|
6.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/64 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni għas-sostenn ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju għall-perjodu 2014-2020”
COM(2012) 782 final — 2012/0364 (COD)
2013/C 161/12
Relatur: is-Sur PEZZINI
Nhar l-24 ta’ Jannar 2013 u nhar il-15 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni għas-sostenn ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju għall-perjodu 2014-2020
COM(2012) 782 final - 2012/0364 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2013.
Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 82 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Din il-proposta hija estensjoni għall-perjodu 2014-2020 tal-programm imniedi mill-Kummissjoni fl-2009, għall-finanzjament tal-korpi li jaħdmu fil-qasam tar-rappurtaġġ u l-awditjar finanzjarju. Minn meta beda l-programm s’issa, is-settur kellu ħafna tibdil. Il-korpi tnaqqsu għal tlieta biss: l-IFRS: l-Istandards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju, l-EFRAG, il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, u l-PIOB, il-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku. |
|
1.2 |
Il-KESE japprova l-programm inġenerali u jirrikonoxxi l-valur għoli tar-rappurtaġġ u l-awditjar finanzjarju bħala bażi ta’ suq b’saħħtu u trasparenti. Min-naħa l-oħra, m’għandux biżżejjed informazzjoni biex jiġġudika l-adegwatezza tal-ammonti attribwit, għall-ħidma ta’ kull programm, u lanqas jista’ jkollu opinjoni propja dwar l-adegwatezza tal-”prodott” ta’ kull istituzzjoni għall-ħtiġijiet tal-utenti, li jidher li għandhom opinjoni pożittiva għall-aħħar tiegħu. |
|
1.3 |
Il-kriżi finanzjarja, li għadu jħabbat wiċċu magħha s-suq, uriet il-bżonn dejjem jikber ta’ informazzjoni iktar preċiża u ta’ standards ta’ verifika dejjem iktar effettivi; iżda għalxejn ikun hemm dawn l-istrumenti jekk l-”utenti” ta’ dawn is-servizzi ma jkunux kapaċi jużawhom sew. Għalhekk meħtieġ taħriġ ta’ esperti ta’ livell għoli fis-settur pubbliku u privat; l-UE, l-Istati Membri u l-intrapriżi għandhom jiddedikaw kull sforz għal dan, b’impenn adegwat ta’ fondi. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill maħsuba biex tappoġġja l-attivitajiet tal-korpi involuti fl-iżvilupp tal-prinċipji u l-istandards fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar, għall-perjodu bejn l-1 Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020. Il-pjan preċedenti, tal-2009, jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013. Uħud mill-korpi previsti fil-pjan oriġinali ġew assorbiti minn oħrajn; din il-proposta tkopri għalhekk il-uniċi benefiċjarji li jifdal, jiġifieri l-Fondazzjoni IFRS (is-suċċessur legali tal-IASCF), l-EFRAG u l-PIOB. Din it-tema tapplika għas-settur privat. Is-settur pubbliku huwa suġġett għar-Regolament (KE) Nru 2223/96 tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali tal-Komunità (SEC 95) li jistabilixxi l-prinċipji tat-tfassil tal-bilanċi pubbliċi. |
|
2.2 |
Din il-proposta, bħar-rapport li jakkumpanjaha, tant għandha akronimi, li diffiċli jinftehmu l-akronimi kollha u r-relazzjonijiet bejn l-entitajiet differenti li jissemmew fit-test. Għalhekk hemm bżonn ta’ gwida għall-akronimi u l-organigrammi biex id-dokumenti jinqraw iktar faċilment, billi dawn, għalkemm imfassla bl-użu ta’ terminoloġija teknika preċiża, huma ta’ sfida biex jinftehmu anke għal dawk li jaħdmu f’dan il-qasam stess. |
|
2.3 |
Il-gwida tiddeskrivi b’mod mill-iktar issemplifikat il-korpi benefiċjarji li ġejjin:
|
|
2.4 |
L-entitajiet, li jingħataw finanzjament sostanzjali, jittrattaw suġġett tekniku ħafna u diffiċli jiftiehem jekk mhux mill-ispeċjalisti fil-qasam. Għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għamlitx konsultazzjonijiet esterni u llimitat ruħha li tevalwa l-adegwatezza tal-kontribuzzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza u l-għarfien tagħha. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonfermat li l-programm ta’ finanzjament laħaq l-aspettattivi u l-miri previsti. |
3. Kummenti u proposti
|
3.1 |
Il-KESE diġà kkummenta (2) dwar il-programm oriġinali, fejn ta appoġġ lill-proposti tal-Kummissjoni, b’xi riżervi u proposti li se jerġgħu jissemmew f’dan it-test fejn meħtieġ. Bħal f’dak iż-żmien, nerġgħu naqblu ma il-prinċipju tal-ħtieġa li jkunu ffinanzjati attivitajiet ta’ istituzzjonijiet li jaqdu rwol delikat ħafna u ta’ importanza kbira. Madanakollu, mhux possibli opinjoni dwar il-livell tal-finanzjamenti, billi l-kejl ta’ dawn jiddependi minn għarfien speċifiku, li għandhom biss grupp żgħir ta’ speċjalisti. |
|
3.2 |
