European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1017

27.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1017

tas-26 ta’ Mejju 2025

dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza għal Spanja li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126, għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid ikkawżati minn eventi meteoroloġiċi avversi severi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 148(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba eventi meteoroloġiċi avversi severi li seħħew fir-reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru u Novembru 2024, il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex u tal-għeneb tal-inbid u tal-prodotti tal-inbid kif ukoll il-potenzjal tal-produzzjoni u l-infrastruttura tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-produtturi tal-inbid ġarrbu ħsara kbira. Depressjoni iżolata b’altitudni għolja li tikkawża għargħar katastrofiku għal għarrieda u xita torrenzjali laqtet b’mod sever jew saħansitra qerdet imsaġar tal-frott u vinji li jinsabu f’dan ir-reġjun. Għalhekk, din ikkawżat mhux biss telf enormi fir-rigward tal-ħsad tal-2024 iżda mistenni wkoll li jkollha impatt negattiv fuq is-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid fis-snin li ġejjin. It-telf stmat li jirriżulta mill-ħsarat għall-ħsad tal-2024 ikkawżati mill-għargħar katastrofiku għal għarrieda u mix-xita torrenzjali jammonta għal EUR 644,6 miljun. Xi prodotti jesperjenzaw livell partikolarment għoli ta’ ħsara, eż. it-telf stmat fis-setturi tal-lewż u tal-ġellewż jammonta għal EUR 49,3 miljun, b’telf mistenni fil-produzzjoni ta’ aktar minn 30 % għal-lewż u saħansitra 50 % għall-ġellewż fl-2024. Kważi 30 000 ettaru ta’ vinji ntlaqtu b’mod sever. Barra minn hekk, il-konsegwenzi negattivi għaż-żoni l-aktar milquta jestendu lil hinn mill-produzzjoni ta’ din is-sena, peress li dawn jinkludu ħsarat għas-siġar tal-imsaġar tal-frott, għall-vinji u għall-istrutturi permanenti kif ukoll għall-qerda ta’ makkinarju, tal-għelieqi mtarrġa u ta’ sistemi ta’ tisqija. Dawn il-ħsarat se jkunu ta’ piż fuq il-kapaċità futura tal-produzzjoni ta’ dawk iż-żoni.

(2)

Ħafna mill-produtturi tal-frott u tal-ħxejjex li ntlaqtu bil-qawwi mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, huma membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li jimplimentaw programmi operazzjonali. Sa minn Ottubru 2024, dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri produtturi tagħhom ilhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex jissodisfaw l-impenji pendenti tagħhom għall-programmi tal-2024 u biex jassumu l-obbligi fil-qafas tal-programmi għas-sena 2025. B’konsegwenza ta’ dan, xi wħud mill-interventi approvati ma jistgħux jiġu implimentati u b’hekk parti mill-fondi operazzjonali ma tintefaqx filwaqt li jkun hemm riskju li l-miżuri meħuda mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni ta’ kriżi jibqgħu ineliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. Il-produtturi tal-inbid li l-vinji tagħhom ntlaqtu b’mod sever qed jiffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli simili peress li ma kinux imċaħħda biss mill-ħsad tal-2024 iżda jeħtieġu wkoll jirrestawraw kemm jista’ jkun malajr il-vinji li ġarrbu ħsara u l-infrastruttura kollha tagħhom sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jipproduċu l-inbid. F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jittieħdu azzjonijiet urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni billi titħalla xi flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jonfqu r-riżorsi tal-fondi operazzjonali fuq interventi mmirati b’mod preċiż u jidderieġu mill-ġdid b’mod effiċjenti l-finanzjament tal-Unjoni f’dawn il-fondi, u fl-implimentazzjoni tal-interventi tal-inbid billi jidderogaw sa fejn ikun strettament meħtieġ minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli għall-interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kif ukoll mir-regoli dwar is-sostituzzjoni tal-investimenti stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 47(2), il-punti (f), (g) u (h), tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, interventi li jsegwu objettivi ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Dawn l-interventi huma maħsuba biex iżidu r-reżiljenza tagħhom kontra l-kriżijiet u jgħinu fil-ġestjoni tal-kriżijiet. Madankollu, skont l-Artikolu 50(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament, interventi bħal dawn ma għandhomx jinkludu aktar minn terz tan-nefqa totali fil-qafas tal-programm operazzjonali sabiex jiġi evitat infiq żejjed ta’ fondi fil-qafas tal-programm operazzjonali għall-finanzjament biss ta’ interventi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Madankollu, minħabba l-konsegwenzi severi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u l-livell għoli ta’ qerda li kkawżaw fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta flessibbiltà akbar għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi milquta u li dawn ikunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi tagħhom fil-qafas tal-programmi operazzjonali fuq interventi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ dawk l-eventi. Għalhekk, jenħtieġ li r-regola stabbilita fl-Artikolu 50(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament, ma tapplikax għall-programmi operazzjonali mħallsa jew implimentati fis-sena 2025 fir-rigward ta’ żoni milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.

