IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.6.2021
COM(2021) 327 final
2021/0161(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u d-DNG
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-għan ta’ din il-proposta huwa li tistabbilixxi, f’konformità mal-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-metodi u l-proċeduri biex ir-riżorsi proprji jkunu disponibbli.
Din il-proposta twieġeb għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lulju 2020, li stiednu lill-Kummissjoni “tivvaluta l-preżentazzjoni ta’ proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni sabiex jiġu indirizzati xi wħud mill-isfidi fir-rigward tad-disponibbiltà tar-riżorsi proprji”.
Din il-proposta għandha l-għan li temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014, li flimkien mad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, jistabbilixxi l-proċeduri u l-iskadenzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE tar-riżorsi proprji tradizzjonali, ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u r-riżorsi proprji bbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross.
Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 ipprovda ankra solida u stabbli għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE, jidher li huwa mixtieq titjib fid-dispożizzjonijiet eżistenti dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, jiġifieri sabiex tissaħħaħ il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu promulgati proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Din il-proposta tistabbilixxi sistema kkalibrata bir-reqqa biex tiżgura pagamenti regolari u f’waqthom għall-baġit tal-UE, li hija essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-baġit tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, għall-funzjonament tal-UE kollha kemm hi.
Waħda min-novitajiet hija proċedura ta’ reviżjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim, li talbu bosta Stati Membri. Il-proċedura tikkodifika u ssaħħaħ ir-regoli proċedurali applikabbli għall-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji. Il-proposta tirrifletti wkoll il-prattika attwali tal-ħlas taħt riżerva, li tiftaħ il-possibbiltà li tinbeda azzjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 268 TFUE u l-Artikolu 340(2) TFUE.
Il-proposta temenda r-regoli għall-imgħax fuq ħlasijiet tard f’livelli differenti. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 diġà kien illimita ż-żieda fl-imgħax ’il fuq mir-rata bażi għal 16-il punt perċentwali. Il-proposta preżenti testendi l-limitu massimu fuq iż-żieda tal-interessi għall-każijiet kollha. Dan jindirizza direttament il-kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri dwar ir-rati tal-imgħax għoljin ħafna previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 għall-każijiet diġà magħrufa qabel l-1 ta’ Ottubru 2016. Il-proposta żżid ukoll il-livell limitu għar-rinunzja tal-imgħax minn EUR 500 għal EUR 1,000. Barra minn hekk, ġie introdott limitu ta’ żmien ta’ 10 snin għaż-żamma tal-ammonti tar-riżorsi proprji tradizzjonali fil-kontijiet B.
Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE, il-proposta temenda l-aġġustament annwali tal-bilanċi u tipposponi li jsiru disponibbli mill-Istati Membri l-aġġustamenti għas-sena N+2. Din kienet talba minn ħafna Stati Membri biex jiffaċilitaw il-proċeduri baġitarji nazzjonali.
Barra minn hekk, il-proposta tinkludi Artikolu ġdid li jikkodifika l-proċedura ta’ ħlasijiet bil-quddiem, għal darb’oħra talba mill-Istati Membri. Il-proposta daħħlet ukoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tistabbilixxi kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji.
Il-proposta hija parti minn pakkett usa’ li jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/770 dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li mhuwiex riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dik ir-riżorsa proprja, dwar il-miżuri biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-flus kontanti, u dwar ċerti aspetti tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross u proposti għal riżorsi proprji ġodda li mistennija jiġu adottati dalwaqt, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020.
Fl-aħħar nett, huwa propost li l-Ġermanja tiġi inkluża bħala benefiċjarja ta’ korrezzjonijiet ta’ somma f’daqqa u r-referenza għall-korrezzjoni tar-Renju Unit titħassar.
Il-proposta tal-Kummissjoni hija spjegata f’aktar dettall fit-taqsima ħamsa hawn taħt. Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jinkludi wkoll fis-sitt taqsima l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 mitluba fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lulju 2020.
Id-dispożizzjonijiet li jsiru disponibbli għar-riżorsi proprji kollha għandhom jingħaqdu fl-okkażjoni tar-reviżjoni futura tagħhom inklużi Regolamenti ġodda proposti relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-bażi ġuridika għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 322(2) tat-TFUE. Il-proposta tikkumplimenta leġiżlazzjoni oħra dwar ir-riżorsi proprji bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 u r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/770.
