European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1913

29.2.2024

Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FSP.100147 skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560

(C/2024/1913)

Fis-16 ta’ Frar 2024, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2022/2560, (1) il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond fil-każ imsemmi hawn fuq wara li sabet, abbażi ta’ rieżami preliminari, biżżejjed indikazzjonijiet li CRRC Qingdao Sifang Locomotive Co., Ltd. (il-“Parti Notifikanti”) fil-proċedura tal-akkwist pubbliku deskritta hawn taħt ingħatat sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni fil-fond fir-rigward tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku notifikata huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.

1.   Il-proċedura ta’ akkwist pubbliku

Fl-4 ta’ Settembru 2023, il-Ministeru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-Bulgarija (minn hawn ’il quddiem: l-awtorità kontraenti) nieda proċedura miftuħa ta’ akkwist pubbliku għall-proġett “Bulgarija-Sofija: Lokomottivi tal-ferrovija u tat-tramm u materjal fuq ir-roti u partijiet assoċjati” taħt ir-referenza 2023/S 169–531800 (2) b’valur stmat ta’ EUR 613 765 903,66  (3). L-offerta tikkonċerna l-proġett li ġej: il-forniment ta’ 20 ferrovija elettrika “push-pull” b’emissjonijiet żero fuq pjan wieħed b’veloċità massima ta’ 200 km/h u b’kapaċità ta’ mill-inqas 300 sit kull waħda, il-manutenzjoni sħiħa tal-materjal fuq ir-roti mid-dħul tal-ewwel sett ta’ ferrovija fir-reġistru nazzjonali rilevanti għal perjodu ta’ 15-il sena kif ukoll it-taħriġ tal-persunal. L-iskadenza estiża għas-sottomissjoni tal-offerti kienet it-8 ta’ Diċembru 2023, u sa dik id-data l-awtorità kontraenti rċeviet żewġ offerti.

Fit-3 ta’ Jannar 2024, fl-avviż tagħha bir-referenza 2024/S 002-003259, l-awtorità kontraenti ddikjarat din il-proċedura miftuħa mingħajr suċċess peress li l-ebda waħda mill-offerti rċevuti ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. B’riżultat ta’ dan, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tniedi proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel u stiednet liż-żewġ offerenti li kienu ssottomettew offerta matul il-proċedura miftuħa biex jipparteċipaw fil-proċedura nnegozjata.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti fil-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel kienet is-17 ta’ Jannar 2024.

Fit-22 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni rċeviet notifika skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin mingħand CRRC Qingdao Sifang Locomotive Co., Ltd. mibgħuta mill-awtorità kontraenti dwar il-proċedura ta’ akkwist pubbliku għall-proġett “Bulgarija-Sofija: Lokomottivi tal-ferrovija u tat-tramm u materjal fuq ir-roti u partijiet assoċjati” fil-kuntest ta’ din il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.

2.   Il-Parti Notifikanti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin innotifikati

Il-Parti Notifikanti hija sussidjarja bi sjieda maġġoritarja ta’ CRRC Sifang Co., Ltd., proprjetà ta’ CRRC Corporation Limited. B’mod parallel, il-Parti Notifikanti għandha ishma f’għadd ta’ sussidjarji mingħajr awtonomija kummerċjali attivi kemm fiċ-Ċina kif ukoll f’Singapore, l-Arġentina, l-Eġittu, l-Indoneżja u l-Brażil.

Il-Parti Notifikanti ma rrapportat ebda kontribuzzjoni finanzjarja barranija li potenzjalment taqa’ taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin — normalment ikunu kontribuzzjonijiet bħal dawn li l-aktar li joħolqu distorsjoni fis-suq intern.

Il-Parti Notifikanti ddikjarat li ma rċeviet individwalment l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja barranija individwali ta’ EUR 4 miljun jew aktar għal kull pajjiż terz.

