European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2064

18.9.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2064

tas-17 ta’ Settembru 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 (3), il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazju anti-dumping definittiv li jvarja minn EUR 0,25 sa EUR 0,74 għal kull kg fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju (“TiO2”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u kkonfermat il-ġbir tad-dazju proviżorju impost qabel.

(2)

Fil-15 ta’ Ottubru 2025, Billions Europe Ltd, sussidjarja indirettament kompletament proprjetà ta’ LB Group Co., Ltd, qablet li takkwista l-assi relatati man-negozju tat-TiO2 li qabel kien operat minn Venator Materials UK Limited (taħt amministrazzjoni) fl-impjant tagħha fi Greatham, ir-Renju Unit (“UK”) (4).

(3)

L-akkwiżizzjoni ġiet approvata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq tar-Renju Unit fit-23 ta’ April 2026 (5).

(4)

Fis-27 ta’ April 2026, LB Group Co., Ltd. ħabbret it-tlestija tal-akkwist tagħha tas-sit tal-manifattura tal-pigment TiO2 Greatham (UK) u l-assi assoċjati tat-TiO2 minn Venator Materials UK Limited (taħt amministrazzjoni), bl-intenzjoni li topera taħt il-marka Tioxide (6).

(5)

L-akkwiżizzjoni tlestiet permezz tas-sussidjarja ta’ LB Group, LB Titanium UK Ltd (7) (il-kumpanija nru 16846918), li ngħatat l-isem ġdid ta’ Tioxide Materials Ltd b’effett mis-27 ta’ April 2026 (8).

(6)

LB Group huwa produttur esportatur Ċiniż attiv fil-produzzjoni u l-bejgħ tat-TiO2. TiO2 esportat minn LB Group miċ-Ċina lejn l-Unjoni huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/4.

(7)

Venator Materials UK Limited hija parti mill-grupp globali ta’ Venator. Venator huwa wieħed mill-produtturi ewlenin tat-TiO2 fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq.

(8)

Peress li ma hemm l-ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tat-TiO2 li joriġinaw mir-Renju Unit, sabiex jiġu mmonitorjati aħjar l-importazzjonijiet mill-assi tal-produzzjoni li huma proprjetà ta’ LB Group, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/4 billi żżid kodiċi TARIC addizzjonali ġdid għal Tioxide Materials Ltd.

(9)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ aktar preċiż tal-importazzjonijiet tat-TiO2 mir-Renju Unit u biex tittejjeb il-granularità tad-data, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li jiġu introdotti kodiċijiet TARIC addizzjonali għal dawn li ġejjin:

—

Tioxide Materials Ltd

—

Tronox Pigments UK Limited, kumpanija relatata ta’ Tronox Pigments Holland B.V. wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/4, li hija waħda mill-produtturi ta’ TiO2 fir-Renju Unit,

—

il-produtturi l-oћra kollha tar-Renju Unit

(10)

Dawn il-kodiċijiet TARIC addizzjonali ġodda se jippermettu lill-Kummissjoni timmonitorja b’mod adegwat l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tat-TiO2 fl-Unjoni, b’mod partikolari l-flussi tal-importazzjoni tat-TiO2 mir-Renju Unit, li mhumiex soġġetti għal miżuri anti-dumping, meta mqabbla mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġett għal miżuri anti-dumping. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data, l-importazzjonijiet tat-TiO2 se jkunu soġġetti għal sorveljanza.

(11)

F’każ li l-kumpaniji bbażati fir-Renju Unit iżidu b’mod sinifikanti l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ TiO2 lejn l-Unjoni u fl-istess ħin l-importazzjonijiet tagħhom lejn ir-Renju Unit taħt il-kodiċijiet TARIC 2823 00 00 10, 2823 00 00 30, 3206 11 00 10 u 3206 11 00 30, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk tali żieda tkunx marbuta ma’ ċirkomvenzjoni possibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036, u tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/4 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Għandhom jinħolqu l-kodiċijiet addizzjonali TARIC ġodda li ġejjin għall-produtturi indikati:

Ir-Renju Unit

Tioxide Materials Ltd

88ET

Ir-Renju Unit

Tronox Pigments UK Limited

88EU

Ir-Renju Unit

Il-produtturi esportaturi l-oћra kollha

8999”

Artikolu 2

1.   L-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC imsemmija fl-Artikolu 1, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, li joriġinaw mir-Renju Unit għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex il-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi x-xejriet statistiċi tal-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju, bl-għan li jiġi żgurat li ma tkunx qed issir ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/4.

2.   Il-miżuri ta’ sorveljanza introdotti mill-paragrafu 1 għandhom jieqfu meta d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jintemm jew jiskadi.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli.reg/2013/952/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 tas-17 ta’ Diċembru 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/4, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/4/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni rilevanti tal-fużjoni u t-tnaqqis sostanzjali tal-kompetizzjoni (https://assets.publishing.service.gov.uk/media/6a213226730aece621f098e6/Full_text_decision.pdf).

(5)   https://www.gov.uk/cma-cases/lb-group-slash-venator-uk-tio2-assets-merger-inquiry#cma-clearance-decision.

(6)   https://www.lomonbillions.global/lb-group-completes-the-acquisition-of-venator-manufacturing-site/.

(7)   Venator Materials UK Ltd (f’amministrazzjoni) tlesti l-bejgħ tas-sit ta’ Greatham u l-assi TiO2 assoċjati lil to LB Group — Venator (https://www.venatorcorp.com/media/media-centre/2026/27-04-2026).

(8)   https://find-and-update.company-information.service.gov.uk/company/16846918.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2064/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)