2013D0798 — MT — 02.12.2014 — 003.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 352, 24.12.2013, p.51) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 70 |
22 |
11.3.2014 |
||
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/382/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014 |
L 183 |
57 |
24.6.2014 |
|
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/863/PESK tal-1 ta' Diċembru 2014 |
L 346 |
52 |
2.12.2014 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK
tat-23 ta’ Diċembru 2013
dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:|
(1) |
Fis-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill esprima t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA). |
|
(2) |
Fil-5 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2127 (2013), li timponi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA). |
|
(3) |
Aktar azzjoni mill-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq lir-Repubblika Ċentru-Afrikana (“RĊA”) minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera jew l-ajruplani tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw kif ukoll jekk ma joriġinawx mit-territorji tagħhom.
2. Għandu jkun pprojbit:
(a) l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;
(b) l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;
(c) il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:
(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, u l-għoti ta' assistenza teknika relatata jew assistenza ta' finanzjament jew finanzjarja, maħsuba biss għall-appoġġ ta' jew l-użu mill-missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ fir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt Tmexxija Afrikana (MISCA), l-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), il-forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA u l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-RĊA (EUFOR RCA);
(b) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RĊA minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;
(c) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi żgħar u materjal relatat intenzjonati biss biex jintużaw f'pattulji internazzjonali li jipprovdu sigurtà fiż-Żona Protetta nazzjonali bi tliet partijiet tax-Xmara Sangha għad-difiża kontra serq, kuntrabandu tal-ivorju u l-armi, u attivitajiet oħra li jmorru kontra l-liġijiet nazzjonali tar-RĊA jew l-obbligi legali internazzjonali tar-RĊA.
2. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:
(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali intenzjonat biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza teknika relatata;
(b) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u tagħmir letali relatat ieħor lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS);
(c) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ieħor, u assistenza teknika jew finanzjarja relatata, inkluż persunal;
kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-KSNU 2127 (2013).
Artikolu 2a
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-tranżitu minn, it-territorji tagħhom tal-persuni magħżula mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-UNSC ('il-Kumitat') bħala persuni involuti fi jew jipprovdu appoġġ għall-atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżizzjonali, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża tranżizzjoni lejn elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinkoraġġixxu l-vjolenza, inklużi persuni:
(a) li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li jkunu direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li jkunu rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir, taħriġ jew assistenza teknika, inkluż il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja, relatat ma' attivitajiet ta' vjolenza ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;
(b) involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, l-immirar ta' persuni ċivili, l-attakki bbażati fuq l-etniċità jew ir-reliġjon, l-attakki fuq skejjel u sptarijiet, jew is-sekwestru u ċ-ċaqliq sfurzat;
(c) li jirreklutaw jew jużaw lit-tfal fil-konflitt bl-armi fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;
(d) li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi, fir-RĊA;
(e) li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fir-RĊA;
(f) involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni, l-isponsorizzar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tal-NU jew preżenzi ta' sigurtà oħrajn, inklużi BINUCA, MISCA, l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) u forzi oħrajn li jappoġġawhom;
(g) li huma mexxejja ta', ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew fuq it-tmexxija ta', entità magħżula mill-Kumitat;
kif elenkat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
2. Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru li jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-dħul jew it-tranżitu huwa meħtieġ biex isir proċess ġudizzjarju.
4. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina skont il-każ li:
(a) l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż;
(b) eżenzjoni tkun tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fir-RĊA u l-istabbiltà reġjonali.
5. F'każijiet fejn, skont il-paragrafu 3 jew 4, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuna elenkata fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuna kkonċernata minnha.
Artikolu 2b
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet magħżula mill-Kumitat bħala li huma involuti fi jew jipprovdu appoġġ għall-atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżizzjonali, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża tranżizzjoni lejn elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinkoraġġixxu l-vjolenza, inklużi persuni u entitajiet:
(a) li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li jkunu direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li jkunu rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir, taħriġ jew assistenza teknika, inkluż il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja, relatat ma' attivitajiet ta' vjolenza ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;
(b) involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, l-immirar ta' persuni ċivili, l-attakki bbażati fuq l-etniċità jew ir-reliġjon, l-attakki fuq l-iskejjel u l-isptarijiet, jew is-sekwestru u ċ-ċaqliq sfurzat;
(c) li jirreklutaw jew jużaw lit-tfal fil-konflitt bl-armi fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;
(d) li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi, fir-RĊA;
(e) li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fir-RĊA;
(f) involuti fl-ippjanar, il-ġestjoni, l-isponsorizzar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tal-NU jew preżenzi ta' sigurtà oħrajn, inklużi BINUCA, MISCA, l-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) u forzi oħrajn li jappoġġawhom;
(g) li huma mexxejja ta', ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew fuq it-tmexxija ta', entità magħżula mill-Kumitat;
jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom, jew entitajiet li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.
