Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Kunfidenzjalità – Żvelar mhux awtorizzat tar-rapport ta’ investigazzjoni fl-istampa – Imputabbiltà tar-rivelazzjonijiet – Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 – Danni materjali u morali – Oneru tal-prova – Preskrizzjoni tar-rikors għad-danni – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Kunfidenzjalità tal-pariri legali”
Fil-Kawża C‑559/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑7 ta’ Settembru 2023,
International Management Group (IMG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J.-Y. de Cara u L. Levi, avukati,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, J.-F. Brakeland u S. Delaude, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: F. Cathagne, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, International Management Group (IMG) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Ġunju 2023, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑752/20, iktar ’il quddiem is- “sentenza appellata”, EU:T:2023:366), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wara rapport dwar IMG, imfassal mill-OLAF.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1) jirrigwardaw, rispettivament, l-investigazzjonijiet esterni, li jikkonsistu f’stħarriġ u verifiki mwettqa mill-OLAF fuq il-post fl-Istati Membri u, konformement mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka u ma’ kull strument legali ieħor fis-seħħ, f’pajjiżi terzi u fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll l-investigazzjonijiet interni, imwettqa fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea.
3 L-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi ladarba titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jitfasslu konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, dik il-persuna għandha tingħata l-opportunità tikkummenta fuq il-fatti li jikkonċernawha.
4 L-Artikolu 10(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:
“1. L-informazzjoni mogħtija jew miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet rilevanti.
2. L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
3. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kkonċernati għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] tkun irrispettata flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati, u, fejn ikunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji, li r-regoli nazzjonali kollha applikabbli għal proċedimenti bħal dawn ikunu ġew segwiti. ”
5 L-Artikolu 11(1) u (3) sa (6) tal-istess regolament jipprevedi:
“1. Meta titlesta investigazzjoni mill-[OLAF], għandu jitfassal rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali. Dak ir-rapport għandu jagħti rendikont tal-bażi legali għall-investigazzjoni, il-passi proċedurali segwiti, il-fatti stabbiliti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-ligi, l-impatt finanzjarju stmat tal-fatti stabbiliti, ir-rispett lejn il-garanziji proċedurali f’konformità mal-Artikolu 9 u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.
Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni jew le. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom, fejn adatt, jindikaw kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja, amministrattiva, finanzjarja u/jew ġudizzjarja mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, l-ammonti stmati li għandhom jiġu rkuprati, kif ukoll il-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-fatti stabbiliti.
[...]
3. Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet mfassla wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat rilevanti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’konformità mar-regoli relatati mal-investigazzjonijiet esterni u, jekk meħtieġ, lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.
4. Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imfassla wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat rilevanti li għandu jintbagħat lill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija involuta. Dik l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija għandha tieħu tali azzjoni, partikolarment ta’ natura dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi tar-riżultati tal-investigazzjoni interna, u għandha tirraporta dwarha lill-[OLAF] sal-iskadenza stipulata fir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rapport, u, barra minn hekk, fuq talba tal-[OLAF].
5. Meta r-rapport maħruġ wara investigazzjoni interna juri l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu iwasslu għal azzjonijiet penali, dik l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat.
6. Fuq talba mill-[OLAF], l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom, fi żmien debitu, jibagħtu lill-Uffiċċju informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda, jekk tkun ittieħdet, wara t-trasmissjoni mid-Direttur Ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’konformità mal-paragrafu 3, u wara t-trasmissjoni mill-[OLAF] ta’ kwalunkwe informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5.”
Il-kuntest tat-tilwima
6 Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru kif ġej.
7 L-appellant ġie stabbilit fil‑25 ta’ Novembru 1994 bl-għan li jippermetti lill-Istati parteċipanti fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina jkollhom entità ddedikata għal dan l-għan. Fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, huwa kkonkluda diversi ftehimiet mal-Kummissjoni, b’applikazzjoni b’mod partikolari, tal-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni msejjaħ “ta’ ġestjoni indiretta jew konġunta” previst mir-regoli finanzjarji tal-Unjoni. Dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit jipprevedi li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni konġunta, ikkwalifikata mis-sena 2012 bħala ġestjoni indiretta, ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni jiġu ddelegati lil organizzazzjonijiet internazzjonali.
