8.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/38


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 288/2009

tas-7 ta’ April 2009

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 103h(f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 13/2009 (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sabiex jipprovdi għal għajnuna Komunitarja taħt Skema tal-Frott għall-Iskejjel għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal li jattendu b’mod regolari wieħed mill-istabbilimenti edukattivi amministrati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

(2)

Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. Sabiex jiżguraw il-valur miżjud tal-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel stabbiliti taħt dan ir-Regolament, fl-istrateġija tagħhom l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif se jiggarantixxu l-valur miżjud tal-iskema tagħhom, speċjalment meta l-ikliet regolari tal-iskola jiġu kkunsmati fl-istess ħin bħall-prodotti ffinanzjati taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw aktar minn Skema waħda, għandhom ifasslu strateġija għal kull waħda mit-tali Skemi.

(3)

L-istrateġija ta’ Stat Membru għandu jkun fiha l-elementi prinċipali msemmija fl-Artikolu 103ga(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jiġifieri l-baġit tal-iskema tiegħu, inkluża l-kontribuzzjoni Komunitarja u dik nazzjonali, it-tul ta’ żmien tagħha, il-grupp fil-mira, il-prodotti eliġibbli u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti, bħall-awtoritajiet edukattivi u dawk tas-saħħa, is-settur privat u l-ġenituri tat-tfal. L-istrateġija ta’ Stat Membru għandha wkoll tiddeskrivi l-miżuri ta’ akkumpanjament li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Iskema.

(4)

Skont l-Artikolu 152(1) tat-Trattat, irid jiġi żgurat livell għoli tas-saħħa fit-tifsira u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-Komunità. Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti eliġibbli għall-għajnuna joffru livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa għat-tfal u sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ drawwiet tajbin fil-konsum tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jeskludu mill-istrateġija tagħhom prodotti miżjudin biz-zokkor, bix-xaħam, bil-melħ jew b’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, għajr fejn, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, l-Istati Membri jipprovdu fl-istrateġija tagħhom li t-tali prodotti jistgħu jkunu eliġibbli taħt l-iskema tagħhom. Fil-każijiet kollha, il-lista ta’ Stat Membru tal-prodotti eliġibbli għandha tiġi approvata mill-awtorità tas-saħħa nazzjonali kompetenti.

(5)

L-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel jirrikjedu miżuri ta’ akkumpanjament sabiex ikunu effettivi. Il-miżuri ta’ akkumpanjament m’għandhomx ikunu limitati għal ċerti żoni ġeografiċi jew ċerti stabbilimenti edukattivi, u b’hekk jeskludu lil ċerti tfal mill-ambitu tagħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jagħtu aċċess għall-miżuri ta’ akkumpanjament lill-biċċa l-kbira tat-tfal li huma fil-grupp fil-mira tal-iskema tagħhom.

(6)

Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-gestjoni tal-baġit, l-Istati Membri li jimplimentaw Skema tal-Frott għall-Iskejjel għandhom japplikaw għall-għajnuna Komunitarja fuq bażi annwali.

(7)

Għal skopijiet tat-trasparenza, għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi demografiċi, il-Kummissjoni għandha tevalwa tal-anqas darba kull tliet snin jekk dik l-allokazzjoni tkunx għadha aġġornata.

(8)

Sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tal-fondi disponibbli, l-għajnuna Komunitarja li tkun ġiet attribwita b’mod indikattiv lill-Istati Membri li ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni bl-istrateġija tagħhom fil-ħin għandhom jiġu allokati mill-ġdid bejn l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw u li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjoni inizjali tagħhom tal-għajnuna Komunitarja.

(9)

Mhux biss spejjeż imġarrba għax-xiri tal-frott u l-ħaxix, tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u tal-prodotti tal-banana għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja, jekk dan ikun ipprovdut fl-istrateġija ta’ Stat Membru, iżda wkoll xi spejjeż relatati magħhom li huma direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel. Madankollu, sabiex titħares l-effettività tal-Iskema, perċentwal żgħir biss ta’ għajnuna għandu jiġi allokat għal dawn l-ispejjeż relatati. Għall-finijiet tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kontroll, dawn l-ispejjeż għandhom jirrappreżentaw ammonti fissi, ikkalkulati fuq bażi pro rata.