•Konsistenza mal-politiki oħra tal-Unjoni
Il-ġestjoni tar-riżorsi proprji tiddependi fuq l-applikazzjoni korretta ta’ politiki oħra tal-Unjoni:
–Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (prinċipalment id-dazji doganali, id-dazji għad-difiża tal-kummerċ u l-imposti fuq iz-zokkor) huma marbuta mal-unjoni doganali, il-politika kummerċjali komuni, u l-politika agrikola komuni;
–Ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud huma marbuta mas-Suq Uniku u mal-politika tat-tassazzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 322(2) TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
•Proporzjonalità
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa li tissaħħaħ il-prevedibbiltà għall-Istati Membri meta jagħmlu disponibbli riżorsi proprji għall-baġit tal-UE u biex jippromulgaw proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u hija proporzjonata biex jintlaħaq dan l-għan b’mod sodisfaċenti.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 322(2) TFUE ma jispeċifikax l-istrument li għandu jintuża. Madankollu, l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom u l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 jirrikjedu li l-Istati Membri jagħmlu r-riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni ‘f’konformità mar-regolamenti’ adottati skont l-Artikolu 322(2) TFUE.
Barra minn hekk, il-proposta temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ Regolament bħala għażla ta’ strument huwa xieraq.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Bi tħejjija għal din il-proposta, il-Kummissjoni ppreżentat kwestjonarju dettaljat lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tivvaluta s-sustanza u l-funzjonament prattiku tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014. It-tweġibiet għall-kwestjonarju kkonfermaw li r-Regolament imsemmi ħadem tajjeb b’mod ġenerali. Madankollu, l-Istati Membri ressqu wkoll diversi talbiet għal titjib.
Il-proposta ġiet infurmata wkoll minn diskussjoni komprensiva tas-sistema skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 li saret fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Riżorsi Proprji u minn serje ta’ laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonament tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 u, b’mod partikolari, ittejjeb il-proċeduri għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji mill-Istati Membri. Għalhekk, il-proposta tikkontribwixxi għat-titjib tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji.
Meta mqabbla mar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014, il-proposta ma tibdilx ir-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa. Madankollu, l-estensjoni tal-limitu massimu fuq iż-żieda tal-imgħax għall-każijiet kollha se twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-imgħax miġbur għall-baġit tal-UE. L-impatt finanzjarju tagħha, ibbażat fuq l-ammonti ta’ referenza tal-aħħar snin (mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804) huwa stmat għal EUR 27.5 miljun/sena.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji, inklużi l-metodi u l-proċedura għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-Riżorsi Proprji, hija diskussa fuq bażi regolari fil-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji.
Il-proposta tal-Kummissjoni tista’ titqassar kif ġej:
Kapitolu I u II dwar “Dispożizzjoni ġenerali” u “Kontijiet għar-riżorsi proprji”
Ma ssir l-ebda emenda f’dawn il-kapitoli.
Kapitolu III ‘Id-disponibbilità tar-riżorsi proprji”
Skont l-Artikolu 9(1), tiddaħħal il-possibbiltà li l-Kummissjoni tistabbilixxi kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji. Bħalissa, l-Istati Membri biss iżommu dawn il-kontijiet tar-riżorsi proprji. Il-Kummissjoni għandha fil-futur tkun tista’ timmodernizza l-ġestjoni tal-kontijiet miftuħa f’isimha. It-tnaqqis fl-għadd ta’ kontijiet bankarji użati għall-ġbir ta’ riżorsi proprji se jġib l-effiċjenza u se jippermetti approċċ akkomunat għall-ġestjoni tal-flus.
Taħt 10a(2) dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING, jiżdied paragrafu speċifiku biex jippermetti pagamenti bil-quddiem fuq bażi ta’ każ b’każ. Id-dispożizzjoni tiżgura li kwalunkwe spiża assoċjata mal-ħlas bil-quddiem titħallas mill-Istat Membru li jkun qed jagħmel il-ħlas bil-quddiem.
L-Artikolu 10b(5) jipposponi d-data li fiha l-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti jsiru disponibbli għall-ewwel jum tax-xogħol ta’ Marzu tas-sena ta’ wara dik li fiha l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri b’dawn l-ammonti.
L-Artikolu 10b(7) jiddefinixxi l-perjodu meta l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tirrevedi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, filwaqt li l-Artikolu 13(5) jiddefinixxi dan il-perjodu għar-riżorsi proprji tradizzjonali.
Sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ ammonti għoljin ħafna ta’ mgħax, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 introduċa limitu massimu fuq iż-żieda fir-rata tal-imgħax għal 16-il punt perċentwali għal ħlas tard tar-riżorsi proprji. Dak il-limitu massimu kien japplika għall-imgħax ta’ ħlas tardiv tar-riżorsi proprji li kienu dovuti wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament – l-1 ta’ Ottubru 2016, jew kienu dovuti qabel dik id-data, fejn dawk ir-riżorsi proprji saru magħrufa biss mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat wara dik id-data. Dik ir-regola tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 . Il-proposta testendi l-limitu massimu fuq iż-żieda tal-imgħax għal każijiet li għalihom ma japplikax il-limitu massimu attwali. Madankollu, il-limitu massimu mhux se japplika għal kwalunkwe ammont ta’ mgħax li diġà ġie nnotifikat lil Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-proposta.
Skont l-Artikolu 12(3), huwa propost ukoll li l-limitu minimu għar-rinunzja tal-imgħax jiżdied minn EUR 500 għal EUR 1,000.
Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 13(2), għal ammonti irrekuperabbli, jiġi introdott limitu ta’ żmien ġenerali għall-ammonti li għandhom jinħarġu mill-kont separat biex jiġi żgurat li l-każijiet fil-kontijiet separati jiġu rieżaminati regolarment.
Fl-aħħar nett, l-Artikoli 6 u 10a huma allinjati mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji biex jinkludu lill-Ġermanja bħala benefiċjarja ta’ korrezzjonijiet ta’ somma f’daqqa u r-referenza għall-korrezzjoni tar-Renju Unit tħassret miż-żewġ artikoli.
Kapitolu III bis dwar “Pagament taħt proċedura ta’ riżerva u reviżjoni”
Jiżdied Kapitolu III bis ġdid. Jipprovdi taħt l-Artikolu 13a il-ġdid il-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħmlu disponibbli ammonti taħt riżerva. Din l-għażla qed tikkodifika l-prattika attwali.
L-Artikolu 13b il-ġdid jintroduċi proċedura ta’ reviżjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil ċar bejn Stat Membru u l-Kummissjoni. Din il-proċedura l-ġdida tipprevedi skadenzi u obbligi ċari kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Dan jiżgura djalogu kostruttiv dwar l-ammonti kkontestati inkwistjoni u għandu l-għan li jiffaċilita l-ilħuq ta’ ftehim bejn iż-żewġ naħat.
6.ANNESS
•
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014
F’konformità mal-mandat tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni vvalutat ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar is-sustanza, filwaqt li qieset il-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tar-riżorsi proprji. Dan huwa partikolarment importanti wkoll fid-dawl tar-riżorsi proprji ġodda li ġejjin.
Minkejja r-rekord ġeneralment pożittiv tal-funzjonament ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri talbu għal bidliet f’diversi oqsma. Matul id-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Riżorsi Proprji matul l-aħħar sentejn, inġibdet attenzjoni partikolari għal:
·Regoli applikabbli dwar l-imgħax għal pagamenti tardivi
·Pagamenti kondizzjonali u d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri
·Pagamenti bil-quddiem ta’ riżorsi proprji
·Derogi dwar id-disponibbiltà skont l-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu
·Valutazzjoni ta’ każijiet ta’ tħassir
·Aġġustamenti tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING u dawk ibbażati fuq il-VAT
·Il-fużjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji
Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall il-kwistjonijiet kollha li qajmu l-Istati Membri fir-rigward tal-funzjonament tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji u waslet għall-konklużjonijiet spjegati hawn taħt. Dawn il-konklużjonijiet iffurmaw il-proposta ta’ emenda li l-Kummissjoni adottat.
Regoli applikabbli dwar l-imgħax għal pagamenti tardivi
Il-baġit tal-UE jiddependi fuq il-pagamenti li jsiru fil-ħin. L-interessi għall-ħlas tardiv huma inċentiv qawwi għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba kkonfermat, l-aktar reċenti fis-sentenza tagħha C-575/18 P, li l-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji huwa inseparabbli mill-obbligu li r-riżorsi proprji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
Tnaqqis sinifikanti tal-ammonti tal-imgħax dovuti huwa notevoli mid-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu fuq iż-żieda fir-rata tal-imgħax fl-1 ta’ Ottubru 2016. Qabel dik id-data, ir-rata tal-imgħax akkumulat mingħajr ebda limitu massimu sakemm il-kapital ma jkunx tħallas. Bl-introduzzjoni tal-limitu massimu, iż-żieda tal-imgħax saret limitata għal 16-il punt perċentwali għall-perjodu kollu tad-dewmien. Kampjun ta’ 22 każ li jinvolvu limitu massimu juri tnaqqis totali ta’ MEUR 9 f’imgħax dovut meta mqabbel mal-metodu applikabbli qabel il-limitu massimu. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri ġew rilaxxati mill-ħlas ta’ ammont ta’ mgħax tard ekwivalenti għal 83 % tal-ammont tal-imgħax li fil-fatt intalab.