Diġà kienet bdiet il-kriżi finanzjarja fl-2009, meta nħoloq il-programm, iżda forsi dak iż-żmien kien għadu kmieni wisq biex issir analiżi fuq livell wiesa’, li tinkludi l-inqas aspetti evidenti tal-kawżi, jew aħjar tal-fatturi li kkontribwew, għal dak li ġara. Iż-żmien li għadda u dak li ġara sadanittant, iħalluna nagħmlu xi riflessjoni ulterjuri. |
|
3.3 |
Ir-rappurtaġġ finanzjarju u t-tekniki tal-kontabbiltà iqumu l-flus: jiswew iktar meta din il-ħidma trid issir minn speċjalisti li diffiċli jinstabu fis-suq u meta l-istudju universitarju huwa biss bażi biex jintlaħqu kompetenzi għoljin permezz tal-esperjenza. Mhux hekk biss: dawn l-ispeċjalisti jrid ikollhom kwalità morali għolja, sabiex tkun garantita r-riżervatezza tal-informazzjoni u n–newtralità tal-analiżi tagħhom; dan kollu jwassal għall-konklużjoni li l-finanzjament tal-entitajiet operattivi huwa ċertament utli, iżda huwa meħtieġ ukoll taħriġ ta’ speċjalisti, mħallsa u inċentivati kif xieraq. |
|
3.3.1 |
Meta nitkellmu dwar “speċjalisti” normalment naħsbu f’dawk li huma responsabbli mill-ipproċessar tal-informazzjoni jew tar-regoli, iżda utenti tagħhom, dawk li għalihom l-informazzjoni hija għodda għall-ħidma u l-istandards huma gwida għall-attivitajiet tagħhom irridu nqisuhom ukoll bħala speċjalisti. Huwa ċar li d-disponibbiltà ta’ riżorsi umani mħarrġa b’mod adegwat hija prijorità, mhux biss għal dawk li jipproduċu l-informazzjoni, iżda wkoll għal dawk li jridu jużawha: l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji, il-leġiżlaturi, in-negozji, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka. |
|
3.4 |
Għalhekk flimkien mat-taħriġ, l-aspett tal-kwalità tal-informazzjoni huwa importanti: fil-punt 3.1 intqal li huwa diffiċli jsir ġudizzju dwar il-livelli ta’ finanzjamenti proposti, saħansitra aktar diffiċli u każwali jkun ġudizzju bbażat fuq il-valur miżjud tal-utilità li huma jikkostitwixxu għall-utenti. Nistgħu biss naċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni rigward l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet, ibbażat biss fuq il-fiduċja u l-apprezzament tar-raġunijiet. |
|
3.5 |
Fl-opinjoni (3) preċedenti ppreżentat fl-2009, waqt it-tnedija tal-programm, il-Kumitat kien irrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali sabiex tiġi evitata influwenza mhux xierqa jew interferenza fis-suq tat-titoli (4) regolati mill-IASCF u l-EFRAG, l-argument kien tqajjem mill-Kummissjoni nnifisha, li kienet talbet kontribuzzjoni Komunitarja sabiex tiġi evitata “influwenza mhux xierqa tal-partijiet interessati.” Din il-kwistjoni importanti u sensittiva ma tidher imkien fir-Regolament il-ġdid propost; il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma l-fiduċja sħiħa tagħha fl-indipendenza ta’ dawn il-korpi. L-istess japplika għall-PIOB (5). |
|
3.6 |
Fir-rigward tal-EFRAG, huwa nnotat li l-Kummissjoni tikkofinanzja dan il-korp f’isem l-Istati Membri ż-żgħar (l-akbar jikkontribwixxu direttament). Probabbilment il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni ma tinbidilx wisq jekk l-Istati ż-żgħar iħallsu s-sehem tagħhom, forsi anke simbolika. Iżda l-ġest jindika involviment responsabbli tal-pajjiżi kollha tal-Komunità0 fil-korpijiet ta’ importanza komuni, irrispettivament mid-daqs ta’ kull membru. |
|
3.7 |
L-istandards tal-IFRS (Standards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju) jistabbilixxu l-valur tal-intrapriżi bil-valur tas-suq (mark-to-market). Matul il-kriżi finanzjarja ġie osservat li dawn l-istandards jista’ jkollhom effett proċikliku u li ma jippjanax għat-tul. Il-KESE jissuġġerixxi li ssir valutazzjoni tal-ispejjeż/benefiċċji ta’ dawn l-istandards, pereżempju fil-qafas tal-programm inkwistjoni. |
|
3.8 |
Bħala nota finali, il-KESE jixtieq jenfasizza għal darb’oħra l-importanza tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data, iżda fuq kollox il-ħtieġa li tkun taf kif suppost tifhimhom u tużahom: filwaqt li huwa meħtieġ li jkunu rikonoxxuti l-livell għoli ta’ professjonalità tal-“fornituri”, ħafna għad irid isir fir-rigward tal-kategorija multiformi tal-utenti, permezz tat-taħriġ u l-aġġornamenti xierqa tar-riżorsi umani. |
Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Il-GM huwa magħmul mill-Kummissjoni Ewropea, l-IOSCO (Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli - International Organization of Securities Commission), il-BCBS (il-Kumitat ta’ Basel) u korpi oħra simili fuq livell Ewropew u dinji.
(2) GU C 228 tat-22.09.2009; p. 75; Opinojijiet importanti oħra, speċjalment għal ċerti aspetti spċjalizzati, GU C 191 tad-29.06.2012, p. 61.
(3) Ara n-nota 2.
(4) Ara punt 3.2.1.
(5) Ara punt 3.4.