1992L0013 — MT — 09.01.2008 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/13/KEE

tal-25 ta’ Frar 1992

li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

(ĠU L 076, 23.3.1992, p.14)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/97/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006

  L 363

107

20.12.2006

►M2

DIRETTIVA 2007/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-11 ta’ Diċembru 2007

  L 335

31

20.12.2007


Emendat bi:

 A1

  C 241

21

29.8.1994

 A2

  L 236

33

23.9.2003




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/13/KEE

tal-25 ta’ Frar 1992

li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni ( 4 ) tistabbilixxi regoli għall-proċeduri ta’ akkwist sabiex jiżguraw li fornituri u kuntratturi potenzjali jkollhom opportunità ġusta li jiżguraw l-għoti ta’ kuntratti, iżda ma tikkontjeni ebda dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħha;

Billi l-arranġamenti eżistenti kemm fuq livell nazzjonali kemm Komunitarju sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tagħha mhumiex dejjem adegwati;

Billi l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza tar-rimedji eżistenti jistgħu jżommu l-intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti; billi, għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi ( 5 ), hija limitata għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fil-qasam tad-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi ( 6 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika ( 7 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE;

Billi l-ftuħ ta’ l-akkwist fis-setturi kkonċernati għall-konkorrenza Komunitarja jimplika li għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet biex jiżguraw li jsiru proċeduri approprjati ta’ reviżjoni disponibbli għall-fornituri jew il-kuntratturi fil-każ ta’ ksur tal-liġi Komunitarja rilevanti jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi;

Billi huwa neċessarju li jiġi provdut għal żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni u billi, sabiex ikun hemm effetti tanġibbli, għandhom ikunu disponibbli rimedji effettivi u rapidi;

Billi għandu jittieħed kont tan-natura speċifika ta’ ċerti sistemi legali billi l-Istati Membri jiġu awtorizzati jagħżlu bejn l-introduzzjoni ta’ poteri differenti għall-korpi tar-reviżjoni li jkollhom effetti ekwivalenti;

Billi waħda minn dawn l-għażliet tinkludi l-poter ta’ intervenzjoni diretta fil-proċeduri ta’ akkwist ta’ l-entitajiet kontraenti billi per eżempju jiġu sospiżi, jew billi jitwarrbu deċiżjonijiet jew klawżoli diskriminatorji f’dokumenti jew pubblikazzjonijiet;

Billi l-għażla l-oħra tipprovdi għall-poter li wieħed jeżerċita pressjoni effettiva u indiretta fuq il-partijiet kontraenti sabiex iġegħelhom jikkoreġu xi ksur tal-liġi jew iżommhom milli jikkommettu ksur, u sabiex ikun hemm prevenzjoni kontra l-okkorrenza ta’ ħsara;

Billi pretensjonijiet għal kumpens għandhom dejjem ikunu possibbli;

Billi, meta ssir pretensjoni għal kumpens li jirrappreżentaw l-ispejjeż ta’ preparazzjoni ta’ offerta jew ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti, il-persuna li tagħmel il-pretensjoni m’għandhiex tkun meħtieġa, sabiex tikseb ir-rimbors ta’ l-ispejjeż tagħha, li tipprova li l-kuntratt kien jingħatalha fl-assenza ta’ dan il-ksur;

Billi l-partijiet kontraenti li jikkonformaw mar-regoli ta’ l-akkwist jistgħu jgħarrfu dan permezz ta’ mezzi approprjati; billi dan jeħtieġ eżami, minn persuni indipendenti, tal-proċeduri ta’ akkwist u tal-prattiċi applikati minn dawk il-partijiet;

Billi għal dan l-iskop sistema ta’ ċertifikazzjoni, li tippermetti li ssir dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ l-akkwist pubbliku li għandha ssir f’notifiki ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, hija approprjata;

Billi l-partijiet kontraenti għandu jkollhom l-opportunità li jirrikorru għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni jekk jixtiequ hekk; billi l-Istati Membri għandhom joffrulhom il-possibilità li jagħmlu dan; billi jistgħu jagħmlu dan jew billi jistabbilixxu s-sistema huma stess jew billi jippermettu li l-partijiet kontraenti jkollhom rikors għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita minn Stat Membru ieħor; billi jistgħu jgħaddu l-inkarigu ta’ l-eżaminar taħt is-sistema ta’ ċertifikazzjoni, lil persuni, professjonijiet jew impjegati ta’ istituzzjonijiet;