8 Fil‑31 ta’ Jannar 2012, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF fetaħ investigazzjoni (investigazzjoni OF/2011/1002) dwar l-istatus legali tal-appellant, bħala “organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
9 Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, l-OLAF ħejja r-rapport finali tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), li fih huwa qies, essenzjalment, li l-appellant ma kienx “organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u li huwa jista’ saħansitra ma jkollux personalità ġuridika proprja. L-OLAF għalhekk irrakkomanda lill-Kummissjoni timponi sanzjonijiet amministrattivi u finanzjarji fuq l-appellant u tipproċedi għall-irkupru tas-somom li kienu tħallsu lilu.
10 Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, ir-rapport tal-OLAF intbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Belġjani.
11 Fis‑16 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9787 finali tas‑16 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 dwar il-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2013 favur il-Mjanmar/Burma ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014”). Skont id-Deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014, programm ta’ żvilupp tal-kummerċ fil-Mjanmar/Burma, iffinanzjat mill-Unjoni, kellu jiġi implimentat, mhux mill-appellant, kif previst sa dak iż-żmien, iżda minn entità oħra. L-appellant ippreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑29/15.
12 Fit‑18 ta’ Frar 2015, l-appellant bagħat ittra lill-OLAF fejn indika l-possibbiltà ta’ żvelar fl-istampa ta’ informazzjoni dwar il-kontenut tar-rapport, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tiegħu, u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni f’artiklu ppubblikat mir-rivista Ġermaniża Der Spiegel fit‑13 ta’ Frar 2015.
13 Fit‑13 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF bagħat ittra lill-President tal-Parlament Ewropew fejn indika li kien ġie informat bil-fatt li r-rapport tal-OLAF kien inxtered fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament. F’din l-ittra, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF fakkar li dan ir-rapport tal-OLAF ma kienx ġie uffiċjalment żvelat lill-Parlament u talab lill-President ta’ din l-istituzzjoni jadotta l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqaf it-tixrid ta’ dan id-dokument.
14 Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Marzu 2015, l-OLAF wieġeb lill-appellant li r-rapport tiegħu kien intbagħat esklużivament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.
15 Fit‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil IMG intiża sabiex tinformah dwar l-azzjonijiet li kellha l-intenzjoni tieħu fir-rigward tar-rapport tal-OLAF. Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni ħadet b’mod partikolari deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015”) li tgħid li, “sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali [tal-appellant]”, id-dipartimenti tagħha ma kinux jikkonkludu miegħu ftehimiet ġodda ta’ ġestjoni indiretta fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
16 L-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑381/15, li permezz tiegħu huwa talab, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 u l-kumpens għad-danni materjali u morali tiegħu.
17 Fil‑11 ta’ Diċembru 2015, ir-rapport tal-OLAF kien ġie ppubblikat, mingħajr l-annessi tiegħu, fis-sit internet tal-ġurnal New Europe. L-appellant kien informat li kienu nfetħu żewġ investigazzjonijiet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u mill-OLAF sabiex jiġi identifikat is-sors ta’ dan l-iżvelar.
18 Fit‑30 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni bagħat ittra l-appellant fejn informah bil-fatt li l-investigazzjonijiet kienu ngħalqu u li dawn ma kinux ippermettew li jiġi identifikat is-sors tal-iżvelar.
19 Permezz tas-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑29/15, EU:T:2017:56), u tat‑2 ta’ Frar 2017, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑381/15, EU:T:2017:57), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tal-appellant imsemmija fil-punti 11 u 16 ta’ din is-sentenza.
20 Fil‑5 ta’ Ġunju 2018, l-appellant kiseb komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF flimkien mal-annessi tiegħu.
21 Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il-Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014 kif ukoll id-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015. Hija bagħtet lura l-Kawża T‑381/15 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tal-appellant dwar id-danni allegatament ikkawżati lilu mid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015. Meta ddeċidiet fuq rinviju, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑381/15 RENV, EU:T:2020:406), ċaħdet ir-rikors għad-danni tal-appellant. Din is-sentenza ġiet annullata permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il-Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722).
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
22 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2020, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar fl-istampa tal-kontenut tar-rapport tal-OLAF li, skont l-appellant, kien ivvizzjat minn diversi illegalitajiet. L-appellant invoka dannu materjali, li jikkonsisti fi tnaqqis fil-volum tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu mill-imsieħba tiegħu u mid-donaturi abitwali tiegħu, u dannu morali kkostitwit mis-sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ frustrazzjoni li huwa sofra, minn naħa, u minn preġudizzju serju ħafna għall-unur tiegħu, għall-immaġni tiegħu u għar-reputazzjoni tiegħu, min-naħa l-oħra.
