SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
20 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2001/55/KE – Protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati – Artikoli 17 u 19 – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni għall-ażil’ – Artikolu 3(1) – Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja lil persuna li tibbenefika minn protezzjoni temporanja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 18 – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2) – Effett dirett”
Fil-Kawża C‑195/25 [Framholm] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Göteborg, li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
AA,
BA,
CA,
DA,
EA,
FA
vs
Migrationsverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra, u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2025,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AA, BA, CA, DA, EA u FA, minn E. Nygren, jurist, |
|
– |
għal Migrationsverket, minn C. Bexelius u J. M. Edlund, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svediż, minn O. Åbrink u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, M. Debieuvre, C. Faroghi u A. Katsimerou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:
|
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn sitt ċittadini ta’ pajjiżi terzi, benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja, u l-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali intiżi għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/55
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/55 jiddisponi: “Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva: “1. Il-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika ir-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ rifuġjat skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-protezzjoni temporanja b’rigward mistħoqq għad-dritijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fejn jidħol in-nuqqas tat-tfigħ lura. […] 5. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu kondizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni koperti bi protezzjoni temporanja.” |
|
6 |
L-Artikolu 17 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Il-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jridu jkunu kapaċi jiddepożitaw applikazzjoni għall-asil f’kull ħin. 2. L-eżaminazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-asil mhux ipproċessata qabel it-tmiem tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandha tiġi kkompletata qabel it-tmiem ta’ dan il-perodu taż-żmien.” |
|
7 |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/55 jiddisponi: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-protezzjoni temporanja ma’ titgawdiex simultanjment ma’ l-istatus ta’ min ikun qiegħed ifittex l-asil waqt li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet. 2. Meta, wara li tkun ġiet eżaminata applikazzjoni għall-asil, jew meta ma jiġix konċess, meta applikabbli, tip ieħor ta’ protezzjoni lil persuna sabiex tgawdi jew tkun qiegħda tgawdi protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, li din il-persuna tgawdi jew tissokta tgawdi l-protezzjoni temporanja għall-bqija tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni.” |
Id-Direttiva 2011/95
|
8 |
Id-Direttiva 2011/95, adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). |
|
9 |
Il-premessi 12, 23, 24, 33 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.” |
|
11 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jiddisponi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.” |
Id-Direttiva 2013/32
|
13 |
Id-Direttiva 2013/32, adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(d) TFUE, ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168). |
|
14 |
Il-premessi 4 u 13 ta’ din id-direttiva jistipulaw:
[…]
|
|
15 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Għan”: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].” |
|
16 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
[…]” |
|
17 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Ambitu”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.” |
|
18 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.” |
|
19 |
L-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni sussegwenti
|
20 |
Abbażi tad-Direttiva 2001/55, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 55). |
|
21 |
L-Artikolu 2(1) sa (3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jiddisponi: “1. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, b’riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data:
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw jew din id-Deċiżjoni jew protezzjoni adegwata taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, fir-rigward ta’ persuni apolidi, u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l‑24 ta’ Frar 2022 abbażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ skont il-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom. 3. F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva [2001/55], l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Deċiżjoni għal persuni oħra, inklużi persuni apolidi u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom.” |
|
22 |
Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukraina msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ġiet estiża diversi drabi, u fl-aħħar lok bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1460 tal‑15 ta’ Lulju 2025 li testendi l-protezzjoni temporanja introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2025/1460), sal‑4 ta’ Marzu 2027. |
Id-dritt Svediż
|
23 |
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta’ residenza tal-barranin fl-Isvezja u l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali jinsabu fl-Utlänningslag (2005:716) (il-Liġi dwar il-Barranin (2005:716), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”). |
|
24 |
Il-Kapitolu 21 ta’ din il-liġi huwa intiż sabiex jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni temporanja stabbiliti mid-Direttiva 2001/55. Dan il-kapitolu ġie emendat fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85, iżda mhux mad-dħul fis-seħħ tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li ssostitwixxewhom rispettivament. |
|
25 |
L-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-imsemmija liġi jiddisponi: “Il-fatt li barrani jkun kiseb permess ta’ residenza akkumpanjat minn protezzjoni temporanja ma jipprekludix l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4. L-istess japplika għal applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 4, u għal applikazzjoni għal dokument tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 4. L-eżami ta’ applikazzjoni skont l-ewwel paragrafu jista’ jiġi pospost biss jekk ikun hemm raġunijiet partikolari għal dan. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx ġiet eżaminata qabel it-tmiem tal-protezzjoni temporanja, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata kemm jista’ jkun malajr wara dik id-data.” |
