31995R1517



Official Journal L 147 , 30/06/1995 P. 0051 - 0054


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1517/95

tad−29 ta' Ġunju 1995

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 dwar l-arranġamenti għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' għalf kompost, abbażi ta' ċereali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1162/95 li jistabilixxi regoli speċifiċi u ddettaljati dwar is-sistema ta' liċenzi ta' importazzjoni u esportazzjoni, ta' ċereali u ross.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali [1] kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja u bir-Regolament (KE) Nru 3290/94 [2], b'mod partikolari Artikoli 10(4), 11 (4), 13 (11) u 16 (2) tagħhom,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1418/76 tal-21 ta' Ġunju 1976 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 3290/94, b'mod partikolari Artikoli 13(4), 14 (16) u 17 rispettivament,

Billi, skond il-kompożizzjoni, l-għalf tal-bhejjem ippreparat, taħt il-Kodiċi NM 2309, jaqa’ taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1766/92 jew ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib [4], kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja u bir-Regolament (KE) Nru 3290/94; billi, fil-każ ta' dawk il-prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1766/92, levies fuq l-importazzjoni għandhom jiġu mibdula f'dazji fuq l-importazzjoni mill-1 ta' Lulju 1995;

Billi Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 jeħtieġ is-sottomissjoni ta' liċenza ta' esportazzjoni jew importazzjoni, għall-prodotti msemmija f'Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament, li jinkludi preparazzjonijiet tat-tipi wżati għall-għalf tal-bhejjem;

Billi Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 jistabbilixi li għandha tingħata rifużjoni fuq l-esportazzjoni għar-rigward tal-oġġetti elenkati f'Anness A ta' dak ir-Regolament; billi l-iskop prinċipali ta' din ir-rifużjoni huwa biex tikkumpensa għad-differenza bejn il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fil-Komunità u dawk fis-suq dinji; billi għandhom jiġu stabbiliti regoli ġenerali għal-għoti ta' din ir-rifużjoni;

Billi, għal-finijiet tal-ħlas ta' din ir-refużjoni, dawk il-prodotti biss li l-kwantitajiet tagħhom huma inkorporati fl-għalf kompost u li l-karatteristiċi tagħhom jirrapreżentaw verament is-sustanza ta' l-ikel in kwistjoni, ibbażat fuq ċereali, jiġifieri, ċereali, dqiq taċ-ċereali, u prodotti mhux preparati miksuba minn ċereali mitħunin u ttrattati, għandhom jiġu meqjusa, bl-esklużjoni ta' prodotti oħra li l-inklużjoni tagħhom f'ikel ta' dan it-tip hija kumplimentari jew marġinali;

Billi l-ammont tar-rifużjoni li għandha x'taqsam ma’ dawn id-diversi prodotti taċ-ċereali, għandha tqis b'mod partikolari id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq dinji u dawk fis-suq tal-Komunità, għaċ-ċereali bażiċi, jiġifieri, qamħirrum, qamħ u barli;

Billi l-aġġustament tar-rifużjonijiet iffissati bil-quddiem għandha tqis il-fatturi li fuqhom ir-rifużjoni kienet bażata; billi dak l-aġġustament għandu jqis il-kontenut tal-prodotti taċ-ċereali;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru1913/69 tad-29 ta' Settembru 1969 dwar l-għoti u l-iffissar bil-quddiem tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' għalf kompost b'bażi ta' ċereali [5], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1707/94 [6], u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1619/93 tal-25 ta' Ġunju 1993 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 dwar l-arranġamenti applikabbli għall-għalf b'bażi ta' ċereali [7] għandu jiġi mħassar mill-1 ta' Lulju 1995; billi dan ir-Regolament jieħu d-dispożizzjonijiet ta' dawk ir-Regolamenti u jaddatahom għas-sitwazzjoni fis-suq preżenti u l-implimentazzjoni tal-ftehim milħuqa, bħala parti mid-Dikjarazzjoni ta' l-Urugwaj tan-negozjati multilaterali dwar il-kummerċ;

