mal-istess persuna li tħaddem, u dawn ġew indirizzati.
F’ħafna sistemi, kull bidla ta’ min iħaddem tirrikjedi awtorizzazzjoni ġdida. Għadd limitat biss ta’ Stati Membri jippermettu bidliet taħt l-istess awtorizzazzjoni, xi drabi permezz ta’ applikazzjoni simplifikata biex tiżdied persuna li tħaddem jew proċedura ta’ notifika ta’ akkwiżizzjoni. Id-diġitalizzazzjoni, skadenzi aktar stretti għad-deċiżjonijiet u, f’xi każijiet, it-tneħħija tal-kontrolli tal-kwoti, iffaċilitaw it-tiġdid f’diversi Stati Membri.
Skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li l-ħaddiema staġonali jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu mal-istess persuna li tħaddem jew ma’ persuna differenti li tħaddem filwaqt li tkun qiegħda tiġi pproċessata applikazzjoni għal estensjoni jew għal tiġdid. Inizjalment, tliet Stati Membri ma kinux qegħdin jiżguraw konformità sħiħa, iżda issa indirizzaw il-kwistjoni.
Madankollu, it-tiġdid u l-bidliet ta’ min iħaddem jidhru li għadhom eċċezzjonali fil-prattika. Fl-2024, 11-il Stat Membru rrapportaw 6 682 awtorizzazzjoni mġedda għal xogħol staġonali, l-aktar fl-Awstrija (4 408). Din l-adozzjoni limitata tissuġġerixxi li, sal-lum, id-dritt li jinbidel min iħaddem għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu għaż-żamma ta’ ħaddiema staġonali esperjenzati, u dan jindika l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli prattiċi, bħan-nuqqas ta’ għarfien dwar il-possibbiltà li jinbidel min iħaddem u proċeduri ta’ tiġdid għal staġuni qosra li huma kumplessi wisq.
Appoġġ għall-migrazzjoni ċirkolari – l-Artikolu 16
Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta’ ħaddiema staġonali bona fide li jkunu ġew ammessi mill-inqas darba fil-5 snin preċedenti u li jkunu konformi mal-obbligi tas-soġġorn tagħhom. Il-valutazzjoni tal-konformità wriet li seba’ Stati Membri ma kinux jipprevedu xi faċilitazzjoni jew illimitawha għal subkategoriji speċifiċi (b’mod partikolari soġġorni li jaqbżu d-90 jum jew impjieg ripetut mal-istess persuna li tħaddem). F’dan il-kuntest, il-faċilitazzjoni tipikament tieħu l-forma ta’ pproċessar aktar rapidu, trattament prijoritarju, faċilitazzjonijiet tad-dokumentazzjoni u, f’għadd limitat ta’ każijiet, awtorizzazzjonijiet multistaġunali. Billi jippremjaw il-konformità, dawn l-arranġamenti jistgħu jżidu l-għadd ta’ ritorni ordnati u jippromwovu dħul mill-ġdid legali prevedibbli. Fi Franza hemm prattika tajba f’dan ir-rigward, li tikkombina awtorizzazzjoni multistaġunali mal-obbligu li jiġi rreġistrat ir-ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini fi żmien 15-il jum minn meta jiskadi l-kuntratt tax-xogħol, biex jiġi pprevenut dewmien żejjed fit-territorju.
Xi Stati Membri stabbilew ukoll skemi bilaterali ta’ ħaddiema staġonali ma’ pajjiżi speċifiċi mhux tal-UE. Skemi bħal dawn jistgħu jipprovdu perkorsi ċirkolari aktar sikuri u aktar affidabbli billi jistabbilixxu kwoti, jistandardizzaw ir-reklutaġġ, jappoġġaw il-migrazzjoni ċirkolari u jintegraw salvagwardji permezz ta’ kuntratti mudell, impenji ta’ akkomodazzjoni u arranġamenti tas-sigurtà soċjali. Is-sħubijiet għat-talenti mat-Tuneżija, mal-Marokk, mal-Eġittu, mal-Bangladesh u mal-Pakistan jipprovdu wkoll mobilità staġonali ċirkolari tal-ħaddiema fl-agrikoltura u fit-turiżmu u jgħinu biex tiġi operazzjonalizzata migrazzjoni ċirkolari ġusta u sostenibbli f’konformità mad-Direttiva. Il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Indja (MtQ) dwar qafas komprensiv ta’ kooperazzjoni għall-mobilità jfittex li jiffaċilita l-mobilità ċirkolari tal-ħaddiema staġonali mill-Indja lejn l-UE f’konformità mad-Direttiva. Il-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ skemi ta’ mobilità ċirkolari bħal dawn għax-xogħol staġonali permezz ta’ finanzjament immirat, inkluż taħt il-Faċilità tas-Sħubija għall-Mobilità. Bħalissa qegħdin jiġu żviluppati żewġ pjanijiet ta’ azzjoni dwar SaFE (Impjiegi Staġonali u Ġusti) li huma speċifiċi għas-setturi u ffinanzjati mill-UE għall-agrikoltura u għat-turiżmu biex jagħtu gwida prattika lill-Istati Membri dwar dan.
