|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1349 |
22.5.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/1349 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Mejju 2024
li jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1148
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2) u 79(2)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Jenħtieġ li l-Unjoni, filwaqt li tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tiżgura n-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għall-persuni, tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil u l-migrazzjoni, il-kontroll fil-fruntieri esterni u r-ritorni, u tipprevjeni movimenti mhux awtorizzati bejn l-Istati Membri, abbażi ta’ solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, li hija ġusta wkoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi u tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali. |
|
(2) |
L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jirrazzjonalizza, jissimplifika u jarmonizza l-arranġamenti proċedurali tal-Istati Membri billi jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera. Jenħtieġ li dik il-proċedura tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera prevista fir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-“proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera”). |
|
(3) |
Għal dawk l-Istati Membri mhux marbuta bir-Regolament (UE) 2024/1348, jenħtieġ li r-referenzi f’dan ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2024/1348 jinftiehmu bħala referenzi għal dispożizzjoni ekwivalenti li setgħu introduċew fil-liġi nazzjonali tagħhom. |
|
(4) |
Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom huma parti. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-aħjar interessi tat-tfal jkunu kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li possibbilment jaffettwaw lill-minuri. |
|
(6) |
Ħafna applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jsiru fil-fruntiera esterna jew f’żona ta’ tranżitu ta’ Stat Membru, inkluż minn persuni maqbuda b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna, jiġifieri fl-istess ħin tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew qrib dik il-fruntiera esterna wara li tkun inqasmet, jew minn persuni żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ. Sabiex jitwettaq skrinjar ta’ identifikazzjoni, sigurtà u saħħa fil-fruntiera esterna u sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi ikkonċernati jiġu diretti għall-proċeduri rilevanti, huwa meħtieġ skrinjar. Jenħtieġ li wara l-iskrinjar, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi jiġu diretti lejn il-proċedura xierqa tal-ażil jew tar-ritorn, jew id-dħul jiġi rrifjutat. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita fażi ta’ qabel id-dħul li tikkonsisti fi proċeduri ta’ skrinjar u proċeduri tal-ażil fuq il-fruntiera, kif applikabbli, u għar-ritorn. Jenħtieġ li jkun hemm rabtiet effiċjenti u bla intopp bejn l-istadji kollha tal-proċeduri rilevanti għall-wasliet irregolari kollha. |
|
(7) |
Id-dħul fit-territorju ma huwiex awtorizzat fejn applikant ma jkollu l-ebda dritt li jibqa’ fit-territorju, fejn ma jkunx talab li jitħalla jibqa’ għall-finijiet tal-proċedura ta’ appell prevista fir-Regolament (UE) 2024/1348, jew fejn qorti jew tribunal ikun iddeċieda li jenħtieġ li ma jitħalliex jibqa’ sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ din il-proċedura ta’ appell. F’każijiet bħal dawn, biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-proċedura tal-ażil u l-proċedura tar-ritorn, jenħtieġ li l-proċedura tar-ritorn titwettaq ukoll fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-fruntiera għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il ġimgħa. Jenħtieġ li dan il-perjodu jibda mill-mument li fih l-applikant, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida ma jibqax ikollha d-dritt li tibqa’ fit-territorju jew ma titħalliex aktar tibqa’ fit-territorju. |
|
(8) |
Biex jiġi ggarantit it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura fuq il-fruntiera, fejn Stat Membru jkun iddeċieda li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) skont id-deroga rilevanti stabbilita fih għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi u dak l-Istat Membru ma joħroġx deċiżjoni ta’ ritorn liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jenħtieġ li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni tal-applikant, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida kkonċernata jkunu f’konformità mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE dwar dispożizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-iskop ta’ dik id-Direttiva u jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn. |
|
(9) |
Meta tiġi applikata l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, jenħtieġ li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE, peress li jirregolaw l-elementi tal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera li mhumiex stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk dwar id-definizzjonijiet, dispożizzjonijiet aktar favorevoli, in-non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa, ir-riskju ta’ ħarba, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, il-perjodu għat-tluq volontarju, id-deċiżjoni ta’ ritorn, it-tneħħija, il-posponiment tat-tneħħija, ir-ritorn u t-tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjati, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul, is-salvagwardji sakemm isir ir-ritorn, id-detenzjoni, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, id-detenzjoni ta’ minuri u familji, u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ dħul u moviment mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi b’soġġorn illegali soġġetti għall-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, jenħtieġ li jingħata perjodu għat-tluq volontarju. Jenħtieġ li l-perjodu għat-tluq volontarju jingħata biss fuq talba u jenħtieġ li la jaqbeż 15-il jum u lanqas ma jagħti dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-persuni kkonċernati jikkonsenjaw kwalunkwe dokument tal-ivvjaġġar validu fil-pussess tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti sakemm ikun meħtieġ biex jiġi evitat li jaħarbu. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-ritorn stabbiliti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà diskrezzjonali għall-Istati Membri li fi kwalunkwe ħin jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt li jibqa’ fit-territorju għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew raġunijiet oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali. |
|
(10) |
Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew peruna apolida b’soġġorn illegali ma jirritornax, jew ma jitneħħiex, fil-perjodu massimu tal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-proċedura ta’ ritorn tkompli kif previst fid-Direttiva 2008/115/KE. |
|
(11) |
Fejn applikant, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tkun ġiet detenuta waqt il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera prevista fir-Regolament (UE) 2024/1348 ma jibqax ikollha d-dritt li tibqa’ fit-territorju u ma tħallietx tibqa’ fit-territorju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu d-detenzjoni għall-fini li jipprevjenu d-dħul fit-territorju u li jwettqu l-proċedura tar-ritorn, f’konformità mal-garanziji u l-kundizzjonijiet għad-detenzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2008/115/KE. Jenħtieġ li d-detenzjoni tkun possibbli wkoll għal applikant, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ma tkunx ġiet detenuta matul tali proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, li ma jibqax ikollha d-dritt li tibqa’ fit-territorju u li ma tħallietx tibqa’ fit-territorju, jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jekk dik il-persuna tevita jew tfixkel ir-ritorn, jew jekk tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali. Jenħtieġ li dik id-detenzjoni tkun għal perjodu qasir kemm jista’ jkun u jenħtieġ li ma taqbiżx it-tul massimu tal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera. Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida b’soġġorn illegali ma jirritornax, jew ma jitneħħiex, f’dak il-perjodu u l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera ma tibqax tapplika, jenħtieġ li tapplika d-Direttiva 2008/115/KE. Jenħtieġ li l-perjodu massimu ta’ detenzjoni stabbilit f’dik id-Direttiva jinkludi l-perjodu ta’ detenzjoni applikat matul il-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera tiffaċilita, f’sitwazzjoni ta’ kriżi kif definit fir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi b’soġġorn illegali li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest ta’ kriżi fil-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu u li ma jitħallewx jibqgħu, billi tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-għodod meħtieġa u bi skeda ta’ żmien suffiċjenti għat-twettiq ta’ proċeduri ta’ ritorn bid-diliġenza dovuta. Sabiex ikun jista’ jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’mod effettiv, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tiġi applikata l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera f’sitwazzjoni ta’ kriżi għal applikanti, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi soġġetti għall-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda qabel l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1359 li tiddikjara li Stat Membru qed jiffaċċa sitwazzjoni ta’ kriżi, u li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorju u li ma jitħallewx jibqgħu fit-territorju wara l-adozzjoni ta’ tali Deċiżjoni. |
|
(13) |
F’konformità mal-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dan ir-Regolament ma jaffettwax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna. |
|
(14) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbiliti f’dan ir-Regolament sa minn meta japplika, jenħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali li jidentifikaw lakuni u passi operazzjonali għal kull Stat Membru. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi evalwata f’intervalli regolari. |
|
(16) |
L-objettiv ta’ politika tal-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI), stabbilit, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, bir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huwa li jiżgura ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, b’saħħitha u effettiva, fil-fruntieri esterni, inkluż billi jipprevjeni u jidentifika l-immigrazzjoni illegali u jiġġestixxi b’mod effettiv il-flussi migratorji. Li jiġi permess il-finanzjament tal-appoġġ taħt dak l-Istrument għal azzjonijiet ta’ solidarjetà fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/1148. Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1148 jiġi emendat. |
|
(17) |
Jenħtieġ li jkun possibli li jiġu mobilizzati r-riżorsi tal-BMVI u ta’ fondi rilevanti oħra tal-Unjoni (il-“Fondi”) biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex japplikaw ir-Regolament (UE) 2024/1351, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-użu tal-Fondi u mingħajr preġudizzju għal prijoritajiet oħra appoġġati mill-Fondi. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-allokazzjonijiet skont il-programmi rispettivi tagħhom, inkluż l-ammonti disponibbli wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu. Jenħtieġ li jkun possibli li appoġġ addizzjonali taħt il-Faċilitajiet Tematiċi rilevanti jsiru disponibbli, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li jista’ jkollhom bżonn iżidu l-kapaċitajiet tagħhom fil-fruntieri. |