Madankollu, il-limitu massimu fuq iż-żieda tal-imgħax huwa applikabbli għal każijiet wara l-1 ta’ Ottubru 2016 biss. Għal każijiet diġà magħrufa qabel l-1 ta’ Ottubru 2016, il-limitu massimu ma japplikax. Dan irriżulta f’diversi każijiet fejn l-ammont tal-imgħax dovut kien pjuttost għoli. Estensjoni tal-limiti massimi għall-każijiet kollha hija assoċjata ma’ riskju ta’ periklu morali iżda madankollu jidher utli li tiġi ssimplifikata s-sistema li bħalissa hija pjuttost kumplessa.
Pagamenti kondizzjonali u d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri
Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri, is-sentenza reċenti tal-Qorti fil-kawża C-575/18 P tikkonferma li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar ir-riżorsi proprji diġà tagħti drittijiet effettivi ta’ difiża lill-Istati Membri. Madankollu, fl-interess taċ-ċarezza u tat-trasparenza, huwa utli li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien aktar ċari għad-djalogu u l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil.
Pagamenti bil-quddiem ta’ riżorsi proprji
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 ma fihx dispożizzjoni li tippermetti l-ħlas bil-quddiem ta’ riżorsi proprji. Madankollu, kien hemm każijiet, jiġifieri li jinvolvu l-adozzjoni tardiva tal-baġits emendatorji (eż. AB8/2013, AB6/2016 u AB6/2018) fejn l-Istati Membri, wara li talbu u rċevew il-qbil tal-Kummissjoni, ħallsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom qabel id-data ta’ skadenza. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għall-pagamenti jekk jiġu rrispettati kundizzjonijiet speċifiċi. Fl-interess taċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi espressament għal din il-possibbiltà.
Derogi dwar id-disponibbiltà skont l-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014 jipprevedi proċedura, imsejħa ‘proċedura ta’ tħassir, għall-monitoraġġ tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali tal-Istati Membri għal ammonti irrekuperabbli ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ta’ aktar minn EUR 100,000. L-aħħar Regolament emendatorju tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2016/804 introduċa fl-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu l-possibbiltà li l-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu li jagħmlu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni ammonti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba dħul differit fil-kontijiet jew notifika ta’ djun doganali, sabiex ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Mill-bidliet introdotti fl-2016, l-ebda Stat Membru ma ppreżenta każ ta’ tħassir lill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu. Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja bir-reqqa l-iżviluppi f’dan ir-rigward, iżda l-ebda bidla ma tidher meħtieġa jew meħtieġa għalissa.
Valutazzjoni ta’ każijiet ta’ tħassir
Il-proċedura ta’ “tħassir” skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tissorvelja r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali tal-Istati Membri għal ammonti irrekuperabbli ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ta’ aktar minn EUR 100,000. Skont din il-proċedura, il-Kummissjoni toħroġ l-opinjoni tagħha dwar jekk ir-riżorsi proprji tradizzjonali sarux irrekuperabbli għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istati Membri. L-għan tal-eżami mill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ tħassir huwa li jiġi vvalutat il-grad ta’ diliġenza muri mill-Istati Membri fit-twettiq tal-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu u jirkupraw mingħand l-operaturi ekonomiċi r-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali). Il-Kummissjoni dejjem ħabirket biex tagħti l-kummenti tagħha dwar l-hekk imsejħa rapporti ta’ tħassir fil-ħin. L-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 jirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ il-kummenti tagħha fi żmien sitt xhur hekk kif l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli. Bħalissa, din hija l-unika skadenza legali għall-Kummissjoni, li dejjem irrispettatha.
Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-valutazzjoni ta’ każijiet ta’ tħassir individwali ta’ spiss tirrikjedi skambji ripetuti mal-Istati Membri li jistgħu jiġu aċċellerati permezz ta’ sforzi konġunti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Aktar importanti minn hekk, it-talbiet tal-Istati Membri għal rieżami ta’ każijiet ikkontestati wara l-ewwel valutazzjoni tal-Kummissjoni s’issa ma kinux soġġetti għal skadenzi legali, u xi drabi akkumulaw dewmien konsiderevoli. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi skadenzi vinkolanti addizzjonali għall-komunikazzjoni mal-Istati Membri.