2.Protezzjoni aħjar tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi
Id-Direttiva tistabbilixxi qafas komprensiv għall-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi. Billi tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet, l-obbligi u l-mekkaniżmi tal-ilmenti, u billi ssaħħaħ il-monitoraġġ, l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet, id-Direttiva tfittex ukoll li tagħti s-setgħa lill-ħaddiema biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom u li tiżgura li min iħaddem jikkonforma mad-Direttiva, filwaqt li tiskoraġġixxi prattiki abbużivi.
Għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħha żiedu l-livell ta’ protezzjoni legali meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel id-Direttiva. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-Istati Membri fir-rigward tal-isfruttament ta’ ħaddiema, id-drittijiet tal-ħaddiema u akkomodazzjoni adegwata, kif ukoll għall-aċċess għas-sigurtà soċjali, li għadhom jiġu rrapportati fis-setturi staġonali.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u n-nuqqas ta’ data diżaggregata u komparabbli jagħmluha diffiċli li jiġu kkwantifikati b’mod preċiż in-nuqqasijiet li jaffettwaw lill-ħaddiema staġonali li tkopri d-Direttiva. Id-data statistika u dwar l-ispezzjonijiet rarament tkun diżaggregata abbażi tal-istatus legali speċifiku tal-ħaddiema affettwati. Minħabba l-prevalenza dokumentata tar-riskji fix-xogħol staġonali u l-indikazzjonijiet li jingħataw b’mod konsistenti mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huma wkoll affettwati minn riskji bħal dawn, anke jekk dawn ta’ spiss ma jkunux l-aktar affettwati minħabba l-qafas protettiv tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikat l-erba’ oqsma ta’ prijorità li ġejjin fejn jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva.
a.Abilitazzjoni tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom
Għoti ta’ informazzjoni – l-Artikolu 11
L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-applikanti l-informazzjoni kollha dwar id-dokumentazzjoni meħtieġa u l-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali. L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jirrikjedi li, meta tinħareġ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri jagħtu lill-ħaddiema bil-miktub din l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi, inklużi l-proċeduri ta’ lment. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jissodisfaw dawn l-obbligi, għalkemm bosta ma ttrasponewx l-Artikolu 11(1) b’mod espliċitu u 16 minnhom oriġinarjament naqsu milli jittrasponuh b’mod korrett. Bħala riżultat tal-isforzi ta’ infurzar, is-sitwazzjoni tjiebet f’ħafna Stati Membri. Fil-prattika, l-Istati Membri kollha jipprovdu informazzjoni online għall-applikanti, iżda l-kompletezza u l-aċċessibbiltà tagħha jvarjaw. L-aspetti proċedurali normalment ikunu ddokumentati sew, iżda l-informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin li ġejjin spiss tibqa’ nieqsa: id-dritt li jinbidel min iħaddem (l-Artikolu 15(3)), l-iffaċilitar tad-dħul mill-ġdid (l-Artikolu 16), is-salvagwardja kontra l-interruzzjoni tax-xogħol jekk deċiżjoni dwar estensjoni tkun pendenti jew waqt l-istennija ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-bidla ta’ min iħaddem (l-Artikolu 18(2)), salvagwardji dettaljati dwar l-akkomodazzjoni (l-Artikolu 20), il-ħarsa ġenerali lejn id-drittijiet kollha ta’ trattament ugwali (l-Artikolu 23), u d-dritt għal kumpens (l-Artikolu 17(2)). Ħafna Stati Membri u partijiet ikkonċernati identifikaw provvista aħjar ta’ informazzjoni għall-ħaddiema staġonali bħala prijorità.
F’termini ta’ prattiki tajbin, ftit Stati Membri jipprovdu portal uniku, multilingwi u faċli għall-utent li jikkonsolida informazzjoni dwar id-drittijiet kollha u jispjega l-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju.