(10)

Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-ġestjoni u s-superviżjoni baġitarja, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna u l-kundizzjonijiet għal applikazzjoni valida għall-għajnuna għandhom jiġu speċifikati. Fdak li għandu x’jaqsam mal-ħlas tal-għajnuna, ir-rekwiżiti li jridu jintlaħqu mill-applikanti għandhom jiġu speċifikati u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, għall-verifiki u għas-sanzjonijiet li jridu jsiru mill-awtoritajiet kompetenti u r-regoli dwar il-proċedura tal-ħlas.

(11)

Biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u kontra l-frodi. Dawn il-miżuri ta’ kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva sħiħa ssupplementata b’verifiki fuq il-post. L-ambitu, il-kontenut, l-iskeda taż-żmien u r-rappurtar ta’ miżuri ta’ kontroll bħal dawn għandhom jiġu speċifikati biex jiżguraw approċċ ġust u uniformi bejn l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni differenti tagħhom tal-iskema.

(12)

Ammonti mħallsa b’mod mhux dovut għandhom jiġu rkuprati u għandhom jiġu ddeterminati sanzjonijiet sabiex iżommu lill-applikanti minn imġiba ta’ frodi u ta’ negliġenza serja.

(13)

Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, u biex jippermettu r-reviżjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prassi, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel fuq bażi regolari u jibagħtu r-riżultati u s-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni. Meta frott u ħaxix, frott u ħaxix proċessati u prodotti tal-banana ma jitqassmux mingħajr ħlas lill-grupp fil-mira tal-iskema tagħhom, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-ġenituri fuq l-effettività tal-Iskema tagħhom.

(14)

L-esperjenza wriet li l-benefiċjarji tal-proġetti kkofinanzjati mill-għajnuna Komunitarja mhumiex dejjem konxji biżżejjed mir-rwol tal-Komunità fil-proġett rilevanti. Ir-rwol tal-Komunità fl-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel għandu għalhekk ikun indikat b’mod ċar f’kull stabbiliment edukattiv li jkun qed jipparteċipa fiha.

(15)

Sabiex tippermetti lill-Istati Membri biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, jew biex jallinjaw l-iskema eżistenti tagħhom mad-dispożizzjonijiet il-ġodda, l-Istati Membri jistgħu jelaboraw strateġija li jkun fiha biss l-element prinċipali ewlieni għall-perjodu inizjali ta’ bejn l-1 ta’ Awwissu 2009 u l-31 ta’ Lulju 2010. Għandhom ikunu jistgħu jipposponu wkoll l-adozzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament matul dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ambitu u l-użu tat-termini

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u għal ċerti spejjeż relatati.

2.   It-termini wżati f’dan ir-Regolament għandhom ikollhom l-istess tifsira li għandhom fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.

Artikolu 2

Il-grupp fil-mira

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tiġi mmirata lejn it-tfal li jattendu b’mod regolari fi kwalunkwe wieħed mill-istabbilimenti edukattivi amministrati jew irrikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

Artikolu 3

L-istrateġija

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu Skema tal-Frott għall-Iskejjel għandhom ifasslu l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 103ga(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

2.   L-istrateġija ta’ Stat Membru ma għandhiex tkopri prodotti li huma elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Madankollu, f’każijiet iġġustifikati b’mod dovut, bħal meta Stat Membru jixtieq jiżgura firxa wiesgħa ta’ prodotti taħt l-iskema tiegħu jew jixtieq jagħmel l-iskema tiegħu aktar attraenti, strateġija tista’ tipprovdi li t-tali prodotti jistgħu jsiru eliġibbli, jekk jiżdiedu biss ammonti limitati tas-sustanzi msemmija f’dak l-Anness.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tagħhom japprovaw il-lista tal-prodotti li għandhom ikunu eliġibbli taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel.

3.   L-Istati Membri għandhom jispjegaw, fl-istrateġija tagħhom, kif se jiggarantixxu l-valur miżjud tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, speċjalment fejn l-istrateġija tagħhom tippermetti l-konsum tal-ikliet regolari tal-iskola fl-istess ħin mal-prodotti ffinanzjati taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel. Għandhom jiddeskrivu l-miżuri ta’ kontroll tagħhom fl-istrateġija tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fl-istrateġija tagħhom liema miżuri ta’ akkumpanjament se jadottaw biex jiżguraw l-implimentazzjoni b’suċċess tal-iskema tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jiffokaw fuq it-titjib tal-għarfien tal-grupp fil-mira dwar is-settur tal-frott u tal-ħaxix jew dwar drawwiet tajbin fil-konsum tal-ikel, bħall-iżvilupp ta’ siti tal-internet jew l-organizzazzjoni ta’ żjarat fl-irziezet jew ta’ sessjonijiet dwar il-ġardinaġġ.