Billi, minn meta Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 891/89 [8], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1043/95, ġie inkorporat f'Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1162/95 tat−23 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzi ta' importazzjoni u esportazzjoni taċ-ċereali [1] ĠU No L 106, tal-11.5.1995, p.8., dak ir-Regolament għandu jiġi emendat biex jippermetti l-ħruġ ta' liċenzi skond Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92;

Billi l-Kumitat Amministrattiv taċ-Ċereali ma tax opinjoni fiż-żmien stabbilit mill-President tiegħu stess,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

Rifużjonijiet

Artikolu 1

1. Ir-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM 23091011, 23091013, 23091031, 23091033, 23091051, 23091053, 23099031, 23099033, 23099041, 23099043, 23099051 u 23099053 u li huma elenkati f’Anness A tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92, hawnhekk iżjed il quddiem msejjħa "għalf kompost b'bażi ta' ċereali", għandhom jiġu ffissati skond dan ir-Regolament.

2. L-għalf kompost b'bażi ta' ċereali għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM f'Anness I.

Artikolu 2

1. Matul xahar partikolari, ir-rifużjoni ta' l-esportazzjoni li tistà tingħata fuq għalf kompost b’bażi ta' ċereali, għandha tiġi iffissata għal kull tunellata ta' ta kull ċereali li jkun jinsab fl-għalf kompost, waqt li jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

(a) il-medja tar-rifużjonijiet mogħtija fix-xahar ta' qabel, għaċ-ċereali bażiċi l-aktar użati, aġġustata fuq il-bażi taż-żieda għax-xahar kurrenti;

(b) il-medja tad-dazju ta' importazzjoni għaċ-ċereali bażiċi l-aktar użati;

(ċ) ħwienet u kundizzjonijiet ta' bejgħ tal-prodotti in kwistjoni fuq is-suq dinji;

(d) il-ħtieġa li jiġi evitat tfixkil fis-suq tal-Komunità;

(e) l-aspetti ekonomiċi tal-esportazzjonijiet in kwestjoni.

2. Ir-Rifużjonijiet għandhom jiġu ffissati tal-anqas darba fix-xahar.

Artikolu 3

1. Fejn ikun meħtieġ, ir-rifużjoni għandha tiġi aġġustata skond Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1162/95. L-aġġustament għandu jsir billi tiżdied jew titnaqqas ir-rifużjoni, bl-ammont li jirriżulta minn kull aġġustament li għalih saret referenza fil-paragrafi 1 u 2 ta' Artikolu 12 tar- Regolament (KE) Nru 1162/95, għal kull tunnellata ta' prodott taċ-ċereali li jinsab fl-għalf kompost. Fejn ikun meħtieġ, ir-rifużjoni tistà wkoll tiġi aġġustata fid-dawl tal-prezz tat-trab tal-ħalib għax-xahar ta' l-esportazzjoni.

Fattur korrettiv għal dan il-prodott għandu jiġi iffissat, sabiex jiġi meqjus l-ammont ta' l-għajnuna mogħhtija għat-trab tal-ħalib li jintuża fl-għalf tal-bhejjem matul ix-xahar ta' l-esportazzjoni.

2. Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta' Artikolu 13(8) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92, l-ammont żero m'gandux jitqies bħala rifużjoni u għaldaqstant l-aġġustament li għalih saret referenza f'Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1162/95 m'għandhux japplika.

Artikolu 4

1. L-esportatur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti sa mhux aktar tard mill-mument meta jitlestew il-formalitajiet doganali dwar il-kompożizzjoni totali ta' l-għalf kompost b'bażi ta' ċereali, fejn jiġi speċifikat il-perċentwal ta' kull tip ta' prodott inkorporat bil-pożizzjoni fin-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjoni tal-esportazzjoni, kif ukoll il-kwantità preċiża ta' qamħirrum u ċereali oħra.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jassikuraw l-eżattezza tad-dikjarazzjoni.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, kuljum qabel it-3 p.m. (ħin ta' Brussel), dwar il-kwantitajiet ta' għalf kompost b'bażi ta' ċereali, li għalihom ikunu saru applikazzjonijiet għal-liċenzi.