Fir-rigward tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, xi Stati Membri jirrikjedu li avviż bil-miktub dwar id-drittijiet u l-proċeduri tal-ilmenti jakkumpanja d-deċiżjonijiet u jingħata fl-istess ħin li tinħareġ viża u/jew permess ta’ residenza u jingħata direttament lill-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi. Il-mudelli mmexxija minn min iħaddem li jibbażaw fuq min iħaddem biex jinfurma lill-ħaddiema bid-drittijiet tagħhom mingħajr verifika sistematika jew sanzjonijiet jista’ jkollhom diffikultajiet biex jiżguraw li l-informazzjoni fil-fatt tasal għand il-ħaddiem.
Mekkaniżmi effettivi għat-tressiq ta’ lmenti u għat-tiftix ta’ rimedju legali – l-Artikolu 25
L-Artikolu 25 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jressqu lmenti u jfittxu rimedju legali b’mod effettiv. L-Istati Membri kollha jipprovdu formalment mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju, jippermettu rappreżentanza minn partijiet terzi, li, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, ikollhom interess leġittimu li jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva, u joffru salvagwardji kontra ritaljazzjoni ugwali għal dawk għaċ-ċittadini. Madankollu, l-aċċessibbiltà u l-effettività prattiċi ta’ dawn is-sistemi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.
F’diversi Stati Membri, il-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju għadhom diffiċli biex jintużaw minħabba ostakli lingwistiċi u diġitali, il-viżibbiltà limitata tal-għażliet ta’ rimedju disponibbli u ta’ appoġġ għall-aċċess għalihom, u/jew in-nuqqas ta’ mezzi ċari għall-ilmenti f’każ ta’ akkomodazzjoni inadegwata. B’kuntrast ma’ dan, Stati Membri oħra introduċew portali faċli għall-utent, linji telefoniċi multilingwi, mandati simplifikati għar-rappreżentanza, għażliet ta’ rapportar anonimu, mekkaniżmi espliċiti tal-ilmenti relatati mal-akkomodazzjoni u/jew mekkaniżmi rapidi u b’kost baxx għat-tilwim, biex itejbu l-aċċess għall-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju.
Minkejja dawn l-arranġamenti, il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema staġonali x’aktarx li jibqa’ mhux irrapportat biżżejjed. Is-soġġorn qasir tal-ħaddiema staġonali, l-għarfien limitat tad-drittijiet tagħhom, id-dipendenza perċepita tagħhom fuq min iħaddem, l-ostakli kulturali u lingwistiċi, u r-riskji perċepiti assoċjati mal-korpi ta’ infurzar ta’ kuntatt spiss jistgħu jiskoraġġixxu lill-ħaddiema milli jressqu lmenti. Id-diffikultà li jwettqu proċedimenti legali mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, li jagħtu prova tal-ksur, li jiksbu kumpens jew ħlas b’lura, u ż-żmien li jieħdu biex jagħmlu dan, kif ukoll il-kostijiet biex jagħmlu dan, huma deterrenti ulterjuri. It-trade unions u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jipprovdu informazzjoni, medjazzjoni u rappreżentanza essenzjali, iżda l-ħidma tagħhom biex jintlaħqu l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi ma hijiex uniformi u s-sħubija fil-union fost dan il-grupp għadha batuta. Meta l-ħaddiema ma jirrapportawx l-abbużi, l-ispettorati jitilfu sors importanti ta’ intelligence. Dan idgħajjef id-detezzjoni bikrija u jmexxi l-infurzar għal spezzjonijiet proattivi u bbażati fuq ir-riskju u għal sorsi alternattivi tad-data. Li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi jiġu abilitati u appoġġati aħjar biex jippreżentaw ilmenti u jfittxu rimedju legali ġie identifikat ukoll bħala essenzjali mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati.
b.Tisħiħ tal-monitoraġġ, tal-ispezzjonijiet u tas-sanzjonijiet
Monitoraġġ, valutazzjoni u spezzjonijiet – l-Artikolu 24
L-Artikolu 24 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipprevjenu u jidentifikaw abbużi u biex jissanzjonaw il-ksur tad-Direttiva, inkluż permezz tal-monitoraġġ, il-valutazzjoni u, fejn xieraq, l-ispezzjonijiet b’aċċess effettiv għall-postijiet tax-xogħol u, bil-kunsens tal-ħaddiema, għall-akkomodazzjoni.