5.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-livell ġeografiku u amministrattiv xieraq li fih jixtiequ jimplimentaw “Skema tal-Frott għall-Iskejjel”. Jekk jagħżlu li jimplimentaw aktar minn skema waħda, għandhom jipprovdu strateġija għal kull skema. Stat Membru li jimplimenta diversi skemi jista’ jistabbilixxi qafas ta’ koordinazzjoni.

Artikolu 4

Għajnuna għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal

1.   L-Istati Membri li jistabbilixxu Skema tal-Frott għall-Iskejjel jistgħu japplikaw għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal perjodu li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju ta’ sena jew aktar, billi sal-31 ta’ Jannar tas-sena meta jibda dak il-perjodu jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri li diġà għandhom skema tal-frott għall-iskejjel, jew skemi oħrajn ta’ distribuzzjoni fl-iskejjel li jinkludu l-frott, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkwalifikaw għall-għajnuna Komunitarja soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 103ga(6) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għandhom jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza pprovduta fil-paragrafu 1.

3.   L-Anness II għal dan ir-Regolament jipprovdi għall-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta tal-anqas darba kull tliet snin jekk l-Anness II għadux konsistenti ma’ dak il-kriterju tal-allokazzjoni.

4.   L-allokazzjonijiet tal-għajnuna Komunitarja riżervati għall-Istati Membri li sal-31 ta’ Jannar ta’ dik is-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni, jewinkella li jkunu talbu għal parti biss mill-allokazzjoni inizjali tagħhom, għandhom jiġu allokati mill-ġdid bejn l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw u li, sad-data tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjoni inizjali tagħhom tal-għajnuna Komunitarja.

L-allokazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi implimentata skont id-daqs tal-allokazzjoni inizjali tal-Istati Membri, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Sal-31 ta’ Marzu tas-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja lill-Istati Membri.

Artikolu 5

L-ispejjeż eliġibbli

1.   L-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007:

(a)

spejjeż għall-frott u l-ħaxix, għall-frott u l-ħaxix ipproċessat u għall-prodotti tal-banana koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel imsemmija fl-Artikolu 3(1) u mwassla lill-istabbiliment edukattiv.

(b)

l-ispejjeż relatati, li huma l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel u għandhom jinkludu biss:

(i)

l-ispejjeż tax-xiri, ir-renta, il-kiri u x-xiri bin-nifs ta’ tagħmir, jekk l-istrateġija tipprovdi għal dan;

(ii)

l-ispejjeż tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, li għandhom ikunu marbuta direttament mal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel;

(iii)

l-ispejjeż tal-komunikazzjoni, li għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-powster imsemmi fl-Artikolu 14(1).

Fejn l-ispejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-prodotti koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel tinħarġilhom fattura separata, it-tali spejjeż ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-ispejjeż tal-prodotti.

Meta l-prodotti jingħataw lill-istabbilimenti edukattivi bla ħlas, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw fatturi għat-trasport u d-distribuzzjoni, soġġetti għal limitu stabbilit fl-istrateġija tal-Istat Membru.

L-ispejjeż tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt (b)(iii) tal-ewwel subparagrafu ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt l-iskemi l-oħrajn tal-għajnuna Komunitarja.

2.   L-ammont totali tal-ispejjeż skont il-punti (b)(i) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jirrappreżenta ammont fiss u għandu jkun soġġett għal limitu li ma jaqbiżx il-5 % tal-pakkett tal-għajnuna Komunitarja tal-Istat Membru wara l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 4(4).

Għas-sena li fiha jseħħ l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 12, l-ammont totali għall-ispejjeż taħt il-punti (b)(i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż l-10 % tal-pakkett tal-għajnuna Komunitarja tal-Istat Membru għas-sena li fiha sseħħ l-evalwazzjoni, wara l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 4(4).

Artikolu 6

Kundizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna li hemm dispożizzjoni dwarha taħt l-istrateġija tagħhom għandha titqassam lill-applikanti għall-għajnuna fejn dawn l-applikanti jkunu ressqu applikazzjoni valida għall-għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Applikazzjoni għall-għajnuna għandha tkun valida biss jekk titressaq minn applikant li jkun ġie approvat għal dak il-għan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment edukattiv li lilu jkunu qed jiġu fornuti l-prodotti.