Billi l-flessibilità neċessarja fl-introduzzjoni ta’ din is-sistema hija ggarantita billi jiġu stabbiliti r-rekwiżiti essenzjali għaliha f’din id-Direttiva; billi d-dettalji operazzjonali għandhom jiġu provduti fl-Istandards Ewropej li għalihom tirreferi din id-Direttiva;

Billii l-Istati Membri jista’ jkollhom il-bżonn li jiddeterminaw id-dettalji operazzjonali, qabel jew f’addizzjoni għar-regoli kontenuti fl-Istandards Ewropej;

Billi, meta impriżi, ma jfittxux reviżjoni, ċertu ksur tal-liġi ma jistax jiġi korrett sakemm mekkaniżmu speċifiku ma jiġix stabbilit;

Billi, għaldaqstant, il-Kummissjoni meta tikkunsidra li jkun sar ksur tal-liġi ċar u manifest matul il-proċedura ta’ għotja ta’ kuntratt, għandha tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u ta’ l-entità kontraenti kkonċernata sabiex jittieħdu passi għall-korrezzjoni minnufih ta’ dak il-ksur;

Billi huwa neċessarju li jiġi provdut għall-possibiltà ta’ konċiljazzjoni fuq livell Komunitarju sabiex il-kwistjonijiet jkunu solvuti b’ mod amikevoli;

Billi l-applikazzjoni fil-prattika ta’ din id-Direttiva għandha tiġi riveduta fl-istess ħin bħal dik tad-Direttiva 90/531/KEE abażi ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi fornita mill-Istati Membri li tikkonċerna l-funzjonament tal-proċeduri nazzjonali tar-reviżjoni;

Billi din id-Direttiva għandha tinġieb fis-seħħ fl-istess ħin bħad-Direttiva 90/531/KEE;

Billi huwa approprjat li r-Renju ta’ Spanja, r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża jingħataw perjodi addizzjonali adegwati għat-trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, b’kont meħud tad-dati ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 90/531/KEE, f’dawk il-pajjiżi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IL-KAPITOLU I

Rimedji fuq livell nazzjonali

▼M2

Artikolu 1

Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni

1.  Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri ta’ appalti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u l-posta ( 8 ), ħlief jekk tali kuntratti jkunu esklużi skond l-Artikoli 5(2), l-Artikoli 18 sa 26, l-Artikolu 29 sa 30 jew l-Artikolu 62 ta’ dik id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħol u ta’ servizzi, ftehim qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fil-każi ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/17/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, partikolarment, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għal raġunijiet li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jista’ jagħti l-każ li jagħmlu talba fir-rigward ta’ danni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat ta’ distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u regoli oħra nazzjonali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

4.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ reviżjoni tkun innotifikat lill-entita’ kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni, sakemm din ma taffettwax il-perijodu sospensiv skond l-Artikolu 3(2) jew kwalunkwe terminu limitu ieħor għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 5.

5.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-entità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi adatti ta’ komunikazzjoni, inkluż faks jew mezzi elettroniċi, li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni għal reviżjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta t-tweġiba tkun ġiet irċevuta.

▼B

L-Artikolu 2

▼M2

Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni

▼B

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

jew:

(a) li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti; u

(b) li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

jew

(ċ) sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-, partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

(d) u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur.

Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħdet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali.

▼M2

2.  Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.  Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-entità kontraenti, jkollu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ waqfien imsemmi fl-Artikolu 2a(2) u l-Artikoli 2d(4) u (5).

3a.  Ħlief fejn stabbilit fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

4.  L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jista’ jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji għall-interessi kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.

▼B

5.  Is-somma li għandha titħallas skond il-paragrafu 1(ċ) għandha tkun imqiegħda f’livell għoli biżżejjed biex tiddiswadi l-entità kontraenti milli tikkommetti jew tippersisti bi ksur. Il-ħlas ta’ dik is-somma jista jiddependi fuq deċiżjoni finali li l-ksur ikun fil-fatt sar.

▼M2

6.  Ħlief kif stipulat fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-kuntratt li ġie konkluż wara li jkun ingħata, għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ li xi deċiżjoni għandha tiġi mwarrba qabel il-ħlas tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt bi qbil ma’ l-Artikolu 1(5), il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minħabba ksur tal-liġi.