Il-persuni u l-entitajiet imsemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
2. L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.
3. Stat Membru jista' jippermetti eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:
(a) neċessarji għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet tal-użu ta' servizzi pubbliċi;
(b) maħsuba esklużivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;
(c) maħsubin esklużivament għall-pagament ta' miżati jew l-ispejjeż tas-servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi ffriżati, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi;
wara li ssir notifika lill-Kumitat mill-Istat Membru kkonċernat dwar il-ħsieb tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.
4. Stat Membru jista' jippermeti wkoll għal eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:
(a) neċessarji għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u approvazzjoni minn dan tal-aħħar;
(b) is-suġġett ta' privileġġ jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza bil-kondizzjoni li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel it-28 ta' Jannar 2014, u ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija f'dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.
5. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità indikata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità ġiet elenkata, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dan il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.
6. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':
(a) imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew
(b) pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi taħt din id-Deċiżjoni;
dment li tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.
Artikolu 2c
Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.
Artikolu 2d
1. Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat jagħżel persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar ta' dik il-persuna jew entità, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil dik il-persuna jew l-entità b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.
2. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità kif adatt.
Artikolu 2e
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.
2. L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tan-nomina mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS
LISTA TA' PERSUNI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2a U TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2b
A. Persuni
1. François Yangouvonda BOZIZÉ (magħruf ukoll bħala: a) Bozize Yangouvonda )
Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1946.
Post tat-twelid: Mouila, il-Gabon.
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Indirizz: L-Uganda.
Informazzjoni oħra: Ommu jisimha Martine Kofio.
Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014.
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali
Bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize ħeġġeġ lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni attwali u biex Bozize jerġa jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize.
Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka. Il-forzi leali lejn Bozize kienu armati b'azzarini tal-assalt, artiljerija tal-murtali u rocket-launchers u qed jieħdu sehem dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA marret malajr għall-agħar wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka meta nqatlu aktar minn 700 persuna.
2. Nourredine ADAM (magħruf ukoll bħala: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam)
Deżinjazzjoni: a) Ġeneral; b) Ministru għas-Sigurtà; c) Direttur Ġenerali għall-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi”.
Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970.
Post tat-twelid: Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Nru tal-passaport: D00001184
Indirizz: Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.
Informazzjoni addizzjonali
Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp “Fundamental” li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-ex Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Ċad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-ex President tar-RĊA Francois Bozize.
Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Seleka, il-forzi preċedenti tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-ex-Seleka li jaħdmu fir-RĊA.
Nourredine kien elenkat ukoll fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ”.
Informazzjoni addizzjonali
Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-'Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi' (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiques — CEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.
Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali”.
Informazzjoni addizzjonali
Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad.
3. Levy YAKETE (magħruf ukoll bħala: a) Levi Yakite; b) Levy Yakété; c) Levi Yakété)
Data tat-twelid: a) 14 ta' Awwissu 1964 b) 1965.
Post tat-twelid: Bangui (Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana).
Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Indirizz: Nantes, Franza.
Informazzjoni oħra: Missieru jismu Pierre Yakété u ommu jisimha Joséphine Yamazon.
Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Yakete ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.”
Informazzjoni addizzjonali
Fis-17 ta' Diċembru 2013, Yakite sar il-koordinatur politiku tal-grupp ta' ribelli anti-Balaka tal-Moviment ta' Reżistenza tal-Poplu għar-Riforma tar-Repubblika Ċentru-Afrikana li kien għadu kif jifforma. Kien involut direttament fid-deċiżjonijiet ta' grupp ta' ribelli li kien involut f'atti li heddew il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-RĊA, b'mod partikolari fil-5 ta' Diċembru 2013 u minn dakinhar 'l hawn. Barra minn hekk, dan il-grupp ġie individwat espliċitament mir-Riżoluzzjonijiet 2127, 2134 u 2149 għal tali atti. Yakite ġie akkużat li ordna l-arrest ta' persuni marbuta mas-Seleka, li sejjaħ biex jiġu attakkati dawk li ma jappoġġawx lill-President Bozize, u li rrekluta membri tal-milizzja żgħażagħ biex jattakkaw b'machetes lill-persuni ostili għar-reġim. Wara li baqa' fil-grupp ta' nies qrib François Bozizé wara Marzu 2013, huwa ngħaqad mal-Front biex Titreġġa' Lura l-Ordni Kostituzzjonali fir-RĊA (Front pour le Retour à l'Ordre Constitutionnel en CentrAfrique — FROCCA), li kellu l-għan li jreġġa' lura fil-poter lill-president iddestitwit b'kull mezz possibbli.
Lejn l-aħħar tas-sajf tal-2013, huwa vvjaġġa fil-Kamerun u l-Benin, fejn ipprova jirrekluta persuni biex jiġġieldu kontra s-Séléka. F'Settembru 2013, ipprova jerġa' jikseb il-kontroll tal-operazzjonijiet immexxija mill-ġellieda favur Bozizé fl-ibliet u l-irħula qrib Bossangoa. Yakété huwa wkoll issuspettat li ppromwova d-distribuzzjoni ta' machetes lil Kristjani żgħażagħ qiegħda biex jiffaċilita l-attakki tagħhom kontra l-Musulmani.
B. Entitajiet