Din in-notifika għandha tiddistingwi bejn l-applikazzjonijiet b'rifużjoni fuq l-esportazzjoni jew taxxa fuq l-esportazzjoni, u applikazzjonijiet mingħajr rifużjoni.

In-notifika għandha tistqarr ukoll il-kwantitajiet massimi ta' ċereali inklużi fl-għalf kompost, kif jidher fl-applikazzjonijiet għall-liċenzi ta' esportazzjoni.

IT-TITOLU II

Klawsola ta' penali f'każ ta' nuqqas

DIŻPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 6

1. Meta, għal prodott wieħed jew aktar, il-kondizzjonijiet li għalihom saret referenza f'Artikolu 16 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 u f'Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1418/76 jintlaħqu, il-miżurili ġejjin jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni:

(a) applikazzjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni. Din it-taxxa għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni darba fil-ġimgħa. Tista’ tiġi varjata skond id-destinazzjoni;

(b) sospenzjoni totali jew parzjali tal-ħruġ ta' liċenzi fuq l-esportazzjoni;

(ċ) ċaħda totali jew parzjali ta' applikazzjonijiet pendenti għal-liċenzi tal-esportazzjoni.

2. It-taxxa fuq l-esportazzjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1 (a) għandha tkun dik applikabbli fil-jum li fih jitlestew il-formalitajiet doganali.

Madanakollu, fuq talba ta' l-applikant, li għandha tiġi sottomessa fl-istess ħin bħall- applikazzjoni għall-liċenza, it-taxxa fuq l-esportazzjoni applikabbli fil-jum ta' meta tiġi preżentata l-applikazzjoni għal liċenza għandha tapplika għal operazzjoni ta' esportazzjoni li għandha titwettaq matul il-perjodu ta' validità tal-liċenza.

3. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar id-deċizjoni tagħha u tippubblikaha.

Artikolu 7

Sabiex tiġi ikkalkulata r-rifużjoni, il-kontenut ta' għalf kompost b'bażi ta' ċereali fil-prodotti tal-ħalib jistà jiġi stabilit billi jiġi immultiplikat bi tnejn, il-kontenut ta' lattożju f'kull tunnellata tal-prodott involut.

Artikolu 8

Meta, għall-iskopijiet ta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-importazzjonijiet jew għall-esportazzjonijiet irid jiġi stabbilit il-kontenut ta' lamtu jew lattożju, għandhom jiġu stabbiliti metodi analitiċi, għall-lamtu skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 u għall-lattożju skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68.

Artikolu 9

"2. Minkejja Artikolu 13a tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM, 23091011, 23091013, 23091031, 23091033, 23091051, 23091053, 23099031, 23099033, 23099041, 23099043, 23099051 u 23099053, li jkun fihom anqas minn 50 % bħala piż, ta' prodotti tal-ħalib, il-liċenzi ta' esportazzjoni għandhom juru:

- fit-Taqsima 15, id-deskrizzjoni tal-prodott u l-kodiċi bi tmien ċifri diġitali; fil-każ ta' prodotti li jaqgħu taħt tnejn jew aktar sottodiviżjonijiet maġenb xulxin, l-esportatur jistà juri n-nomenklatura ta' rifużjoni bi ħdax-il ċifra diġitali,

- fit-Taqsima 16, ir-referenza "2309",

- fit-Taqsimiet 17 u 18, il-kwantità ta' għalf kompost li jrid jiġi esportat,

- fit-Taqsima 20, il-kontenut ta' prodotti taċ-ċereali li jrid jiġi nkluż fl-għalf kompost, jekk dan ikun magħruf, u għandha ssir distinzjoni bejn qamħirrum u ċereali oħra; jekk inkella tintuża d-dispożizzjoni li għaliha saret referenza hawn fuq, li tannota t-Taqsima 15, il-parenteżi li turi l-kwantitajiet ta' qamħirrum u ċereali oħrajn inklużi.