L-Istati Membri kollha formalment jipprevedu miżuri bħal dawn, iżda l-effettività prattika tagħhom tvarja b’mod konsiderevoli. Skont diversi Stati Membri u partijiet ikkonċernati, l-ispezzjonijiet tax-xogħol fis-setturi staġonali spiss jibqgħu insuffiċjenti f’termini ta’ kopertura u ta’ frekwenza, b’mod partikolari matul l-istaġuni l-aktar intensivi. L-effettività hija ddeterminata mir-riżorsi disponibbli, l-immirar tal-ispezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju xprunati mill-ilmenti kif ukoll proattivi u l-bilanċ tagħhom, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, u l-involviment tal-interpreti, tal-medjaturi kulturali u tat-trade unions. L-aċċess għall-ħlas b’lura, għall-kumpens u għall-appoġġ biex jinstab impjieg alternattiv ukoll jista’ jaffettwa r-rieda tal-ħaddiema li jagħmlu lmenti dwar min iħaddem.
Xi Stati Membri saħħew l-approċċ tagħhom permezz ta’ monitoraġġ ġenerali strett, sistemi bbażati fuq ir-riskju, spezzjonijiet mhux imħabbra, operazzjonijiet b’diversi aġenziji u kampanji ta’ spezzjonijiet staġonali regolari, iżda oħrajn għadhom imxekkla minn restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi, mandati frammentati, immirar insuffiċjenti relatat mar-riskju tal-ispezzjonijiet u kopertura mhux uniformi fis-setturi staġonali. Biex l-isfruttament ta’ ħaddiema jiġi identifikat u indirizzat aħjar, inklużi l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi impjegati legalment, u jiġi pprovdut appoġġ, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) żviluppaw gwida prattika għall-ispettorati tax-xogħol. Il-gwida tipprovdi għodod konkreti għall-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ spezzjoni ċċentrati fuq il-ħaddiema.
B’kuntrast ma’ dan, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiem staġonali u tal-issodisfar minn min iħaddem tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva għadhom aktar dgħajfa u aktar frammentati. Il-kontrolli tal-akkomodazzjoni spiss jinqasmu bejn diversi awtoritajiet, xi drabi mingħajr kooperazzjoni formalizzata. L-ispezzjonijiet proattivi ta’ rutina huma rari, u l-infurzar xi kultant jiskatta biss wara li jsiru lmenti (li l-ħaddiema staġonali x’aktarx ma jagħmlux). Standards ta’ adegwatezza ambigwi jkomplu jdgħajfu l-infurzar effettiv f’xi Stati Membri. Xi pajjiżi għandhom prattiki tajbin fis-seħħ, bħall-integrazzjoni tal-kontrolli tal-akkomodazzjoni fl-ispezzjonijiet fil-post tax-xogħol, it-twettiq ta’ spezzjonijiet sistematiċi mal-wasla jew l-użu ta’ għodod innovattivi għad-detezzjoni ta’ arranġamenti suspettużi ta’ akkomodazzjoni, iżda l-kontrolli relatati mal-akkomodazzjoni jidhru li ġeneralment jaqgħu lura mill-ispezzjonijiet fil-post tax-xogħol.
Iż-żieda tal-monitoraġġ u tal-spezzjonijiet effettivi bbażati fuq ir-riskju ġiet rikonoxxuta bħala wieħed mill-modi ewlenin għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-isfruttament u l-akkomodazzjoni inadegwata fis-setturi staġonali mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati. Il-Federazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-Ikel, tal-Agrikoltura u tat-Turiżmu (EFFAT) u Solidar jitolbu t-tisħiħ tal-mandat tal-ELA f’dan ir-rigward.
Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż il-kumpens – l-Artikolu 17
L-oqfsa ta’ sanzjoni stabbiliti legalment mill-Istati Membri jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva biex jiżguraw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minn min iħaddem tal-obbligi tiegħu, inkluża l-possibbiltà ta’ rifjut jew ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali jew, f’każijiet serji, li l-esklużjoni ta’ min iħaddem milli jimpjega ħaddiema staġonali. Madankollu, skont xi partijiet ikkonċernati, l-effett deterrenti tas-sanzjonijiet jidher li għadu limitat f’xi Stati Membri. L-Istati Membri kollha għandhom sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali għal meta min iħaddem jikser l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva fis-seħħ, li ħafna drabi jkunu skalati għal kull ħaddiem affettwat mill-ksur u supplimentati b’miżuri anċillari bħall-għeluq ta’ bini mhux sikur jew it-tneħħija mil-lista minn skemi ta’ ċertifikazzjoni. Madankollu, l-effett ta’ deterrent tagħhom jista’ jvarja minħabba livelli diverġenti ta’ multi, il-viżibbiltà mhux uniformi tar-regoli applikabbli, il-kumplessità u t-tul tal-proċeduri fid-dawl tal-perjodi staġonali qosra, u l-immirar u l-frekwenza tal-multi. Fil-bidu, tmien Stati Membri ma kellhomx sanzjonijiet fis-seħħ għal akkomodazzjoni inadegwata organizzata minn min iħaddem iżda sadanittant ittrasponew dan l-obbligu skont id-Direttiva. F’xi Stati Membri, il-multi speċifiċi għall-ksur tal-obbligi tal-akkomodazzjoni għadhom relattivament baxxi u, għalhekk, għandhom ir-riskju li ma jkollhomx effett ta’ deterrent.