2.   L-Istat Membru jista’ jagħżel applikanti għall-għajnuna minn fost l-entitajiet li ġejjin:

(a)

l-istabbilimenti edukattivi;

(b)

l-awtoritajiet tal-edukazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti mqassma lit-tfal fiż-żona tagħhom;

(c)

il-fornituri u/jew id-distributuri tal-prodotti;

(d)

l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f’isem wieħed jew aktar mill-istabbilimenti edukattivi jew mill-awtoritajiet edukattivi u stabbiliti b’mod speċifiku għal dan il-għan;

(e)

kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra li tieħu ħsieb:

(i)

id-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix, tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u tal-prodotti tal-banana lill-istabbilimenti edukattivi fil-qafas ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel stabbilita taħt, jew allinjata ma’, dan ir-Regolament;

(ii)

l-evalwazzjoni u/jew il-komunikazzjoni.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

L-approvazzjoni għandha tiddependi fuq it-teħid tal-impenji bil-miktub li ġejjin min-naħa tal-applikant lill-awtorità kompetenti:

(a)

li juża prodotti ffinanzjati taħt Skema tal-Frott għall-Iskejjel stabbilita taħt, jew allinjata ma’, dan ir-Regolament għall-konsum mit-tfal tal-istabbiliment edukattiv tiegħu jew tal-istabbilimenti li għalihom tkun intalbet l-għajnuna;

(b)

li jħallas lura kwalunkwe ammont ta’ għajnuna mħallsa b’mod mhux dovut għall-kwantitajiet konċernati, jekk jinstab li dawn il-prodotti ma jkunux tqassmu lit-tfal imsemmija fl-Artikolu 2 jew li l-għajnuna tkun tħallset għal prodotti li mhumiex eliġibbli taħt dan ir-Regolament;

(c)

f’każ ta’ frodi jew ta’ negliġenza serja, li jħallas ammont li jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huwa intitolat għalih l-applikant;

(d)

li jagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom;

(e)

li jaċċetta kwalunkwe verifika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiddeċiedi li tagħmel, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-reġistri u l-ispezzjonar fiżiku.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti tal-approvazzjoni dipendenti fuq it-teħid ta’ impenji oħra bil-miktub min-naħa tal-applikant lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ ċerti applikanti

Jekk l-għajnuna jkun applika għaliha applikant imsemmi fl-Artikolu 6(2)(c) sa (e), l-applikant għandu jieħu impenn bil-miktub, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7, li jżomm ir-reġistri tal-ismijiet u l-indirizzi tal-istabbilimenti edukattivi jew, fejn ikun xieraq, tal-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tal-prodotti u l-kwantitajiet mibjugħin jew fornuti lil dawn l-istabbilimenti jew lil dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 9

Is-sospensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni

Jekk jinstab illi applikant għall-għajnuna m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jew kull obbligu ieħor skont dan ir-Regolament, l-approvazzjoni tista’ tiġi sospiża għal perjodu ta’ bejn xahar u tnax-il xahar jew tista’ tkun irtirata, skont il-gravità tal-irregolarità. Din l-azzjoni ma għandhiex tittieħed f’każi ta’ force majeure jew jekk l-Istat Membru jsib illi l-irregolarità ma kinetx imwettqa apposta jew b’negliġenza jew li din kienet ta’ ftit importanza. L-approvazzjoni, ġaladarba tkun irtirata, tista’ tingħata lura fuq it-talba tal-applikant wara perjodu minimu ta’ 12-il xahar.

Artikolu 10

Applikazzjonijiet għall-għajnuna

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom isiru b’mod li għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u għandhom jinkludu tal-anqas it-tagħrif li ġej:

(a)

il-kwantitajiet imqassma;

(b)

l-isem u l-indirizz jew in-numru tal-identifikazzjoni tal-istabbiliment edukattiv jew tal-awtorità tal-edukazzjoni li għalih/għaliha jkun qed jirreferi t-tagħrif imsemmi fil-punt (a); kif ukoll

(c)

l-għadd ta’ tfal fl-istabbiliment edukattiv rispettiv tal-grupp fil-mira kif identifikat fl-istrateġija tal-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-frekwenza tal-applikazzjonijiet f’konformità mal-istrateġija tagħhom, iżda l-perjodi ta’ applikazzjoni għall-għajnuna ma għandhomx ikopru aktar minn 5 xhur. Jekk l-iskema ddum iktar minn 6 xhur mill-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1), l-għadd totali tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kull perjodu għandu jkun tal-anqas tlieta.