Id-dettalji inklużi fl-applikazzjonijiet, għandhom jintwerew fuq il-liċenzi ta' l-esportazzjoni."

Artikolu 10

Regolamenti (KEE) Nru 1913/69 u (KEE) Nru 1619/93 huma mħassra mill-1 ta' Lulju 1995. Madanakollu, għandhom jibqgħu japplikaw għal-liċenzi maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 1995.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-ċertifikati maħruġa mill-1 ta' Lulju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu, u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Ġunju 1995.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU No L 181, ta' l-1.7.1992, p. 21.

[2] ĠU No L 349, tal-31.12.1994, p. 105.

[3] ĠU No L 166, tal-25.6.1976, p. 1.

[4] ĠU No L 148, tat-28.6.1968, p. 13.

[5] ĠU No L 94, tas-7.4.1989, p. 13.

[6] ĠU No L 155, tas-26.6.1993, p. 24.

[7] ĠU No L 180, ta' l-14.7.1994, p. 19.

[8] ĠU No L 246, tat-30.9.1969, p. 11.

--------------------------------------------------

ANNESS

Kodiċi NM | Deskrizzjoni ta' l-oġġetti |

2309 | Preparazzjonijiet tat-tip użati fl-għalf tal-bhejjem: |

ex230910 | — Ikel tal-klieb jew tal-qtates, preżentati għall-bejgħ bl-imnut |

| — — Li fihom il-lamtu, il-glukożju, il-ġulepp tal-glukożju, il-maltodestrina jew il-ġulepp tal-maltodestrina li jaqgħu taħt is-subintestaturi 17023051 sa 17023099, 17024090, 17029050 u 21069055 jew prodotti tal-ħalib: |

| — — — Li fihom il-lamtu, il-glukożju, il-ġulepp, il-maltodestrina jew il-ġulepp tal-maltodestrina: |

| — — — — Li ma fihom ebda lamtu jew li fihom 10 % lamtu jew inqas skond il-piż |

23091011 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23091013 | — — — — — Li fihom aktar minn 10 % imma inqas min 50 % prodotti tal-ħalib skond il-piż |

| — — — — Li fihom aktar minn 10 % imma inqas minn 30 % lamtu skond il-piż |

23091031 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23091033 | — — — — — Li fihom mhux anqas minn 10 % iżda inqas minn 50 % prodott tal-ħalib skond il-piż |

| — — — — Li fihom aktar minn 30 % lamtu skond il-piż |

23091051 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23091053 | — — — — — Li fihom mhux anqas minn 10 % iżda inqas minn 50 % prodotti tal-ħalib skond il-piż |

ex230990 | — Oħrajn: |

| — — — Oħrajn: |

| — — — Li fihom il-lamtu, il-glukożju, il-ġulepp tal-glukożju, il-maltodestrina jew il-ġulepp tal-maltodestrina li jaqgħu taħt is-subintestaturi 17023051 sa 17023099, 17024090, 17029050 u 21069055 jew prodotti tal-ħalib: |

| — — — Li fihom il-lamtu, il-glukożju, il-ġulepp, il-maltodestrina jew il-ġulepp tal-maltodestrina: |

| — — — — Li ma fihom ebda lamtu jew li fihom 10 % lamtu jew inqas skond il-piż |

23099031 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23099033 | — — — — — Li fihom aktar minn 10 % imma inqas min 50 % prodotti tal-ħalib skond il-piż |

| — — — — Li fihom aktar minn 10 % imma inqas minn 30 % lamtu skond il-piż |

23099041 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23099043 | — — — — — Li fihom mhux anqas minn 10 % iżda inqas minn 50 % prodott tal-ħalib skond il-piż |

| — — — — Li fihom aktar minn 30 % lamtu skond il-piż |

23099051 | — — — — — Li ma fihom ebda prodotti tal-ħalib jew li fihom inqas minn 10 % ta' dawn il-prodotti skond il-piż |

23099053 | — — — — — Li fihom mhux anqas minn 10 % iżda inqas minn 50 % prodotti tal-ħalib skond il-piż |

--------------------------------------------------