L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva jipprevedi d-dritt għal kumpens għal ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi f’sitwazzjonijiet li fihom tiġi rtirata awtorizzazzjoni għal ċerti raġunijiet relatati ma’ min iħaddem. F’dawn is-sitwazzjonijiet, min iħaddem irid jikkumpensa lill-ħaddiem għal kwalunkwe ammont pendenti li xorta kien ikun dovut li kieku l-awtorizzazzjoni ma ġietx irtirata. L-Istati Membri ttrasponew dan id-dritt b’modi differenti, u xi wħud jipprevedu dritt espliċitu u oħrajn jużaw dispożizzjonijiet ġenerali dwar ix-xogħol u/jew id-dritt ċivili. Ir-rilevanza prattika tad-dritt għadha baxxa fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, minħabba s-soġġorni qosra tal-ħaddiema staġonali u l-fatt li l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ma jseħħx b’mod frekwenti.
Fl-UE, id-disponibbiltà limitata ta’ data diżaggregata u komparabbli dwar l-ispezzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-eżiti li jikkonċernaw il-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi tfixkel l-analiżi tar-riskju nazzjonali bir-reqqa u l-valutazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tad-Direttiva. Il-ġbir ta’ data diżaggregata ssemma minn xi Stati Membri u mill-partijiet ikkonċernati bħala kruċjali biex tiġi vvalutata aħjar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi.
c.Żgurar ta’ akkomodazzjoni adegwata – l-Artikolu 20
L-Artikolu 20 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt speċifiku għal akkomodazzjoni adegwata għall-ħaddiema staġonali, imsaħħaħ permezz ta’ kontrolli ta’ qabel l-ammissjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jivverifikaw li tali akkomodazzjoni tkun disponibbli fil-prattika (ara l-Artikoli 5(1)(c) u 6(1)(c) u l-Premessa 41). Akkomodazzjoni li tiggarantixxi standard ta’ għajxien adegwat trid tkun disponibbli għad-durata kollha ta’ soġġorn, f’konformità mad-dritt nazzjonali u mal-istandards ġenerali tas-saħħa u tas-sikurezza. L-Istati Membri kollha ttrasponew dan ir-rekwiżit. Ħafna ddefinew akkomodazzjoni adegwata fil-liġi nazzjonali, iżda bi preċiżjoni li tvarja b’mod sinifikanti: uħud jistabbilixxu standards vinkolanti b’dettalji dwar l-ispazju, is-sanitazzjoni, l-utilitajiet, it-tagħmir u, f’ċerti każijiet, l-aċċessibbiltà tat-trasport u r-rekwiżiti għal faċilitajiet separati għall-irġiel u għan-nisa, filwaqt li oħrajn jużaw il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-akkomodazzjoni jew is-sikurezza okkupazzjonali għal dan l-għan.
Il-kontrolli ta’ qabel l-ammissjoni jsiru l-aktar permezz ta’ kontrolli tad-dokumenti, għalkemm xi Stati Membri adottaw prattiki aktar rigorużi, inklużi verifika sistematika tal-bażi tad-data, intervisti u spezzjonijiet ta’ rutina. L-evidenza meħtieġa tvarja minn kuntratti ta’ kiri għal attestazzjonijiet sempliċi ta’ min iħaddem. Fil-bidu, seba’ Stati Membri ma kienu jirrikjedu l-ebda prova ta’ akkomodazzjoni adegwata, iżda emendi sussegwenti tejbu l-konformità formali.