|
(18) |
Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1148 jiġi emendat biex jiggarantixxi kontribuzzjoni sħiħa mill-baġit tal-Unjoni għan-nefqa eliġibbli totali tal-azzjonijiet ta’ solidarjetà, kif ukoll biex jintroduċi rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet, bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar eżistenti dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi. Jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat ukoll biex jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-BMVI fil-forma ta’ dħul assenjat estern. |
|
(19) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, li jipprevedi regoli temporanji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u li jippermetti l-finanzjament ta’ appoġġ skont ir-Regolament (UE) 2021/1148 għal azzjonijiet ta’ solidarjetà fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2024/1351, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(20) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. |
|
(21) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (9); Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(22) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (11). |
|
(23) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (12) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (13). |
|
(24) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (14) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (15), |
|
(25) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 8, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera. Japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera prevista fl-Artikoli 43 sa 54 tar-Regolament (UE) 2024/1348 (il-“proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera”). Jipprevedi wkoll regoli speċifiċi temporanji dwar il-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi kif definit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2024/1359.
Dan ir-Regolament jemenda wkoll ir-Regolament (UE) 2021/1148, bl-għan li jippermetti l-finanzjament tal-appoġġ skont dak ir-Regolament għal azzjonijiet ta’ solidarjetà fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2024/1351.
2. Il-miżuri temporanji adottati skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità, ikunu xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-applikanti u jkunu konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri skont il-Karta u l-liġi internazzjonali.
3. Il-miżuri fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati biss sal-punt strettament meħtieġ mill-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, b’mod temporanju u limitat u f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. Wara talba, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-miżuri previsti fil-Kapitolu III biss sa fejn previst fid-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2024/1359.
Artikolu 2
Referenzi għar-Regolament (UE) 2024/1348
Għal dawk l-Istati Membri li mhumiex marbuta bir-Regolament (UE) 2024/1348, ir-referenzi f’dan ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2024/1348 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dispożizzjoni ekwivalenti li setgħu introduċew fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew “applikazzjoni” tfisser applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2024/1348; |
|
(b) |
“applikant” tfisser “applikant” kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (13), tar-Regolament (UE) 2024/1348. |
KAPITOLU II
PROĊEDURA TA’ RITORN FUQ IL-FRUNTIERA
Artikolu 4
Proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera
1. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera ma għandhomx ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jibqgħu għal perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il ġimgħa f’postijiet fil-fruntiera esterna jew fil-viċinanza tagħha jew fiż-żoni ta’ tranżitu. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jakkomoda dawn il-persuni f’dawk il-postijiet, jista’ jirrikorri għall-użu ta’ postijiet oħra fit-territorju tiegħu. Il-perjodu ta’ 12-il ġimgħa għandu jibda mid-data li fiha l-applikant, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida ma jibqax ikollha d-dritt li tibqa’ fit-territorju u ma titħalliex tibqa’ fit-territorju. Ir-rekwiżit ta’ residenza f’post partikolari f’konformità ma’ dan il-paragrafu ma għandux jitqies bħala awtorizzazzjoni ta’ dħul jew soġġorn fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kundizzjonijiet f’dawk il-postijiet għandhom jissodisfaw l-istandards ekwivalenti għal dawk tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u tal-kura tas-saħħa f’konformità mal-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) kif japplikaw għal persuni li għadhom meqjusa bħala applikanti.
3. Għall-finijiet ta dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1) sa (5), l-Artikolu 7(2) u (3), l-Artikoli 8 sa 11, l-Artikolu 12, l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 15(2) sa (4) u l-Artikoli 16 sa 18 tad-Direttiva 2008/115/KE.
4. Meta deċiżjoni ta’ ritorn ma tkunx tista’ tiġi infurzata fil-perjodu massimu msemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom ikomplu l-proċeduri ta’ ritorn f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE.
5. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jirritornaw volontarjament fi kwalunkwe mument, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw perjodu għat-tluq volontarju sakemm ma jkunx hemm riskju ta’ ħarba, sakemm l-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera ma tkunx ġiet miċħuda bħala manifestament bla bażi, u sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ta’ riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri. Il-perjodu għat-tluq volontarju għandu jingħata biss fuq talba u la għandu jaqbeż il-15-il jum u lanqas ma għandu jagħti dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tali persuni għandhom jikkonsenjaw kwalunkwe dokument tal-ivvjaġġar validu fil-pussess tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti sakemm ikun meħtieġ biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba.
6. L-Istati Membri li, wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, joħorġu ċaħda ta’ dħul f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u li ddeċidew li ma japplikawx id-Direttiva 2008/115/KE f’każijiet bħal dawn skont l-Artikolu 2(2), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva, għandhom jiżguraw li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi soġġetti għal ċaħda ta’ dħul ikunu f’konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115/KE, u jkunu ekwivalenti għat-trattament u l-livell ta’ protezzjoni stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Detenzjoni
1. Id-detenzjoni tista’ tiġi imposta biss bħala l-aħħar alternattiva jekk jirriżulta li tkun meħtieġa abbażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ u jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħra inqas koerċittivi.
2. Persuni kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament li ġew detenuti matul il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, li ma għadx għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju u li ma jitħallewx jibqgħu, jistgħu jkomplu jiġu detenuti għall-fini tal-prevenzjoni tad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tat-tħejjija tar-ritorn tagħhom jew tat-twettiq tal-proċess ta’ tneħħija.
3. Persuni kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament li ma kinux detenuti matul il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, li ma għadx għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju u li ma jitħallewx jibqgħu fit-territorju, jistgħu jiġu detenuti jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/115/KE, jekk jevitaw jew ifixklu t-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija jew jekk ikunu ta’ riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.
4. Id-detenzjoni għandha tinżamm għal perjodu kemm jista’ jkun qasir, u biss sakemm ikun jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija, u filwaqt li l-arranġamenti għaliha jkunu għaddejjin u jiġu eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Il-perjodu ta’ detenzjoni ma għandux jaqbeż il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament u, fejn detenzjoni konsekuttiva tinħareġ immedjatament wara perjodu ta’ detenzjoni kif previst skont dan l-Artikolu, dak il-perjodu ta’ detenzjoni għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-perjodi massimi ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE.
5. Sat-12 ta’ Diċembru 2024, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) għandha, f’konformità mal-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-Regolament, tiżviluppa linji gwida dwar diversi prattiki alternattivi għad-detenzjoni, li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-fruntiera.
KAPITOLU III
DEROGI APPLIKABBLI F’SITWAZZJONI TA’ KRIŻI
Artikolu 6
Miżuri li japplikaw għall-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera f’sitwazzjoni ta’ kriżi
1. F’sitwazzjoni ta’ kriżi kif definit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2024/1359 u fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi b’soġġorn illegali li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 11(3), (4) u (6) tar-Regolament (UE) 2024/1359, li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorju u li ma jitħallewx jibqgħu fit-territorju, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw kif ġej:
|
(a) |
b’deroga mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jtawlu l-perjodu massimu li matulu dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi għandhom jinżammu fil-postijiet imsemmija f’dak l-Artikolu b’perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sitt ġimgħat; |
|
(b) |
b’deroga mill-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament, il-perjodu ta’ detenzjoni ma għandux jaqbeż il-perjodu msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, u għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-perjodi massimi ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE. |
2. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal applikanti, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2024/1359 u li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorju u li ma jitħallewx jibqgħu fit-territorju wara l-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.
3. Organizzazzjonijiet u persuni li skont il-liġi nazzjonali jkollhom permess jipprovdu pariri u konsulenza għandu jkollhom aċċess għal applikanti miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntiera. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti fuq tali azzjonijiet fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, tali limiti ikunu oġġettivament neċessarji għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva ta’ faċilità ta’ detenzjoni, dment li l-aċċess ma jkunx b’hekk limitat severament jew ma jsirx impossibbli.