▼B

7.  Meta ssir pretensjoni għal kumpens li jirrappreżenta l-ispejjeż tal-preparazzjoni ta’ offerta jew tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għotja, il-persuna li tagħmel il-pretensjoni għandha tkun meħtieġa biss tipprova li jkun sar ksur tal-liġi Komunitarja fis-settur ta’ l-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi u li hija kien ikollha ċans veru li tirbaħ il-kuntratt u li, bħala riżultat ta’ dak il-ksur, dak iċ-ċans ġie effettwat ħażin.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni jistħgu jiġu inforzati b’mod effetiv.

9.  Billi l-entitajiet responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni mhumiex ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barraminnhekk, f’dan il-każ, għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiggarantixxi l-proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali li tkun ittieħdet mill-entità tar-reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilha tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn entità oħra li hija ►M2  qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat ◄ u li tkun indipendenti kemm mill-entità kontraenti u l-entità tar-reviżjoni.

Il-membri ta’ l-entità indipendenti msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinħatru u jispiċċaw il-kariga taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħatra tagħhom, il-perjodu tal-mandat tagħhom, u t-tneħħija tagħhom. Mill-inqas il-President ta’ din l-entità indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħal membri tal-ġudikatura. L-entità indipendenti għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha wara proċedura fejn tisma’ ż-żewġ partijiet, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, permezz tal-mezzi stabbiliti minn kull Stat Membru, jorbtu legalment.

▼M2

Artikolu 2a

Perijodu sospensiv

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) jkollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.  Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt skond id-Direttiva 2004/17/KE, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati, jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-Deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt tiġi mibgħuta lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk għad ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li jkunu kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

— sommarju tar-raġunijiet rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, u

— dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu sospensiv eżatt applikabbli skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.

Artikolu 2b

Derogi mill-perijodu sospensiv

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:

(a) jekk id-Direttiva 2004/17/KE ma tirrikjedix pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(b) jekk l-uniku offerent ikkonċernat fis-sens ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva huwa dak li jiġi mogħti l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati;

(ċ) fil-każ ta’ kuntratti speċifiċi bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri kif previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/17/KE.

Jekk tkun invokata din id-deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun ineffettiv skond l-Artikoli 2d u 2f ta’ din id-Direttiva, fejn:

— ikun hemm ksur ta’ l-Artikoli 15(5) jew (6) tad-Direttiva 2004/17/KE, u

— il-valur tal-kuntratt ikun stmat li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/17/KE.

Artikolu 2ċ

Termini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni

Meta l-Istati Membri jipprovdu li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-entita’ kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 2d

Ineffettività

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:

(a) jekk l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skond id-Direttiva 2004/17/KE;

(b) fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali,fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2004/17/KE, jekk dak il-ksur ikun affettwa l-opportunita’ għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni biex jikseb il-kuntratt;

(ċ) fil-każi ta’ ksur imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu ta’ waqfien għal kuntratti li huma bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri.

2.  Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom ikunu stabbiliti mill-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ għalhekk tipprovdi għall-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa. Fl-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2).

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entita’ kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt bħala ineffettiv, minkejja li jkun ingħata illegalment għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom ikunu applikati minflok.

L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

— l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa permissibbli skond id-Direttiva 2004/17/KE,

— l-entità kontraenti tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u

— il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika.

5.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

— l-entità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt huwa bi qbil ma’ l-Artikoli 15(5) u (6) tad-Direttiva 2004/17/KE,

— l-awtorità kontraenti tkun bagħtet deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt flimkien ma’ sommarju tar-raġunijiet kif imsemmi fl-ewwel inċiz tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, lill-offerenti kkonċernati, u

— il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2e

Ksur ta’ din id-Direttiva u penali alternattivi

1.  F’każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikoli 2a(2), mhux kopert mill-Artikolu 2d(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikolu 2d(1) sa (3) jew penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi.

2.  Penali alternattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Il-penali alternattivi għandhom ikunu:

— l-impożizzjoni ta’ multi mill-entità kontraenti; jew

— it-tnaqqis tat-tul tal-kuntratt.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korp ta’ reviżjoni diskrezzjoni wiesgħa biex jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tal-ksur, l-imġieba ta’ l-entità kontraenti u, fil-każi msemmija fl-Artikolu 2d(2), sa meta l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.