|
26 |
L-Uffiċċju, li huwa l-awtorità kompetenti għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza taħt protezzjoni temporanja, għandu joħroġ opinjonijiet legali li jagħtu struzzjonijiet lill-amministraturi tiegħu. |
|
27 |
Konformement mal-opinjoni legali intitolata “Ordningen för prövningen enligt 21 kap. utlänningslagen” (sistema ta’ eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati skont il-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin), l-Artikolu 5 ta’ dan il-kapitolu ma jipprekludix li persuna li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja titlob l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Madankollu, skont din l-opinjoni, il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 5 ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
28 |
AA, ċittadin Niġerjan detentur ta’ permess ta’ residenza permanenti fl-Ukraina, BA, ċittadina Ukraina, u l-erba’ wlied tagħhom, CA, DA, EA u FA, ċittadini Ukraini, huma benefiċjarji, fl-Isvezja, tal-protezzjoni temporanja, fis-sens tad-Direttiva 2001/55. Din il-protezzjoni ngħatatilhom abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, li l-effetti tagħha ġew estiżi, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2025/1460. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
|
29 |
L-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni ppreżentata minn AA bħala infondata sa fejn din kienet tirrigwarda l-istatus ta’ refuġjat u bħala inammissibbli sa fejn kienet tirrigwarda l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. L-applikazzjoni ppreżentata minn BA u l-erbat itfal tagħha ġiet miċħuda bħala infondata sa fejn kienet tirrigwarda l-istatus ta’ refuġjat u miċħuda, mingħajr eżami tal-mertu, sa fejn kienet tirrigwarda l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu dawn l-applikazzjonijiet, l-Uffiċċju indika b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola d-dritt ta’ residenza tal-barranin u l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin, ma kinitx tippermetti lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja, fis-sens tad-Direttiva 2001/55, li jressqu applikazzjoni intiża għall-kisba tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32. |
|
30 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Göteborg, li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
31 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, huma applikabbli għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, fis-sens tad-Direttiva 2001/55. F’dan ir-rigward, id-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/55 għandu jinftiehem bħala d-dritt li jintalab l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, konformement mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “applikazzjoni għall-ażil”, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/55, għandu jinftiehem bħala sinonimu ta’ applikazzjoni għal “protezzjoni internazzjonali”, kif iddefinita fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/55 u tal-istruttura tal-Artikoli 17 u 19 tagħha, li għandhom effett dirett, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, barra minn hekk, kellu jiġi emendat b’mod li jinkludi d-dritt li tippreżenta applikazzjoni intiża għall-kisba tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
|
32 |
L-Uffiċċju jsostni li l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin ma jippermettix li tiġi eżaminata applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn ċittadin barrani li jibbenefika mill-protezzjoni temporanja. Huwa jippreċiża li, wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85, li ġew issostitwiti bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin, li jippermetti liċ-ċittadini barranin benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja li jitolbu l-istatus ta’ refuġjat, ma ġiex emendat fis-sens li dawn iċ-ċittadini jistgħu jitolbu l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Tali għażla hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2001/55 tikkostitwixxi, fil-fatt, sistema speċjali li tapplika qabel u minflok ir-regoli ġenerali dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali intiżi għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. L-għoti tal-protezzjoni temporanja jwassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija d-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil, jiġifieri applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Issa, il-fondatezza tal-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiżi għall-għoti ta’ dan l-istatus ġiet eżaminata qabel ma dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda. |
|
33 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55 kif ukoll dwar ir-rabta tagħhom mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Hija tqis li dawn iż-żewġ direttivi tal-aħħar huma applikabbli kemm għall-applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll għal dik intiża għall-kisba tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55, peress li l-għoti ta’ dawn l-ewwel żewġ status, it-tieni fin-nuqqas tal-ewwel wieħed, huwa s-suġġett tal-istess applikazzjoni. |
|
34 |
B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2001/55 hija intiża sabiex tippermetti ġestjoni rapida ta’ influss massiv ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja u li l-protezzjoni temporanja li hija tipprevedi ma tipprekludix il-preżentazzjoni sussegwenti ta’ applikazzjoni kompleta għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punti 125 sa 127). |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, ukoll, li d-Direttiva 2001/55 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-fatt li l-protezzjoni sussidjarja ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ ażil tal-Unjoni fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, peress li l-protezzjoni sussidjarja ġiet introdotta fid-dritt tal-Unjoni bid-Direttiva 2004/83, issostitwita bid-Direttiva 2011/95. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kliem tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55 u mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, C 126I, p. 1), li l-kunċett ta’ “applikazzjoni għall-ażil”, li jinsab fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2001/55, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi kemm għal applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll għal applikazzjoni għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandhomx effett dirett. Fl-aħħar nett, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn eventwali inkompatibbiltà. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Göteborg, li tiddeċiedi fil-qasam tal-immigrazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
38 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
39 |
Fis‑27 ta’ Marzu 2025, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tiġi milqugħa, minħabba li l-urġenza mitluba minn din id-dispożizzjoni ma kinitx stabbilita f’dan il-każ. |