3.   Għajr f’każijiet ta’ force majeure, biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jimtlew b’mod korrett u jitressqu sal-aħħar jum tat-tielet xahar ta’ wara tmiem il-perjodu relatat magħhom.

4.   L-ammonti murija fl-applikazzjoni għandhom ikunu appoġġati minn xhieda ddokumentata miżmuma disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Din l-evidenza għandha turi l-prezz tal-prodotti mwassla u għandha tkun bl-irċevuta jew bi prova tal-ħlas.

Artikolu 11

Ħlas tal-għajnuna

1.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-fornituri, l-organizzazzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fil-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 6(2), l-għajnuna għandha titħallas biss:

(a)

jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet imwassla fil-verità; jew

(b)

fuq il-bażi tar-rapport ta’ spezzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali tal-għajnuna, li jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-ħlas ikunu ntlaħqu; jew

(c)

jekk l-Istat Membru jawtorizza hekk, jekk tiġi ppreżentata prova alternattiva li l-kwantitajiet imwassla għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu tħallsu.

2.   L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur wara l-jum tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-għajnuna mimlija b’mod korrett u valida. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma u l-kontenut ta’ applikazzjoni valida għall-għajnuna.

3.   Jekk il-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) jinqabeż b’anqas minn xahrejn, l-għajnuna xorta waħda għandha titħallas iżda għandha titnaqqas:

(a)

b’5 % jekk iż-żmien ikun inqabeż b’xahar jew anqas;

(b)

b’10 % jekk iż-żmien ikun inqabeż b’aktar minn xahar iżda b’anqas minn xahrejn.

Ladarba l-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) jinqabeż b’xahrejn, l-għajnuna għandha titnaqqas b’1 % għal kull jum addizzjonali.

Artikolu 12

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel fuq bażi annwali. Il-monitoraġġ għandu jissejjes fuq id-dejta li toriġina mill-obbligi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, inklużi dawk stipulati fl-Artikoli 10 u 11. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal strutturi u forom adegwati sabiex jiżguraw il-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-programm

2.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel u jivvalutaw l-effettività tagħha. Għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-riżultati tal-eżerċizzju tagħhom tal-evalwazzjoni lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Frar 2012. Għall-perjodi sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-iskema tagħhom tal-anqas kull ħames snin u għandhom jinnotifikaw ir-riżultati tagħhom kull ħames snin wara dik id-data.

3.   Fil-każ li, sad-data msemmija fil-paragrafu 2 jew inkella kull ħames snin wara dik id-data, Stat Membru ma jinnotifikax ir-riżultati tal-eżerċizzju tiegħu tal-evalwazzjoni, l-ammont tal-allokazzjoni li jmiss se jitnaqqas kif ġej:

(a)

b’5 % jekk id-dewmien ikun ta’ xahar jew anqas;

(b)

b’10 % jekk id-dewmien ikun ta’ aktar minn xahar iżda ta’ anqas minn xahrejn.

Ladarba l-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1 jiddewwem b’xahrejn, l-għajnuna għandha titnaqqas b’1 % għal kull jum addizzjonali.

Artikolu 13

Il-kontrolli u s-sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu verifiki amministrattivi sħaħ tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom ikunu ssupplmentati b’verifiki fuq il-post kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 8.

2.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha u għandhom jinkludu l-ivverifikar tad-dokumenti ta’ appoġġ kif definiti mill-Istati Membri, relatati mat-twassil tal-prodotti. Il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b’verifiki fuq il-post imwettqin b’mod partikolari fuq:

(a)

ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 8, inklużi r-reġistri finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ u l-estratti bankarji;

(b)

l-użu tal-prodotti ssussidjati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jissuspetta xi irregolarità.

3.   L-għadd totali tal-verifiki fuq il-post imwettqa għal kull perjodu li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju għandu jkopri tal-anqas 5 % tal-għajnuna mqassma fil-livell nazzjonali u tal-anqas 5 % tal-applikanti kollha msemmija fl-Artikolu 6.

