27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1143/2009

tas-26 ta’ Novembru 2009

li japprova emendi mhux minuri għall-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Picodon de l’Ardèche ou [jew] Picodon de la Drôme (DPO)]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż, u b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa minn Franza għall-approvazzjoni ta’ emendi fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Picodon de l’Ardèche ou Picodon de la Drôme”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

(2)

It-tlaba għall-emenda tirrigwarda, fost oħrajn, l-emenda għad-denominazzjoni tal-prodott “Picodon de l’Ardèche ou Picodon de la Drôme” li jsir “Picodon”. Din hija denominazzjoni tradizzjonali li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, titqies bħala denominazzjoni tal-oriġini u li twettaq il-kundizzjonijiet previsti għad-denominazzjoni protetta tal-oriġini. L-isem Picodon jikkorridpondi għall-forma mqassra, tas-soltu u li tintuża tradizzjonalment fin-negozju u fit-taħdit kurrenti sabiex tindika l-prodott miksub skont l-ispeċifikazzjoni.

(3)

L-emendi li saru jirrigwardaw ukoll kjarifiki dwar id-definizzjoni u l-prattiki użati mill-produtturi waqt l-ipproċessar tal-prodott. L-inklużjoni formali tagħhom fl-ispeċifikazzjoni għandha l-għan li tippreżerva d-denominazzjoni minn riskji potenzjali, u biex tikkaratterizza aħjar lill-prodott billi ssaħħaħlu r-rabta mal-oriġini. Finalment, l-isem tad-Digriet nazzjonali li jipproteġi d-denominazzjoni ġie aġġornat.

(4)

Minħabba li l-emendi konċernati mhumiex minuri fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni, kif jitlob l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament imsemmi, ippubblikat it-talba għall-emendi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Minħabba li ma ntbagħtet l-ebda stqarrija ta’ oġġezzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2006, l-emendi għandhom jiġu approvati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan, l-emendi tal-ispeċifikazzjoni ppublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw id-denominazzjoni mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament, huma approvati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.

(3)   ĠU C 74, 28.3.2009, p. 74.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I għat-Trattat:

Klassi 1.3 —   Ġobnijiet

FRANZA

Picodon (DPO)