|
40 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Mejju 2025, din il-kawża ġiet suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
41 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55, moqrija fid-dawl tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lil Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sa fejn din hija intiża li tikseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, għas-sempliċi raġuni li l-applikant jibbenefika mill-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55. |
|
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, bħall-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55, ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħhom, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 50). |
|
43 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/55 jippreċiża li l-protezzjoni temporanja ma tippreġudikax ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, filwaqt li l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil f’kull mument u li l-eżami tal-applikazzjonijiet li ma jkunux ġew ipproċessati qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja għandu jintemm sussegwentement. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/55, jekk, wara l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, l-istatus ta’ refuġjat jew, jekk ikun hemm lok, tip ieħor ta’ protezzjoni ma jingħatax lil persuna li tista’ tibbenefika jew li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, bla ħsara għall-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, li l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja jinkiseb jew jibqa’ miksub lilha għall-perijodu li jkun għad fadal ta’ din il-protezzjoni. |
|
45 |
Għaldaqstant, għalkemm dawn l-artikoli jsemmu espressament biss il-possibbiltà, għal persuna li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja, li titlob u tikseb l-istatus ta’ refuġjat, ma jistax, mill-banda l-oħra, jitqies li mill-formulazzjoni biss tal-imsemmija artikoli jirriżulta li dawn jawtorizzaw lill-Istati Membri jirrifjutaw li jeżaminaw jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikseb l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja sakemm dan l-applikant igawdi mill-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55. |
|
46 |
Fil-fatt, minn naħa, mit-test stess tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li protezzjoni li ma hijiex l-ażil tista’ tiġi rrikonoxxuta lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. Min-naħa l-oħra, la l-Artikoli 3, 17 u 19 ta’ din id-direttiva u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva ma jagħmlu riferiment għall-mod kif il-proċedura intiża għall-kisba tal-protezzjoni sussidjarja tapplika għal persuna li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja skont l-imsemmija direttiva. Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza, fl-istess direttiva, ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward hija spjegata kemm mill-fatt li d-Direttiva 2001/55 ġiet adottata qabel id-Direttiva 2004/83, li stabbilixxiet l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, kif ukoll mill-fatt li l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi qatt ma ġiet emendata. |
|
47 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan imfittex mid-Direttiva 2001/55, mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, l-implimentazzjoni ta’ din il-protezzjoni tfittex, b’mod partikolari, li tevita li s-sistema intiża għall-għoti tal-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali tkun mgħobbija bil-preżentata ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet f’salt intiżi sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, fl-interess kemm ta’ dawn il-persuni spostati kif ukoll ta’ persuni oħra li jitolbu protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi li l-mekkaniżmu tal-protezzjoni temporanja, stabbilit mill-istess direttiva, għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippreżerva l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Istati Membri (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punti 81 u 125). |
|
48 |
Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2001/55 tiżgura, b’mod partikolari, li tinżamm il-possibbiltà effettiva taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja li jiksbu protezzjoni internazzjonali, wara eżami xieraq tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, filwaqt li tiggarantilhom, b’mod immedjat, protezzjoni ta’ portata iżgħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punt 127). |
|
49 |
Issa, tali għan jimmilita favur interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55 li dawn l-artikoli jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkunsidraw li benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja ma jistax jitlob, sakemm iddum din il-protezzjoni, il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. |
|
50 |
Fit-tielet lok, il-kuntest li fih taqa’ d-Direttiva 2001/55 huwa wkoll inklinat li jżomm tali interpretazzjoni, peress li f’dan il-qasam għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-Direttivi 2011/95 u 2013/32 li, bħad-Direttiva 2001/55, jagħmlu parti mill-politika komuni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ dak li attwalment huwa l-Artikolu 78 TFUE. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, bħad-Direttiva 2004/83 li hija tissostitwixxi, id-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-istatus ta’ refuġjat u dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 38). |
|
52 |
Hekk kif jirriżulta mill-premessi 6 u 33 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni sussidjarja għandha l-għan li tikkompleta l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 39). |
|
53 |
Għandu wkoll jiġi rrilevat li mill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mad-definizzjonijiet tal-kliem “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” inklużi fl-Artikolu 2(d) u (f) ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali prevista f’din id-direttiva għandha, bħala prinċipju, tingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tkun tibża’ minħabba raġuni li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, iċ-ċittadinanza tagħha, l-opinjonijiet politiċi tagħha jew l-appartenenza tagħha f’ċertu grupp soċjali, jew li tkun suġġetta għal riskju reali li tiġi ssuġġettata għal danni gravi, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 49). |
|
54 |
Għaldaqstant, meta persuna tissodisfa r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tibbenefika minn wieħed minn dawn l-istatuti, meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti rispettivament fil-Kapitoli II u III jew fil-Kapitoli II u V tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti minn din id-direttiva u għar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni previsti mid-Direttiva 2013/32, jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li dawn l-Istati ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 50). |