(4)

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti għandhom ikunu jistgħu jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-fond operazzjonali korrispondenti tagħhom, għall-interventi li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024. Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2021/2115, li fis-snin 2024 u 2025 jiżdied il-limitu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 52(1) ta’ dak ir-Regolament minn 50 % għal 70 % tan-nefqa attwali mġarrba.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2115, it-tiġdid normali ta’ vinji li jikkonsisti fi tħawwil mill-ġdid bl-istess varjetà ta’ għeneb skont l-istess sistema ta’ kultivazzjoni tad-dwieli meta d-dwieli jkunu waslu fi tmiem il-ħajja naturali tagħhom ma huwiex eliġibbli skont it-tip ta’ intervent li jikkonsisti fir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji. Madankollu, bħala konsegwenza tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, ħafna vinji li jinsabu fir-reġjun ta’ Valenzja fi Spanja ġarrbu ħsara serja jew saħansitra nqerdu għalkollox. Sabiex jerġa’ jiġi rrestawrat il-potenzjal tal-produzzjoni tal-vitikulturi milquta, dawk il-vinji jridu jitħawlu mill-ġdid. L-għan primarju ta’ dan it-tħawwil mill-ġdid mhuwiex li jtejjeb kwalunkwe teknika ta’ ġestjoni tal-vinji iżda pjuttost li jirrestawra l-vinji kif kienu jeżistu qabel l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024. Għalhekk, jixraq li l-vitikulturi jiġu appoġġati f’dan il-proċess ta’ rkupru u, b’mod eċċezzjonali, jiġi permess li t-tiġdid normali tal-vinji jkun eliġibbli skont l-intervent tar-ristrutturar.

(6)

Bil-għan li jiġi offrut appoġġ adegwat lill-vitikulturi fil-ħtieġa urġenti li jirrestawraw il-vinji tagħhom u l-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom li ntilef f’daqqa, huwa importanti li tiġi prevista rata ta’ kofinanzjament miżjuda ta’ 80 % tal-kostijiet attwali mġarrba għat-tiġdid tal-vinji identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, peress li dan diġà huwa l-każ għal interventi oħrajn tal-Unjoni mmirati biex jiġi rrestawrat il-potenzjal agrikolu, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 73(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d)(i), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Barra minn hekk, minħabba li kumpens għat-telf ta’ dħul fil-forma ta’ permess tal-koeżistenza ta’ dwieli qodma u ġodda ma huwiex xieraq fis-sitwazzjoni partikolari, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-kumpens lill-produtturi milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 għat-telf ta’ dħul minħabba l-implimentazzjoni tal-intervent jista’ jieħu biss il-forma ta’ kumpens finanzjarju għal perjodu massimu ta’ 3 snin.

(7)

Skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126, l-investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli li jibbenefikaw mill-assistenza finanzjarja tal-Unjoni ma għandhomx jiġu sostitwiti b’assi identiċi matul il-perjodu ta’ durabbiltà. Sabiex jittaffew id-diffikultajiet finanzjarji u operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li tilfu l-investimenti tagħhom minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jinvestu f’assi tanġibbli u intanġibbli, huwa meħtieġ li fis-sena 2025 issir deroga mill-projbizzjoni li l-investimenti jiġu ssostitwiti b’assi identiċi.

(8)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata u li jiġu adottati b’mod urġenti miżuri biex jittaffew l-effetti negattivi severi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fuq il-produtturi tal-inbid fi Spanja, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Artikolu 148(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi li l-miżuri jridu jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Derogi temporanji mir-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex

1.   B’deroga mill-Artikolu 50(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-limitu ta’ terz tan-nefqa totali għal interventi fit-tipi ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 47(2), il-punti (f), (g) u (h), ta’ dak ir-Regolament, ma għandux japplika għal programmi operazzjonali mħallsa jew implimentati fis-sena 2025 fir-rigward ta’ żoni identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.

2.   Il-limitu stabbilit fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jkun ta’ 70 % tan-nefqa attwali mġarrba fis-snin 2024 u 2025 għall-programmi operazzjonali implimentati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.

Artikolu 2

Derogi temporanji mir-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-settur tal-inbid

1.   B’deroga mill-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2115, it-tiġdid normali ta’ vinji li jikkonsistu fi tħawwil mill-ġdid bl-istess varjetà ta’ għeneb skont l-istess sistema ta’ kultivazzjoni tad-dwieli, mingħajr titjib fit-tekniki ta’ ġestjoni tal-vinji għandu jkun permess fir-rigward ta’ vinji identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.

2.   B’deroga mill-Artikolu 59(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għar-ristrutturar tal-vinji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex taqbeż it-80 % tal-kostijiet attwali tar-ristrutturar tal-vinji identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.

3.   B’deroga mill-Artikolu 59(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-kumpens lill-produtturi milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 għat-telf ta’ dħul minħabba l-implimentazzjoni tal-intervent imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jieħu biss il-forma ta’ kumpens finanzjarju għal perjodu massimu li ma għandux jaqbeż it-3 snin.

Artikolu 3

Deroga temporanja mir-Regolament Delegat (UE) 2022/126

B’deroga mill-Artikolu 11(10), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126, Spanja tista’ tippermetti s-sempliċi sostituzzjoni ta’ investimenti b’assi identiċi mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-produtturi tal-inbid identifikati minn Spanja bħala milquta mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 dment li t-telf tal-assi inizjali jkun dovut għall-okkorrenza ta’ dawk l-eventi.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sas-27 ta’ Mejju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj/mlt.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/126/oj/mlt).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1017/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)