F’każ li l-għadd tal-applikanti fi Stat Membru jkun ta’ anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-postijiet ta’ ħames applikanti.

F’każ li l-għadd tal-applikanti fi Stat Membru jkun ta’ anqas minn ħamsa, 100 % tal-applikanti għandhom isirulhom kontrolli.

4.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju u għandhom ikopru perjodu ta’ mill-anqas it-tnax-il xahar ta’ qabel.

5.   L-applikanti suġġetti għall-verifiki fuq il-post għandhom jintagħżlu mill-awtorità kompetenti billi jitqiesu b’mod dovut iż-żoni ġeografiċi differenti, u abbażi ta’ analiżi tar-riskju li tqis b’mod partikolari n-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta’ qabel. L-analiżi tar-riskju għandha tqis ukoll l-ammonti differenti ta’ għajnuna involuti u t-tip ta’ applikanti msemmija fl-Artikolu 6(2).

6.   F’każijiet fejn l-applikant imsemmi fl-Artikolu 6(2) (b) sa (e) japplika għall-għajnuna, il-verifika fuq il-post imwettqa fil-post tal-applikant għandha tkun issupplimentata b’verifiki fuq il-post fil-postijet ta’ mill-anqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta’ mill-anqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi msemmija fir-reġistru tal-applikant, skont liema minnhom ikun l-akbar.

7.   Madankollu, sakemm l-iskop tal-kontroll ma jitqiegħedx fil-periklu, jista’ jingħata avviż bil-quddiem, limitat b’mod strett għall-perjodu minimu taż-żmien neċessarju.

8.   L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha tfassal rapport ta’ kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.

Ir-rapport ta’ kontroll għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin:

(a)

parti ġenerali li jkun fiha, b’mod partikolari, it-tagħrif li ġej:

(i)

l-iskema, il-perjodu kopert, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kkontrollati, il-kwantitajiet tal-prodotti koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta’ tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;

(ii)

il-persuni responsabbli preżenti;

(b)

parti li tiddeskrivi, b’mod separat, il-kontrolli mwettqa, u li jkun fiha, b’mod partikolari, it-tagħrif li ġej:

(i)

id-dokumenti li ġew ivverifikati;

(ii)

in-natura u l-estent tal-verifiki mwettqa;

(iii)

ir-rimarki u s-sejbiet.

9.   Għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa b’mod mhux dovut, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 73(1), (3), (4) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (3).

10.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9, f’każ ta’ frodi jew ta’ negliġenza serja li għaliha l-applikant ikun responsabbli, huwa għandu, minbarra li jirkupra l-ammonti mħallsa b’mod mhux dovut skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, jħallas ukoll ammont li huwa ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huwa intitolat għalih l-applikant.

Artikolu 14

Il-powster dwar “Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel”

1.   L-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-“Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel” għandhom jikkomunikaw lill-pubbliku li l-iskema rċeviet appoġġ finanzjarju mill-Komunità Ewropea. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jużaw powster magħmul skont ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness III, li għandu jitqiegħed b’mod permanenti f’post fejn ikun jidher u fejn ikun jista’ jinqara biċ-ċar fid-daħla prinċipali tal-istabbiliment edukattiv li jkun qed jipparteċipa.

2.   F’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-powster imsemmi fil-paragrafu 1, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b’mod ċar kif se jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità Ewropea fl-iskema tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-powsteri, is-siti tal-internet jew kwalunkwe strument ieħor tat-tagħrif jew għar-riklamar dwar l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel ta’ Stat Membru għandhom juru l-bandiera Ewropea u s-sentenza li ġejja: “[it-tip ta’ stabbiliment edukattiv] tagħna jipparteċipa fl-‘Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel’ bl-appoġġ finanzjarju tal-Komunità Ewropea.”

3.   Referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja li l-Komunità Ewropea tkun għamlet disponibbli għandu jkollhom tal-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħrajn li jkunu qed jappoġġaw l-iskema tal-Istat Membru.

Artikolu 15

In-notifiki

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu n-notifiki msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1). Dawn in-notifiki għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lil AGRI-HORT-SCHOOLFRUIT@ec.europa.eu f’format li għandha tiddeċiedi l-Kummissjoni.

Sa mill-2010 ‘il quddiem, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull sena, wara tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1) sat-30 ta’ Novembru tas-sena li fiha jintemm il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1):

(a)

ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ, fejn hemm dispożizzjoni dwaru fl-Artikolu 12;

(b)

il-verifiki fuq il-post li twettqu skont l-Artikoli 13 u 16 u s-sejbiet relatati.