23 Mill-punt 22 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, minħabba li dan kien preskritt. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina l-fondatezza tat-talbiet għad-danni tal-appellant, mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tar-rikors.
24 Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, it-tieni nett, ir-realtà tad-dannu u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat, peress li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.
25 Fil-punti 27 sa 31 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali esponiet li l-appellant kien invoka erba’ illegalitajiet li wasslu għad-dannu li huwa ġarrab. L-ewwel waħda hija kkostitwita mill-ksur mill-OLAF tal-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament Nru 883/2013, tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat‑28 ta’ April 1999, li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110), kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza. It-tieni waħda hija kkostitwita, fl-ewwel lok, mill-ksur mill-OLAF tal-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), tal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), tal-Artikolu 43 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1), kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza u, fit-tieni lok, bi żball imwettaq mill-OLAF fl-għażla tal-bażijiet legali adottati għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tiegħu. It-tielet waħda hija kkostitwita mill-ksur mill-OLAF tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ imparzjalità, tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-prova, previsti wkoll fl-Artikolu 8.5 tal-Linji Gwida dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni għall-persunal tal-OLAF, tad-dritt għal smigħ, irregolat mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2013, kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fl-aħħar nett, ir-raba’ illegalità hija kkostitwita mill-ksur mill-OLAF u mill-Kummissjoni tad-dmir ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 883/2013, fl-Artikolu 8 tal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq u fl-Artikolu 339 TFUE, minħabba l-iżvelar ta’ informazzjoni li tirriżulta mir-rapport tal-OLAF fl-istampa kif ukoll mill-ksur mill-Kummissjoni tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura.
26 Sa fejn il-Kummissjoni sostniet li ma kinitx teżisti rabta kawżali bejn l-illegalitajiet invokati mill-appellant u d-dannu allegatament subit minn dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li teżamina minn qabel it-tielet kundizzjoni li għaliha huwa suġġett l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri dik dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-dannu allegat.
27 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) sa (6) tar-Regolament Nru 883/2013, ir-rapporti redatti mill-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu huma bħala prinċipju kunfidenzjali u huma intiżi li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-awtoritajiet tal-Unjoni informazzjoni u provi intiżi sabiex jippermettulhom jevalwaw l-opportunità tal-adozzjoni ta’ miżuri fil-livell tal-Unjoni jew tal-ftuħ ta’ proċeduri mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 36 ta’ dik is-sentenza, li l-uniku dannu li jista’ jirriżulta direttament mir-rapport tal-OLAF kien dak li ġie kkawżat wara żvelar ta’ dan ir-rapport kollu jew parti minnu, b’mod partikolari minħabba żvelar fl-istampa.
28 Mill-punt 37 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-ewwel waħda mill-illegalitajiet allegati mill-appellant, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, kienet tikkonċerna nuqqas ta’ kompetenza tal-OLAF sabiex jiftaħ l-investigazzjoni, li seta’ jikkawża lill-appellant id-danni invokati biss permezz tal-iżvelar fl-istampa ta’ informazzjoni dwar din l-investigazzjoni u r-rapport tal-OLAF. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, din l-ewwel illegalità ma kellhiex rabta suffiċjentement diretta mad-danni invokati mill-appellant.
29 L-istess japplika, skont il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, għat-tieni u għat-tielet illegalitajiet allegati mill-appellant, li lanqas ma għandhom rabta mal-iżvelar fl-istampa tar-rapport tal-OLAF.
30 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raba’ waħda minn dawn l-illegalitajiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 40 u 41 ta’ dik is-sentenza, li din tirrigwarda l-ksur, mill-OLAF u mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tagħhom, kif ukoll il-ksur mill-Kummissjoni tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura tagħha wara l-iżvelar tar-rapport tal-OLAF fl-istampa. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li, minħabba dan l-iżvelar, l-imsieħba u d-donaturi abitwali tal-appellant kellhom għarfien tal-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab f’dan ir-rapport kien ta’ natura li qajjem magħhom dubji dwar l-onestà u dwar il-kapaċità u l-personalità ġuridika tal-appellant u għalhekk li kkawża lil dan tal-aħħar id-danni li huwa talab kumpens għalihom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn ir-raba’ illegalità u dawn id-danni kienet stabbilita. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina l-legalità tal-aġir ikkritikat lill-Kummissjoni u lill-OLAF, fir-rigward biss tar-raba’ illegalità allegata mill-appellant.