Artikolu 7
Regoli proċedurali
Meta Stat Membru jqis lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ kriżi kif definit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2024/1359, huwa jista’ jippreżenta talba biex japplika d-derogi previsti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jippreżenta tali talba, għandhom japplikaw l-Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1359, kif rilevanti. Meta proċedura bil-ħsieb li tinkiseb deroga tkun diġà nbdiet skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1359, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talba biex japplikaw id-derogi previsti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet speċifiċi u garanziji
Stat Membru li japplika d-deroga prevista fl-Artikolu 6 għandu jinforma kif xieraq liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi ikkonċernati b’lingwa li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni apolidi jifhmu, jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar il-miżuri applikati u t-tul ta’ żmien tal-miżuri.
KAPITOLU IV
EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (UE) 2021/1148
Artikolu 9
Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1148
Ir-Regolament (UE) 2021/1148 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:
(*1) Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (OJ L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).”;" |
|
(2) |
fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. L-appoġġ taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi ffinanzjat, għall-finijiet ta’ azzjonijiet ta’ solidarjetà, minn kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.” |
|
(3) |
fl-Artikolu 12, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “7a. Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni tista’ tiżdied għal 100 % tan-nefqa eliġibbli totali għal azzjonijiet ta’ solidarjetà.” |
|
(4) |
fl-Artikolu 29(2) l-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt li ġej:
|
|
(5) |
fl-Anness II, il-punt 1, jiżdied il-punt li ġej:
|
|
(6) |
L-Anness VI huwa emendat kif ġej:
|
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 10
Kontestazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi
Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-awtoritajiet pubbliċi jikkontestaw id-deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji, kif previst fil-liġi nazzjonali.
Artikolu 11
Kalkolu tal-limiti ta’ żmien
Kwalunkwe perjodu ta’ żmien preskritt f’dan ir-Regolament għandu jkun ikkalkulat kif ġej:
|
(a) |
fejn perjodu espress f’jiem, f’ġimgħat jew f’xhur għandu jiġi kkalkulat minn meta jseħħ avveniment jew minn meta ssir azzjoni, il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment jew dik l-azzjoni ma għandux jingħadd bħala li huwa parti mill-perjodu inkwistjoni; |
|
(b) |
perjodu espress f’ġimgħat jew f’xhur għandu jintemm mal-iskadenza tal-jum, ikun liema jkun, fl-aħħar ġimgħa jew xahar, li jkun l-istess jum tal-ġimgħa jew li jaqa’ fl-istess data tax-xahar, rispettivament, bħall-jum li fih seħħ l-avveniment jew l-azzjoni li minnha għandu jiġi kkalkulat il-perjodu. jekk, f’perjodu espress f’xhur, il-jum li fih ikollu jiskadi ma jkunx jeżisti fl-aħħar xahar tal-perjodu, il-perjodu għandu jintemm f’nofsillejl tal-aħħar jum ta’ dak l-aħħar xahar; |
|
(c) |
il-limiti ta’ żmien għandhom jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u btajjel uffiċjali fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati; fejn limitu ta’ żmien jintemm is-Sibt, il-Ħadd jew f’vaganza uffiċjali, il-jum tax-xogħol li jmiss għandu jingħadd bħala l-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien. |
Artikolu 12
Miżuri tranżitorji
Sat-12 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għandha tippreżenta pjan ta’ implimentazzjoni komuni lill-Kunsill biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu ppreparati b’mod adegwat biex jimplimentaw il-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2026, filwaqt li tivvaluta kwalunkwe lakuna identifikata u l-passi operazzjonali meħtieġa, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.
Abbażi ta’ dak il-pjan ta’ implimentazzjoni komuni, sat-12 ta’ Diċembru 2024, kull Stat Membru għandu, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, jistabbilixxi pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali li jistabbilixxi azzjonijiet u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Kull Stat Membru għandu jlesti l-implimentazzjoni tal-pjan tiegħu sal-1 ta’ Lulju 2026.
Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-appoġġ tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, u l-Fondi tal-Unjoni jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri, f’konformità mal-atti legali li jirregolaw dawk il-korpi, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-Fondi.
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali.
Artikolu 13
Monitoraġġ u evalwazzjoni
Sat-13 ta’ Ġunju 2028 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri u għandha, fejn xieraq, tipproponi xi emendi.
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport tagħha sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Settembru 2027.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 97 u ĠU C 155, 30.4.2021, p. 64.
(2) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 67 u ĠU C 175, 7.5.2021, p. 32.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024.
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).
(5) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
(6) Ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 (ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48).
(8) Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(10) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(12) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(14) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(16) Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1349/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)