Minkejja dawn l-oqfsa legali, għad hemm nuqqasijiet sinifikanti, b’mod partikolari matul il-perjodi staġonali l-aktar intensivi fl-agrikoltura u fit-turiżmu meta l-influssi jintensifikaw u l-kapaċità lokali tal-akkomodazzjoni ma tkunx biżżejjed. Akkomodazzjoni mhux adegwata spiss tkun marbuta ma’ forom ta’ sfruttament ta’ ħaddiema, u l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati regolarment jitolbu titjib. Ċerti Stati Membri bdew jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod aktar strutturali. Pereżempju, il-pjan pluriennali tal-Italja kontra l-caporalato (intermedjazzjoni ta’ sfruttament (gangmastering)), appoġġat mill-AMIF, jinkludi miżuri għall-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni deċenti għall-ħaddiema agrikoli permezz tal-użu mill-ġdid ta’ assi kkonfiskati u permezz ta’ sistemi ta’ akkoljenza integrati u governanza territorjali koordinata. Barra minn hekk, il-Programm Nazzjonali Taljan għall-Inklużjoni u għall-Ġlieda kontra l-Faqar 2021-2027 u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġaw l-integrazzjoni ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess għal akkomodazzjoni ta’ kwalità għalihom. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tikkofinanzja, b’EUR 200 miljun skont il-pjan nazzjonali Taljan għall-irkupru u r-reżiljenza, inizjattivi biex jiġu miġġielda l-insedjamenti illegali u jiġi miġġieled l-isfruttament ta’ ħaddiema agrikoli f’37 muniċipalità affettwata.
L-obbligi speċifiċi tal-akkomodazzjoni skont l-Artikolu 20 għal min iħaddem li jorganizza l-akkomodazzjoni, jiġifieri r-regoli li jirrikjedu kera mhux eċċessiva, li jipprojbixxu t-tnaqqis awtomatiku fil-pagi u li jagħmlu l-kuntratti bil-miktub obbligatorji, inizjalment jew ma ġewx trasposti, jew ġew trasposti parzjalment biss, minn tmien Stati Membri. Xi Stati Membri ttrasponew dawn l-obbligi b’mod kjarament viżibbli, u xi wħud introduċew livelli limitu konkreti, bħal limitu massimu fuq il-kera għal madwar terz tal-pagi jew l-istabbiliment ta’ tnaqqis massimu permissibbli, u b’hekk żiedu kemm iċ-ċarezza kif ukoll l-eżegwibbiltà. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati jkomplu jirrapportaw ksur frekwenti u jorbtuh ma’ nuqqas ta’ informazzjoni u ma’ monitoraġġ, spezzjonijiet u sanzjonijiet insuffiċjenti. Tqajjem ukoll tħassib dwar il-kuntratti tal-kiri li spiss jiġu pprovduti f’lingwa li l-ħaddiema ma jifhmux. Il-partijiet ikkonċernati jisħqu b’mod regolari li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jeħtieġ li jagħmlu aktar biex tiġi żgurata akkomodazzjoni adegwata għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari billi tiġi estiża l-kapaċità ta’ akkomodazzjoni (inklużi l-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda u r-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti) u billi jissaħħaħ il-monitoraġġ.
d.Aċċess ugwali għal ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali – l-Artikolu 23
L-Istati Membri kollha ttrasponew formalment l-obbligu skont l-Artikolu 23(1)(d) tad-Direttiva li jiġi żgurat li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi jiksbu l-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-UE fit-tipi ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, sal-punt li dawk il-fergħat jeżistu fil-liġi nazzjonali, filwaqt li jeskludu l-assistenza soċjali. Ħafna Stati Membri attivaw id-derogi fakultattivi għall-benefiċċji tal-qgħad u/jew għall-familja (l-Artikolu 23(2)). Madankollu, f’xi Stati Membri, l-aċċess effettiv għadu ristrett minn rekwiżiti marbuta ma’ perjodi tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mar-residenza u mad-disponibbiltà tas-suq tax-xogħol li ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi normalment ma jistgħux jissodisfaw.
L-aċċess għall-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika jvarja wkoll. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu affiljazzjoni diretta meta ħaddiem jirreġistra jew ikun irreġistrat mas-sigurtà soċjali, iżda oħrajn jimponu livelli limitu fuq l-introjtu, kontribuzzjonijiet minimi, passi ta’ reġistrazzjoni jew rekwiżiti minimi ta’ residenza li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu ssodisfati mill-inqas immedjatament mal-wasla. Diversi Stati Membri jużaw skemi simplifikati ta’ reklutaġġ fuq terminu qasir li ma jagħtux status sħiħ ta’ assigurazzjoni tas-saħħa.