31 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod distint, minn naħa, il-ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità mill-Kummissjoni u mill-OLAF u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura mill-Kummissjoni.
32 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li, qabel ma eżaminat jekk il-ksur allegat mill-appellant kienx jissodisfa l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, dwar in-natura illegali tiegħu, kellu jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar tar-rapport tal-OLAF fl-istampa kienx imputabbli lil dan tal-aħħar jew lill-Kummissjoni.
33 F’dan ir-rigward, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li huwa l-appellant li għandu, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma ssodisfatti. Madankollu, hija żiedet, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li, skont il-ġurisprudenza, teżisti mitigazzjoni għal din ir-regola meta fatt dannuż seta’ jiġi pprovokat minn diversi kawżi differenti u meta l-istituzzjoni tal-Unjoni ma tkun ipproduċiet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema minn dawn il-kawżi dan il-fatt kien imputabbli, filwaqt li hija kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tipproduċi provi f’dan ir-rigward, b’tali mod li l-inċertezza li tibqa’ għandha tiġi imposta fuqha.
34 Wara eżami taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża, imwettaq fil-punti 51 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 61 u 62 ta’ dik is-sentenza, li, fid-data tal-ewwel żvelar fl-istampa tar-rapport tal-OLAF, dan tal-aħħar u l-Kummissjoni ma kinux għadhom l-uniċi istituzzjonijiet fil-pussess ta’ dan ir-rapport u li, konsegwentement, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kienet fl-aħjar pożizzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 tal-imsemmija sentenza u mfakkra fil-punt preċedenti, sabiex tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi stabbilit għal liema raġuni l-ħarba u d-dannu li minnu dan oriġina kienu imputabbli.
35 Fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li, wara lment imressaq mill-appellant, l-Ombudsman Ewropew kien adotta fl‑14 ta’ Diċembru 2017, id-Deċiżjoni 220/2015/ANA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew”), li fiha huwa enfasizza li l-OLAF kien wettaq investigazzjoni serja u fil-fond u li ma kienet teżisti ebda prova li dan kien il-kawża tal-iżvelar u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet wettqet ukoll investigazzjoni interna sabiex tiddetermina l-oriġini tal-iżvelar, li ma kinitx ippermettiet li tiġi identifikata tali oriġini interna għall-istituzzjoni.
36 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata, li l-inċertezza dwar l-oriġini tal-iżvelar ma setgħetx twassal, fin-nuqqas ta’ indizju f’dan is-sens, sabiex ir-responsabbiltà għaliha tiġi imputata lill-Kummissjoni u lill-OLAF u li, sa fejn l-illegalità allegatament ipprovokata mill-ħarba ma setgħetx tiġi imposta fuq l-Unjoni, ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk din kinitx tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta fir-rigward tal-ksur allegat tad-dmir ta’ kunfidenzjalità.
37 Fit-tieni lok, fil-punti 71 sa 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellant ibbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura. Fi tmiem dan l-eżami, hija qieset, fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza, li r-raba’ illegalità invokata mill-appellant ma kinitx ikkaratterizzata fir-rigward tal-allegat ksur tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ diliġenza mill-Kummissjoni, li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra, fil-punti 103 u 104 tal-imsemmija sentenza, li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta u li, għaldaqstant, ir-rikors kellu jiġi miċħud.
38 Fit-tielet lok, fil-punti 107 sa 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jitneħħa mill-proċess parir tas-servizz legali tagħha, tas‑16 ta’ Jannar 2015, anness mar-rikors (iktar ’il quddiem il-“parir tas-servizz legali”). F’dan ir-rigward, wara li fakkret, fil-punti 117 sa 121 ta’ dik is-sentenza, it-tagħlim tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 54 sa 56), il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 122 tal-imsemmija sentenza, minn naħa, li kien paċifiku li dan il-parir ma kienx ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, li l-appellant ma kienx sostna li l-produzzjoni tal-imsemmija parir kienet iġġustifikata minn interess pubbliku superjuri. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 123 tal-istess sentenza, li kien hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni.