L-għoti tad-danni ma jikkostitwixxix piena adegwata għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 2f

Termini ta’ żmien

1.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir

(a) qabel l-iskadenza ta’ mill-anqas 30 jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha

— l-entita’ kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond l-Artikoli 43 u 44 tad-Direttiva 2004/17/KE, sakemm dan l-avviż jinkludi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti biex tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea; jew

— l-awtorità kontraenti tkun infurmat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm din l-informazzjoni jkun fiha sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE. Din l-għażla tapplika wkoll għall-każi imsemmija fl-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva;

(b) u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

2.  Fil-każi l-oħra kollha, inklużi applikazzjonijiet għal reviżjoni skond l-Artikolu 2e(1), it-termini ta’ żmien għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ ll-Artikolu 2ċ.

▼B



IL-KAPITOLU 2

Verifika

▼M2

Artikolu 3a

Kontenut ta’ avviż għal trasparenza ex-ante volontarja

L-avviż imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2d(4), li l-format tiegħu għandu jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3b(2), għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-entità kontraenti;

(b) deskrizzjoni ta’ l-oġġett tal-kuntratt;

(ċ) ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-operatur ekonomiku li favur tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt; u

(e) fejn xieraq, kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala meħtieġa mill-entità kontraenti.

Artikolu 3b

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 ( 9 ) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 10 ) għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

▼B



IL-KAPITOLU 3

Mekkaniżmu korrettiv

▼M2

Artikolu 8

Mekkaniżmu korrettiv

1.  Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċedura li hemm provdut għaliha fil-paragrafi 2 sa 5 meta, qabel ma jkun konkluż kuntratt, hija tqis li jkun seħħ ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond id-Direttiva 2004/17/KE jew fir-rigward ta’ l-Artikolu 27(a) ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ entitajiet kontraenti li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun twettaq ksur serju u titlob il-korrezzjoni tiegħu b’mezzi adegwati.

3.  Fi żmien 21 jum kalendarju minn meta tiġi rċevuta n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

(a) il-konferma tiegħu li l-ksur ġie korrett; jew

(b) sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni; jew

(ċ) notifika li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet sospiża jew mill-entità kontraenti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tas-setgħat speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a).

4.  Sottomissjoni raġunata ikkomunikata skond il-paragrafu 3(b) tista’ sserraħ fost kwistjonijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat huwa diġà suġġett għal proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja, jew ta’ reviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(9). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri hekk kif isir magħruf.

5.  Fejn tkun ingħatat notifika li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru kkonċernat għandu javża lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew meta proċedura ta’ kuntratt oħra relatata kompletament jew parzjalment ma’ l-istess suġġett tkun ġiet mibdija. Dik in-notifika ġdida għandha tikkonferma li l-ksur allegat ġie korrett jew tkun tinkludi sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma tkun saret l-ebda korrezzjoni.

▼B



IL-KAPITOLU 4

Konċiljazzjoni

▼M2

Artikolu 12

Implimentazzjoni

1.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kumitat, biex jagħtuha informazzjoni dwar it-tħaddim tal-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali t-test tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mar-raġunijiet għalihom, li jkunu ttieħdu mill-korpi ta’ reviżjoni tagħhom b’konformità ma’ l-Artikolu 2d(3).

Artikolu 12a

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mit-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tagħha, u partikolarment dwar l-effettività tal-penali alternattivi u ta’ l-iskadenzi.

▼B



IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 13

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jieħu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1995. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża għandhom jieħdu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1997. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi li bihom din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, fl-istess dati bħal dawk (stabbiliti fid-Direttiva 90/531/KEE).

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam rregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M2 —————



( 1 ) ĠU C 216, tal-31.8.1990, p. 8 u

ĠU C 179, ta’ l-10.7.1991, p. 18.

.

( 2 ) ĠU C 106, tat-22.4.1991, p. 82 u

ĠU C 39, tas-17.2.1992

.

( 3 ) ĠU C 60, tat-8.3.1991, p. 16.

( 4 ) ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1.

( 5 ) ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 33.

( 6 ) ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 5.

( 7 ) ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1.

( 8 ) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).;

( 9 ) ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 77/63/KEE (ĠU L 13, 15.1.1977, p. 15).

( 10 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).