L-aċċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali ġeneralment ikunu koperti mill-ewwel jum tax-xogħol. Madankollu, il-perjodi ta’ kwalifika għall-benefiċċji tal-maternità u l-paternità, tal-invalidità u tal-mard fi flus ħafna drabi jaqbżu t-tul ta’ soġġorn għal xogħol staġonali u xi drabi jkunu saħansitra akkumpanjati minn kundizzjonijiet ta’ residenza, li jillimitaw l-utilizzabbiltà prattika ta’ dawn l-intitolamenti.
Il-pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti jingħataw, fil-prinċipju, bl-istess termini bħal dawk għall-persuni mill-pajjiż tal-UE inkwistjoni, inkluża l-possibbiltà ta’ aggregazzjoni u ta’ esportazzjoni. Madankollu, l-aċċess effettiv jibbaża fuq l-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll fuq sistemi għar-reġistrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet, għall-aggregazzjoni tal-perjodi tal-assigurazzjoni jew tal-kontribuzzjonijiet, u għall-ħlas tal-pensjonijiet lill-ħaddiema staġonali li jkunu rritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom jew lis-superstiti tagħhom. F’diversi Stati Membri, in-nuqqas jew il-kopertura parzjali ta’ ftehimiet bħal dawn, il-livelli limitu minimi għoljin tal-kontribuzzjonijiet, iċ-ċertifikazzjoni oneruża f’termini ta’ dokumenti amministrattivi, u l-proċeduri ta’ ħlas ikkumplikati jfixklu l-aċċess prattiku għall-ħaddiema staġonali u għas-superstiti tagħhom wara r-ritorn. Xi Stati Membri għandhom prattiki tajbin, u jesportaw u jaggregaw l-intitolamenti mingħajr xkiel billi jkollhom siti web ċari li jispjegaw il-ftehimiet applikabbli tas-sigurtà soċjali bejn l-Istat Membru u l-pajjiż ta’ oriġini u l-possibbiltajiet diġitali ta’ “ċertifikat ta’ ħajja”. Studju li għadu jrid joħroġ imwettaq miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) u ffinanzjat skont il-Faċilità tas-Sħubija għall-Mobilità (MPF) se jipprovdi għarfien ulterjuri dwar l-isfidi li fadal relatati mal-aċċess għall-pensjonijiet.
IV.KONKLUŻJONIJIET U L-PASSI LI JMISS
Filwaqt li titqies ir-rilevanza tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi f’setturi ekonomiċi importanti, u fil-kuntest tan-nuqqas persistenti ta’ ħaddiema u tat-tibdil demografiku, id-Direttiva għadha strument importanti biex jiġu żgurati kemm qafas ta’ ammissjoni ordnat kif ukoll salvagwardji effettivi f’setturi esposti għal riskji ta’ vulnerabbiltà, ta’ sfruttament u ta’ infurzar. Is-sejbiet tar-rapport jindikaw li l-attraenza tal-ħaddiema u l-infurzar effettivi jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Il-perkorsi ta’ mobilità tal-ħaddiema jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet strutturali jekk ikunu rapidi, prevedibbli u kredibbli biżżejjed kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Il-kredibbiltà tiġi wkoll mill-infurzar viżibbli mill-awtoritajiet nazzjonali li jipprevjeni lil min iħaddem li ma jkunx konformi milli jikseb vantaġġ permezz ta’ impjieg illegali, xogħol mhux iddikjarat biżżejjed jew kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien inferjuri.
Meta mqabbla mas-sitwazzjoni frammentata ta’ qabel l-2014, id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha wasslu għal perkorsi ta’ mobilità tal-ħaddiema aktar simplifikati, li jgħinu biex jitnaqqsu l-inċentivi għall-impjiegi illegali u għax-xogħol mhux iddikjarat. Id-Direttiva saħħet ukoll il-pożizzjoni legali tal-ħaddiema staġonali permezz, fost affarijiet oħra, tad-dritt li jibdlu lil min iħaddem, id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali, is-salvagwardji tal-akkomodazzjoni, l-obbligi ta’ informazzjoni, il-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju, sorveljanza aħjar u sanzjonijiet aktar stretti.