2.   L-għamla u l-kontenut tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ddefiniti abbażi ta’ gwida mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni. Dawn il-mudelli ma għandhomx japplikaw sakemm ma jkunx ġie infurmat il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri u r-riżultati tal-eżerċizzju tagħhom ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni fuq bażi regolari.

4.   F’każ li Stat Membru jbiddel l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 3, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tiegħu bla dewmien, bil-posta elettronika fl-indirizz imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2009 sal-31 ta’ Lulju 2010, l-Istati Membri jistgħu jfasslu strateġija li jkun fiha biss l-elementi prinċipali li ġejjin: il-baġit, il-grupp fil-mira u l-prodotti eliġibbli u, b’deroga mill-Artikolu 3(2), jistgħu jastjenu milli jkollhom il-lista tal-prodotti eliġibbli approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tagħhom. Jistgħu wkoll jipposponu l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament sa tmiem dak il-perjodu.

2.   Għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2009, filwaqt li sal-31 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi biss dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitajra.

3.   Għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 11(2), l-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien erba’ xhur mill-ġurnata tat-tressiq tal-applikazzjoni mimlija b’mod korrett u valida msemmija fl-Artikolu 6(1), filwaqt li l-perċentwal tal-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 13(3) għandu jkopri tal-anqas 10 % tal-għajnuna u 10 % tal-applikanti għall-għajnuna.

Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-15 ta’ April 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 5, 9.1.2009, p. 1.

(3)   ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.


ANNESS I

Lista ta’ prodotti li għandhom jiġu esklużi minn Skema tal-Frott għall-Iskejjel li hija kkofinanzjata mill-għajnuna Komunitarja

Prodotti li fihom:

—

Iz-zokkor miżjud

—

Ix-xaħam miżjud

—

Il-melħ miżjud

—

Sustanzi miżjuda li jagħtu l-ħlewwa


ANNESS II

Allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru

L-Istat Membru

Ir-rata tal-kofinanzjament

f'%

Tfal ta’ bejn is-6 u l-10 snin

numri assoluti

EUR

L-Awstrija

50

439 035

1 320 400

Il-Belġju

50

592 936

1 782 500

Il-Bulgarija

75

320 634

1 446 100

Ċipru

50

49 723

175 000

Ir-Repubblika Ċeka

73

454 532

1 988 100

Id-Danimarka

50

343 807

1 034 000

L-Estonja

75

62 570

282 400

Il-Finlandja

50

299 866

901 200

Franza

51

3 838 940

11 778 700

Il-Ġermanja

52

3 972 476

12 488 300

Il-Greċja

59

521 233

1 861 300

L-Ungerija

69

503 542

2 077 900

L-Irlanda

50

282 388

849 300

L-Italja

58

2 710 492

9 521 200

Il-Latvja

75

99 689

450 100

Il-Litwanja

75

191 033

861 300

Il-Lussemburgu

50

29 277

175 000

Malta

75

24 355

175 000

L-Olanda

50

985 163

2 962 100

Il-Polonja

75

2 044 899

9 222 800

Il-Portugall

68

539 685

2 199 600

Ir-Rumanija

75

1 107 350

4 994 100

Is-Slovakkja

73

290 990

1 276 500

Is-Slovenja

75

93 042

419 200

Spanja

59

2 006 143

7 161 900

L-Iżvezja

50

481 389

1 447 100

Ir-Renju Unit

51

3 635 300

11 148 900

L-UE 27

58

25 920 489

90 000 000


ANNESS III

Ir-rekwiżiti minimi għall-powster dwar l-“Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel”

Id-daqs tal-powster

:

A3 jew akbar

Id-daqs tal-ittri

:

Ċentimetru (1) jew akbar

It-titlu

:

“Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel”

Il-kontenut

:

Tal-anqas il-kliem li ġejjin filwaqt li jitqies it-tip ta’ stabbiliment edukattiv:

“[it-tip ta’ stabbiliment edukattiv (per eżempju skola tat-trabi/skola ta’ qabel l-iskola primarja/skola)] tagħna jipparteċipa fl-‘Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel’ bl-appoġġ finanzjarju tal-Komunità Ewropea.” Il-powster għandu jkollu l-emblema tal-Komunità Ewropea.