Aġġustamenti tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING u dawk ibbażati fuq il-VAT
Bħalissa, l-Istati Membri huma meħtieġa jagħmlu disponibbli l-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti (“bilanċi”) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju tas-sena n+1. Hemm ridistribuzzjoni immedjata tal-ammont globali ta’ aġġustamenti fost l-Istati Membri skont l-ishma rispettivi tagħhom fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING biex jiġi evitat li l-Istati Membri jħallsu ammonti akbar bil-quddiem u jiksbu biss is-sehem tagħhom tar-ridistribuzzjoni tal-ammont totali tax-xhur tal-aġġustament aktar tard. Dawn l-aġġustamenti annwali huma kompletament newtrali għall-baġit tal-UE iżda jista’ jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-Istati Membri. Diversi Stati Membri talbu bidliet fil-proċedura biex itejbu l-prevedibbiltà u jiffaċilitaw il-proċeduri baġitarji nazzjonali tagħhom. Huwa xieraq li titressaq proposta ta’ emenda korrispondenti, li tibdel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-aġġustamenti mill-Istati Membri għas-sena ta’ wara, anki jekk huwa rikonoxxut li dan se jdewwem ukoll b’mod korrispondenti l-irkupru ta’ aġġustamenti negattivi mill-Istati Membri. L-Istati Membri ma qajmu l-ebda oġġezzjoni għal dan id-dewmien.
Il-fużjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji
Id-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji li qed tiġi approvata fl-Istati Membri diġà tinkludi riżorsa proprja ġdida, dik ibbażata fuq il-plastik, u r-Regolament tal-Kunsill dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni korrispondenti [MAR2, nru 2018/0131] ġie propost u qed jiġi kkunsidrat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
F’konformità mal-ftehim interistituzzjonali mis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel proposti dwar imposta diġitali, mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera u skema riveduta tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet kif ukoll proposta ta’ akkumpanjament biex jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda fuq dik il-bażi sa Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-introduzzjoni tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2023.
Id-dispożizzjonijiet li jsiru disponibbli għar-riżorsi proprji kollha għandhom jingħaqdu fl-okkażjoni tar-reviżjoni futura tagħhom inklużi Regolamenti ġodda proposti relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
2021/0161 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u d-DNG
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,
Flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri,
Billi:
1.Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 ipprovda ankra solida u stabbli għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, hemm bżonn li tittejjeb biex tissaħħaħ il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu promulgati proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.
2.Bħalissa, l-Istati Membri biss jimmaniġġjaw il-kontijiet tar-riżorsi proprji miftuħa f’isem il-Kummissjoni . Tnaqqis fl-għadd ta’ kontijiet bankarji użati għall-ġbir ta’ riżorsi proprji jkun aktar effiċjenti u jippermetti approċċ komuni għall-ġestjoni tal-flus. Sabiex timmodernizza l-ġestjoni tal-kontijiet tar-riżorsi proprji, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tistabbilixxi kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji.
3.Ir-Regolament (UE, Euratom) 609/2014 ma jippermettix lill-Istati Membri jagħmlu pagamenti bil-quddiem. Madankollu, fil-passat xi Stati Membri ħallsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom bil-quddiem wara qbil mill-Kummissjoni. Fl-interess taċ-ċertezza legali, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu pagamenti bil-quddiem fuq bażi ta’ każ b’każ, wara li jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel. Fejn Stat Membru juża din il-possibbiltà, l-Istati Membri l-oħra għandhom għal raġunijiet ta’ ġustizzja ma jġarrbu l-ebda spiża relatata ma’ dan il-pagament bil-quddiem, bħall-imgħax negattiv.
4.Id-data tal-ħlas mill-Istati Membri tal-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti għandha tiġi trasferita għal Marzu tas-sena ta’ wara biex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-proċeduri baġitarji nazzjonali.
5.Sabiex jiġi pprovdut baġit stabbli li jkun meħtieġ għall-finanzjament tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni, jenħtieġ li l-proċedura għall-kalkolu tal-imgħax tiżgura b’mod partikolari li r-riżorsi proprji jsiru disponibbli fil-ħin u b’mod sħiħ.
6.Il-livell limitu attwali li taħtu jiġu rrinunzjati l-ammonti tal-imgħax jeħtieġ li jiġi adattat. Huwa għalhekk meħtieġ li jiżdied l-ammont li għalih l-irkupru tal-interessi huwa rinunzjat biex titjieb il-kosteffettività tal-proċeduri ta’ rkupru.