Filwaqt li l-Istati Membri b’mod ġenerali ġabu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’konformità mad-Direttiva wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur, id-diskrepanzi persistenti fl-implimentazzjoni prattika f’ħafna minnhom jirriskjaw li jdgħajfu kemm il-perkorsi tax-xogħol kif ukoll il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema. In-nuqqasijiet huma l-aktar evidenti fid-diffikultajiet prattiċi biex jinbidel malajr min iħaddem qabel ma jintemm l-istaġun, fil-kwalità u fl-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, fl-effettività tal-ispezzjonijiet u tas-sanzjonijiet, fl-aċċess għall-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju (inkluż mill-pajjiż ta’ oriġini), fid-disponibbiltà u fl-adegwatezza tal-akkomodazzjoni, fil-mekkaniżmi ta’ kumpens, fl-aċċess għal ċerti tipi ta’ sigurtà soċjali kif ukoll fil-portabbiltà tad-drittijiet.
B’mod ġenerali, is-sejbiet ta’ dan ir-rapport jindikaw li l-qafas legali kurrenti huwa adegwat għall-użu u li, f’dan l-istadju, id-Direttiva ma għandhiex bżonn tiġi emendata. Il-prijorità għall-Kummissjoni hija li tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar sħaħ, konsistenti u effettivi tal-obbligi eżistenti, appoġġati minn governanza aħjar, minn kapaċità operazzjonali u minn data komparabbli.
Biex jintuża l-potenzjal sħiħ tad-Direttiva, l-isforzi għandhom ikunu doppji: (i) li l-perkorsi tax-xogħol staġonali jsiru aktar attraenti, billi jiġu żgurati proċeduri ta’ reklutaġġ u ta’ ammissjoni f’waqthom, prevedibbli u ġusti, inkluż għall-ħtiġijiet tal-eqqel staġuni, l-għoti ta’ informazzjoni multilingwi ċara, li l-ħaddiema jkollhom il-possibbiltà li jibdlu lil min iħaddem, li jkollhom akkomodazzjoni adegwata u li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati; u (ii) li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-impjiegi illegali u x-xogħol mhux iddikjarat, permezz ta’ spezzjonijiet u sanzjonijiet aktar effettivi u bbażati fuq ir-riskju, kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-awtoritajiet kompetenti (inkluż bejn il-fruntieri u fil-ktajjen tas-sottokuntrattar) u aċċess aħjar għall-mekkaniżmi tal-ilmenti u ta’ rimedju. Flimkien mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem, dan l-approċċ kombinat huwa essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ ħaddiema staġonali f’setturi ewlenin filwaqt li jitneħħew l-inċentivi biex min iħaddem ma jikkonformax mad-Direttiva, jiġi pprevenut l-isfruttament u jingħata kontribut għall-prijoritajiet tal-UE dwar il-kompetittività u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se timplimenta l-azzjonijiet li ġejjin fis-snin li ġejjin:
·Tagħti segwitu tal-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin biex jiġi żgurat li d-Direttiva tkun trasposta b’mod korrett u sħiħ mill-Istati Membri kollha marbuta biha;
·Tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ mobilità tal-ħaddiema staġonali bħala parti mill-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inkluż skont Sħubijiet għat-Talenti u l-Qafas Komprensiv ta’ Kooperazzjoni għall-Mobilità bejn l-UE u l-Indja;
·Tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u joperaw il-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi ta’ oriġini fuq xogħol staġonali ċirkolari, b’mod partikolari permezz tal-pjanijiet ta’ azzjoni dwar SaFE – Impjiegi Staġonali u Ġusti, l-għoti ta’ assistenza teknika u ta’ appoġġ finanzjarju;
·Tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajbin fost l-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu żgurati proċeduri effettivi ta’ ammissjoni għall-ħaddiema staġonali, abbażi tas-sejbiet tal-istudju pendenti tal-OECD/Kummissjoni “Making Migration Work: Admitting Labour Migrants”;
·Tappoġġa lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-ELA u l-finanzjament dedikat tal-AMIF, fit-tfassil ta’ attivitajiet immirati ta’ għoti ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi aċċessibbli tal-ilmenti u ta’ rimedju;
·Tappoġġa lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-ELA u l-finanzjament dedikat tal-AMIF, fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ sanzjonar għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni u għas-sanzjonar ta’ ksur minn min iħaddem, speċjalment billi tappoġġa kampanji ta’ spezzjonijiet. Dan għandu jinkludi wkoll it-tisħiħ tal-ġbir u tar-rapportar sistematiċi ta’ data diżaggregata u komparabbli dwar l-ispezzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-eżiti;
·Bħala parti mir-reviżjoni tal-mandat tal-ELA fl-2026, tirrieżamina kif l-Awtorità tista’ tindirizza aħjar l-isfidi relatati ma’ abbużi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-ħaddiema staġonali.