|
55 |
Mill-banda l-oħra, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 ma tipprevedi li l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja ma jistax jiġi rrikonoxxut lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja, peress li din il-konstatazzjoni taqbel ma’ dik magħmula fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55. |
|
56 |
It-tieni nett, id-Direttiva 2013/32 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2 tagħha, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala applikazzjoni ppreżentata lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tista’ tinftiehem li qiegħda tfittex tikseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
|
57 |
Fir-rigward tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi li, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina, qabelxejn, jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u, jekk le, jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja. Minn dan isegwi li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala infondata biss sa fejn l-awtorità kompetenti tkun waslet għall-konklużjoni li la l-istatus ta’ refuġjat u lanqas l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja ma seta’ jiġi rrikonoxxut lill-applikant. |
|
58 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, dwar l-applikazzjonijiet inammissibbli, għandu jiġi interpretat b’mod strett u, għalhekk, ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni li ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tiegħu. Din id-dispożizzjoni telenka għalhekk b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, mingħajr ebda eżami fil-mertu ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 30, u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 51). |
|
59 |
Issa, il-fatt li wieħed ikun benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja ma jinsabx fost ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. |
|
60 |
Għaldaqstant, kemm mid-Direttiva 2011/95 kif ukoll mid-Direttiva 2013/32 jirriżulta, minn naħa, li Stat Membru ma jistax jiċħad, bħala inammissibbli, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għas-sempliċi raġuni li din ġiet ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li hija benefiċjarja tal-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55 u, min-naħa l-oħra, li, qabel ma din l-applikazzjoni tiġi miċħuda bħala infondata, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-applikant jinsabx fil-kundizzjonijiet mitluba sabiex jibbenefika kemm mill-istatus ta’ refuġjat kif ukoll, fin-nuqqas, mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, peress li l-fatt li huwa diġà jgawdi mill-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja ma għandux effett f’dan ir-rigward. |
|
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55, moqrija fid-dawl tad-Direttiva 2011/95 u tad-Direttiva 2013/32, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx lil Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sa fejn din hija intiża li tikseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, għas-sempliċi raġuni li l-applikant jibbenefika mill-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
|
62 |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għandhom effett dirett. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, preliminarjament, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun saritilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Mureș et, C‑489/23, EU:C:2025:651, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk hija għandhiex tħalli mhux applikata l-leġiżlazzjoni Svediża li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata tqis li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, sakemm jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, skont id-Direttiva 2001/55, minħabba l-kuntrarjetà ta’ din il-leġiżlazzjoni ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett. |
|
65 |
Issa, mill-punti 45 u 46 kif ukoll mill-punti 53 sa 60 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludu li Stat Membru jirrifjuta li jagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna apolida għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar jibbenefika mill-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55 u, min-naħa l-oħra, li l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva 2001/55 ma humiex ta’ natura li jikkontestaw tali konklużjoni. |
|
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u r-raba’ domanda għandhom jiġu fformulati mill-ġdid u għandu jitqies li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għandhom effett dirett u li, għaldaqstant, fin-nuqqas tal-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-artikoli, huma l-qrati nazzjonali li ma għandhomx japplikaw din il-leġiżlazzjoni. |
|
67 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57). |
|
68 |
L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u ma jistax, b’mod partikolari, iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin jistax jiġi interpretat fis-sens li l-kisba ta’ permess ta’ residenza, abbażi tad-Direttiva 2001/55, ma tipprekludix l-eżami tal-fondatezza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tirrigwarda l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Il-fatt li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni hija sostnuta mill-Uffiċċju permezz ta’ opinjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
70 |
Fit-tieni lok, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-Istat, jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95, li jistabbilixxi d-dritt għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitoli II u V ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi regola li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex jiġi rrikonoxxut lilha effett dirett. |
|
72 |
Bl-istess mod, peress li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-każijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli, dan l-Artikolu 33 jistabbilixxi regola li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex tkun tista’ titqies li għandha effett dirett (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 182). |
|
73 |
Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li ma huwiex possibbli li d-dritt nazzjonali tagħha jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, hija tkun obbligata li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet fil-kawża li tirriżulta minn dawn l-Artikoli 18 u 33 u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn billi ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2025, Kinsa, C‑460/23, EU:C:2025:392, punt 72). |
|
74 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom effett dirett u li għaldaqstant, fin-nuqqas tal-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-Artikoli 18 u 33, huma l-qrati nazzjonali li ma għandhomx japplikaw din il-leġiżlazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.