7.Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sistema filwaqt li jinżamm l-effett deterrenti, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jillimita ż-żieda fl-imgħax’ il fuq mir-rata bażi għal 16 punti perċentwali. Dan il-‘limitu massimu’ ta’ 16-il punt perċentwali huwa applikabbli biss għall-każijiet kollha li saru magħrufa wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804. Konsegwentement, każijiet diġà magħrufa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/804, fejn hemm ammont partikolarment għoli ta’ interessi, ma jistgħux jibbenefikaw minn dak il-limitu irrispettivament minn jekk l-ammont tal-interessi jkunx diġà ġie nnotifikat lill-Istati Membri. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri xorta huma meħtieġa jħallsu ammonti ta’ imgħax li mhumiex proporzjonali meta mqabbla mal-ammont tal-kapital dovut. Sabiex jiġu ċċarati u ssimplifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, il-limitazzjoni taż-żieda għal 16-il punt perċentwali għandha tiġi applikata għal kwalunkwe ammont ta’ mgħax mhux innotifikat lill-Istat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
8.Fl-interess tal-ġestjoni tajba tal-kont separat, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, l-ammonti mhux garantiti jeħtieġ li jiġu vvalutati u regolarizzati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar ammonti irrekuperabbli għandhom jiġu emendati biex jintroduċu limitu ta’ żmien ġenerali għall-ammonti li għandhom jittieħdu minn dak il-kont separat biex jiġi żgurat li l-każijiet f’dan il-kont separat jiġu rieżaminati regolarment.
9.Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fih biss skadenza waħda fl-Artikolu 13(4), li tirrikjedi li l-Kummissjoni tikkomunika l-kummenti tagħha lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien sitt xhur minn meta dak l-Istat Membru jirċievi r-rapport. Sabiex jitwettaq is-segwitu tar-rapporti ta’ tħassir fil-ħin u biex tiġi appoġġata valutazzjoni rapida u kompletament trasparenti tad-deċiżjoni tal-Istat Membru li ma jagħmilx disponibbli l-ammont irrekuperabbli tar-riżorsi proprji tradizzjonali, jenħtieġ li jiġu introdotti aktar skadenzi proċedurali għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri.
10.F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali, għandha tiġi formalizzata u introdotta proċedura ta’ rieżami fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 biex tittejjeb it-trasparenza u jiġu ċċarati d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri. Għandhom jiġu introdotti wkoll dispożizzjonijiet biex jirriflettu l-prattika attwali tal-ħlas taħt riżerva, li tiftaħ il-possibbiltà li tinbeda azzjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 268 TFUE u l-Artikolu 340(2) TFUE.
11.L-Artikoli 6 u 10a tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jenħtieġ li jiġu adattati biex titħassar ir-referenza għall-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit u biex il-Ġermanja tiġi inkluża bħala benefiċjarja ta’ korrezzjonijiet ta’ somma f’daqqa f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.
12.Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 huwa emendat kif ġej:
(1)fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3), is-sentenza tal-introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawn ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom, madankollu, jiġu dokumentati fil-kontijiet kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu kif ġej:’;
(2)fl-Artikolu 9(1) ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
‘Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-teżor tiegħu jew bank ċentrali nazzjonali jew għal kont ċentrali miftuħ għal dan il-għan mill-Kummissjoni fl-istituzzjoni finanzjarja tal-għażla tiegħu. Soġġett għall-applikazzjoni ta' mgħax negattiv kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, dak il-kont jista' jiġi ddebitat biss fuq struzzjoni mill-Kummissjoni’;
(3)L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘Artikolu 10a
Id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING
1.Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawn ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, bl-ammonti jkunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.
2.Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu ’l quddiem, sa xahrejn fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja, id-dħul ta' wieħed minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT- u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawn ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.
Soġġett għat-tielet subparagrafu, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, id-dħul sa nofs addizzjonali ta' wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawn ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.
L-ammont totali li l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem fl-istess xahar skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandu, f'ebda każ, jeċċedi ammont li jikkorrispondi għal żewġ partijiet addizzjonali minn tnax.
Wara l-ewwel sitt xhur, id-dħul rikjest ta' kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed minn tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, filwaqt li jibqa' fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-quddiem ħafna, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel id-dħul rikjest skont it-tieni subparagrafu, bl-intenzjoni tagħha li jintalab tali dħul.
Il-paragrafu 4 li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f'Jannar ta' kull sena, u l-paragrafu 5, applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.