Fl-24 ta’ Jannar 2024, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għall-informazzjoni lill-Parti Notifikanti, bi skadenza biex iwieġbu fis-26 ta’ Jannar 2024, fejn talbu (i) informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda = f’konformità mal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin, (ii) informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin kollha riċevuti mill-entitajiet identifikati taħt il-punt preċedenti, meta l-valur tal-kontribuzzjoni finanzjarja individwali (waħda jew iktar) ikun ugwali għal EUR 4 miljun jew iktar fit-tliet snin qabel in-notifika għal kull pajjiż terz, (iii) informazzjoni dwar jekk ikunux ingħataw xi kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin individwali ta’ EUR 4 miljun jew aktar għal kull pajjiż terz lil kwalunkwe sussidjarja diretta jew indiretta ta’ CRRC Corporation Limited fit-tliet snin qabel in-notifika, u (iv) rapporti annwali jew rapporti finanzjarji rilevanti għat-tliet snin qabel in-notifika. Il-Parti Notifikanti wieġbet għat-talba għal informazzjoni sal-iskadenza.

3.   Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha f’dan l-istadju, (4) il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-Parti Notifikanti — f’konformità mal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin irċeviet is-sussidji barranin li ġejjin skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-FSR:

—

Kuntratti ta’ akkwist pubbliku mogħtija lill-Parti Notifikanti u lil entitajiet ta' CRRC Corporation Limited ta’ aktar minn EUR 7.5 biljun li taw benefiċċju lill-Parti Notifikanti. Tabilħaqq, il-Parti Notifikanti naqset milli tipprovdi biżżejjed evidenza li dawk il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku ngħataw lil entitajiet ta' CRRC Corporation Limited fuq kundizzjonijiet kompetittivi tas-suq. Barra minn hekk, dawk il-kuntratti u l-benefiċċju relatat huma speċifiċi għall-Parti Notifikanti.

—

Bilanċ totali tal-għotjiet tal-gvern ta’ EUR 804 miljun mit-30 ta’ Ġunju 2023, kontabilizzati bħala introjtu differit, li ta benefiċċju lill-Parti Notifikanti, u li huwa speċifiku għall-Parti Notifikanti.

—

Għotjiet tal-gvern “minbarra għotjiet li huma relatati mill-qrib man-negozju tal-kumpanija”, magħmula disponibbli lil CRRC Corporation Limited f’ammonti ta’ EUR 355 miljun għall-2020, EUR 301 miljun għall-2021, EUR 234 miljun għall-2022, u EUR 51 miljun għall-ewwel nofs tal-2023, li taw benefiċċju lill-Parti Notifikanti, u li huwa speċifiku għall-Parti Notifikanti.

4.   Indikazzjoni ta’ distorsjoni fis-suq intern

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji barranin identifikati b’mod preliminari fit-Taqsima 3 jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Parti Notifikanti fis-suq intern u, meta jsir dan, effettivament jew potenzjalment tiġi affettwata b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin.

L-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin indikat hawn fuq jammonta għal madwar EUR 1.745 biljun, għalhekk ħames darbiet akbar mill-valur tal-offerta tal-Parti Notifikanti.

5.   Konklużjoni

Meta jitqies l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin u l-fatt li l-offerta tal-Parti Notifikanti sottomessa għall-proċedura ta’ akkwist pubbliku inkwistjoni hija sostanzjalment aktar baxxa mill-kostijiet stmati tal-awtorità kontraenti u l-offerta tal-kompetitur, il-Kummissjoni, abbażi tar-rieżami preliminari tagħha tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li qed jiġu eżaminati, għandha biżżejjed indikazzjonijiet li l-Parti Notifikanti ngħatat sussidji barranin li jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern.

6.   Stedina għal kummenti

F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2023/1441 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz li taw s-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 3 biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna sottomittenti għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.

F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata. L-anonimità se tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.

Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, il-kummenti jenħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika lil grow-fsr-pp-notifications@ec.europa.eu, bir-referenza FSP.100147.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).

(2)  https://ted.europa.eu/mt/notice/-/detail/531800-2023

(3)  Abbażi tar-rata tal-kambju tas-26 ta’ Jannar 2024, fejn 1 Lev Bulgaru huwa ekwivalenti għal EUR 0,5111.

(4)  Minkejja t-talba tal-Kummissjoni lill-Parti Notifikanti biex telenka l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin, il-Kummissjoni tinnota li mhux l-entitajiet kollha ġew elenkati, għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-entitajiet mhux elenkati rċevew kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin addizzjonali li jikkostitwixxu sussidji barranin.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1913/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)