Stat Membru jista’ eċċezzjonalment u f’każijiet debitament ġustifikati jitlob awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex javvanza d-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ baġits emendatorji fi tmiem is-sena. L-Istat Membru għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata b’notifika ta’ mill-inqas tliet ġimgħat minn qabel. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talba filwaqt li tqis is-sitwazzjoni tal-flus kontanti u l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-Kummissjoni. L-Istat Membru jista’ jeżegwixxi l-pagament bil-quddiem biss wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Kwalunkwe spiża addizzjonali marbuta ma’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni minn qabel għandha titħallas mill-Istat Membru li jitlobha.
3.Kwalunkwe bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, Il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja għandha tirrikjedi l-adozzjoni finali ta' baġit emendatorju u twassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta' wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.
Dawk ir-riaġġustamenti għandhom jitwettqu meta ssir l-ewwel entrata wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk dan jiġi adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B'deroga mill-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju, dawn l-aġġustamenti mill-ġdid għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-budget rettifikattiv in kwistjoni.
4.Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti stipulati fl-abbozz tal-baġit, imsemmija fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta' wara l-15 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja. L-aġġustament għandu jsir mad-daħla għax-xahar ta' wara.
5.Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel lid-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, li ddaħħlu fl-aħħar baġit finalment adottat. L-aġġustament għandu jsir fl-ewwel jum dovut wara l-adozzjoni finali tal-budget jekk ikun adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu isir fit-tieni data ta' maturità wara l-adozzjoni finali tal-budget.
6.Ma għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja fil-każ ta' modifiki fid-data tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) No 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.’
(4)L-Artikolu 10b huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
‘Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara dik tal-forniment tad-data għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Marzu tas-sena ta’ wara dik li fiha l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri bl-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu.’;
(b)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:
‘7. Jekk l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jkunux jistgħu jaqblu dwar aġġustamenti partikolari għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT, kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 13b.’;
(5)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 3 huwa sostitwit bis-segwenti:
‘3. L-irkupru ta' ammonti ta' mgħax li jkunu inqas minn EUR 1 000 għandu jiġi rrinunzjat.’;
(b)fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
‘Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16-il punt perċentwali. Il-limitazzjoni taż-żieda għal 16 punti perċentwali għandha tapplika għal kwalunkwe każ li għalih l-ammont tal-imgħax ma jkunx ġie kkomunikat lil Stat Membru qabel... [daħħal id-data — id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (emendatorju)]. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.’;
(6)L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
‘Jekk jaslu ħlasijiet parzjali, il-perjodu ta' ħames snin massimu għandu jibda mid-data tal-aħħar pagament li jkun sar, fejn dan ma jkunx temm id-dejn. Perjodu massimu ta’ għaxar snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2 fil-massimu m’għandux jinqabeż, irrispettivament minn appelli amministrattivi jew ġudizzjarji jew pagamenti parzjali.’;
(b)fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘Fejn il-Kummissjoni tara li hemm bżonn li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jibda jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni addizzjonali mitluba. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur.”;
(c)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
‘5. Jekk l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jkunux jistgħu jaqblu dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 13b.”;
(7)jiddaħħal il-Kapitolu IIIa li ġej:
‘KAPITOLU IIIa
ĦLAS TAĦT RIŻERVA U PROĊEDURA TA’ RIEŻAMI
Artikolu 13 a
Pagament taħt riżerva
1.F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 10b(7) jew l-Artikolu 13(5) jew dwar ammonti oħra ta’ riżorsi proprji tradizzjonali dovuti lill-baġit tal-Unjoni, l-Istat Membru jista’, meta jħallas l-ammont ikkontestat, jesprimi riżervi dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
2.Id-dħul fil-kont taħt l-Artikolu 9 tal-ħlas taħt riżerva għandu jinterrompi l-perjodu li matulu jakkumula l-imgħax, kif imsemmi fl-Artikolu 12.
Artikolu 13b
Proċedura ta’ rieżami
1.F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13(5), jew fir-rigward ta’ ammonti oħra ta’ riżorsi proprji tradizzjonali dovuti lill-baġit tal-Unjoni, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tagħha fi żmien tliet xhur minn meta tirċeviha . F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10b(7), l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tagħha fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha. Ħlief għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10b(7), tali talba għandha tipprovdi r-raġunijiet għar-reviżjoni mitluba, u tinkludi dokumenti ta’ sostenn. It-talba u l-proċedura li tirriżulta ma għandhomx ibiddlu l-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji meta jkunu dovuti għall-baġit tal-Unjoni.
2.Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi t-talba prevista fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istat Membru l-kummenti tagħha dwar ir-raġunijiet mogħtija fit-talba. Fejn il-Kummissjoni tara li hemm bżonn li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jibda jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni supplimentari mitluba. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10b(7), il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istat Membru l-kummenti tagħha dwar ir-raġunijiet ipprovduti fit-talba fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-talba.
Meta l-Istat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi aktar informazzjoni rilevanti għall-proċedura ta’ rieżami, huwa jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex twieġeb abbażi tal-informazzjoni disponibbli. F’dak il-każ, il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda mid-data tal-wasla ta’ dik it-talba.
4.F’każ li Stat Membru jippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1a) tar-Regolament 1553/89, u jekk il-Kummissjoni tkun għadha ma weġbitx taħt il-proċedura ta’ rieżami dwar l-istess korrezzjoni tal-VAT, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-proċedura ta’ rieżami sakemm tingħata s-sentenza finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.’
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA “DĦUL” - GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL TAL-BAĠIT
1.ISEM IL-PROPOSTA:
Emenda tar-Regolament 609/2014
2.LINJI BAĠITARJI:
Linja tad-dħul (Kapitolu/Artikolu/Partita):
Titoli 1 u 2 (Kapitolu 21) u Artikolu 410
3.IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
✕
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul
◻
Il-proposta għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul assenjat
L-effett huwa kif ġej:
(EUR miljun sa pożizzjoni deċimali waħda)
|
Linja tad-dħul
|
Impatt fuq id-dħul
|
Perjodu ta’ XX xhur li jibda minn jj/xx/ssss (jekk applikabbli)
|
Is-sena N
|
|
Titolu 1
|
-
|
|
2021
|
|
Titolu 2/Chapter 21
|
-
|
|
2021
|
|
Artikolu 410
|
Pendenti
|
|
2021
|
|
Sitwazzjoni wara l-azzjoni
|
|
Linja tad-dħul
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
|
Titolu 1
|
-
|
-
|
-
|
-
|
-
|
|
Titolu 2/Chapter 21
|
-
|
-
|
-
|
-
|
-
|
|
Artikolu 410
|
|
|
|
|
|
4.MIŻURI KONTRA L-FRODI
Ma jridu jittieħdu ebda miżuri.
5.RIMARKI OĦRA
Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ u ttejjeb il-funzjonament tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014. Dan jipprevedi b’mod partikolari miżuri amministrattivi sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji għall-Istati Membri. Dawn jinkludu miżuri biex tittejjeb il-prevedibbiltà dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, bħall-possibbiltà li jsiru pagamenti bil-quddiem jew il-modifiki proposti għall-eżerċizzju tal-bilanċi.
Iż-żewġ proposti ma għandhom l-ebda impatt baġitarju. Id-dispożizzjoni, li tipprevedi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-aġġustamenti mill-Istati Membri għas-sena ta’ wara (N+2), hija newtrali mil-lat baġitarju peress li l-obbligu tal-Istati Membri li jħallsu huwa sempliċiment imċaqlaq għas-sena baġitarja li jmiss. L-‘eżerċizzju tal-bilanċ’ globali għalhekk jibqa’ newtrali għall-baġit tal-UE.
Il-proposta tipprevedi wkoll ċerti bidliet proċedurali, jiġifieri tikkodifika l-proċedura għad-djalogu kostruttiv kif ukoll l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’każ ta’ tilwim. Din il-proċedura ta’ rieżami għandha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji billi tipprovdi ċarezza u trasparenza fil-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-proċedura ta’ rieżami proposta ma għandhiex impatt finanzjarju għall-Unjoni.
Fl-aħħar nett, il-proposta testendi l-limitu massimu fuq iż-żieda tal-interessi għall-każijiet kollha. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 kien diġà llimita ż-żieda fl-imgħax ’il fuq mir-rata bażi għal 16-il punt perċentwali (limitu massimu ta’ 16 %). Madankollu, din il-limitazzjoni ma tapplikax għal każijiet diġà magħrufa qabel l-1 ta’ Ottubru 2016. L-estensjoni tal-limiti massimi għall-każijiet kollha se twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-imgħax miġbur għall-baġit tal-UE. L-impatt finanzjarju tagħha, ibbażat fuq l-ammonti ta’ referenza tas-snin li għaddew (mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill 2016/804) huwa stmat għal EUR 27.5 miljun/sena.