It-talbiet tal-partijiet
39 L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tiegħu tal-ewwel istanza;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu li huwa ġarrab, stmat, suġġett għal żieda, għal EUR 10 000 fix-xahar fuq perijodu li beda f’nofs Diċembru 2015 u li jibqa’ għaddej sal-pronunzja tas-sentenza li għandha tingħata għad-dannu morali, u għal EUR 2.1 miljun għad-dannu materjali, flimkien mal-interessi moratorji, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
40 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
41 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għad-danni tal-appellant kien diġà preskritt meta ġie ppreżentat, b’tali mod li l-appell huwa inammissibbli. Hija tfakkar li, fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant kien allega li d-dannu tiegħu kien ikkonkretizza ruħu “l-iktar kmieni meta ġie żvelat ir-rapport tal-OLAF”, jiġifieri fil‑11 ta’ Diċembru 2015, meta dan ir-rapport ġie ppubblikat fuq is-sit internet tal-ġurnal New Europe. Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li t-terminu ta’ preskrizzjoni skada fil‑11 ta’ Diċembru 2020, filwaqt li r-rikors tal-appellant ġie ppreżentat biss għaxart ijiem wara, fil‑21 ta’ Diċembru 2020.
42 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-dannu allegat mill-appellant ma mmaterjalizzax ruħu l-iktar kmieni, iżda mhux iktar tard mill-iżvelar tar-rapport tal-OLAF. Fil-fatt, l-illegalitajiet invokati mill-appellant jirrigwardaw il-kwistjoni tal-istatus ġuridiku tiegħu. Issa, l-appellant kien ġie informat ferm qabel il-11 ta’ Diċembru 2015 bid-dubji tal-OLAF u tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett.
43 L-appellant jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u jsostni li r-rikors tiegħu ma huwiex preskritt.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza minn “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.
45 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preskrizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li, b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, ma hijiex ta’ ordni pubbliku iżda ttemm l-azzjoni għad-danni biss fuq talba tal-konvenut, u li l-osservanza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
46 F’dan il-każ, ċertament, mill-punt 22 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tar-rikors għad-danni tal-appellant.
47 Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 23 ta’ dik is-sentenza, li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il-Kummissjoni, C‑666/20 P, EU:C:2022:225, punt 24), hija kellha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kinitx tiġġustifika, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li tiċħad fil-mertu r-rikors tal-appellant, mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.
48 Peress li qieset li dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li teżamina l-fondatezza tat-talbiet għad-danni tal-appellant, mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tar-rikors. Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 104 ta’ dik is-sentenza, li r-rikors tal-appellant kellu jiġi miċħud, kif għamlet fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant, li tilef fit-talbiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, kellu d-dritt, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
50 Għaldaqstant, l-appell huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
51 Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 340 TFUE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-“prinċipju omnia petita”; it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi, fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, fuq ksur tal-Artikolu 340 TFUE u fuq kunċetti ta’ illegalità tal-aġir u ta’ imputabbiltà, kif ukoll fuq żnaturament tal-proċess; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni; ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza, tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 883/2013, tal-Artikolu 340 TFUE u tal-kunċett ta’ illegalità tal-aġir, u, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni intiża għall-irtirar tal-fajl tal-parir tas-servizz legali.
Fuq il-ħames aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
52 Fil-kuntest tal-ħames aggravju, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-appellant jikkontesta l-motivi, esposti fil-punti 116 sa 123 tas-sentenza appellata, li wasslu lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li tordna l-irtirar tal-parir tas-servizz legali mill-proċess tal-kawża Huwa jenfasizza li s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97), iċċitata mill-Qorti Ġenerali, tikkonċerna parir ta’ natura kompletament differenti, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ dik is-sentenza, parir legali mogħti fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva dwar suġġett politikament sensittiv f’kawża ta’ importanza eċċezzjonali.
53 Min-naħa l-oħra, il-parir tas-servizz legali diġà kien fid-dominju pubbliku, peress li ġie żvelat lill-istampa, u huwa għal din ir-raġuni li ebda talba għal aċċess għal dan id-dokument ma ġiet ippreżentata. Għaldaqstant, l-appellant ma evitax il-proċedura prevista mil-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti. Fil-fehma tiegħu, dan il-parir, min-natura tiegħu u mill-kundizzjonijiet tal-iżvelar tiegħu, la kien jippreġudika l-kunfidenzjalità u lanqas interess pubbliku superjuri. Dan huwa dokument determinanti, li jirrigwarda esklużivament il-kawża inkwistjoni.
54 L-appellant jikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, fuq ġurisprudenza irrilevanti u li injorat id-dritt tal-appellant li jkun jista’ jiddiskuti dokument li huwa stess ma jkunx żvela. F’dan il-kuntest, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji tal-kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal dawn il-prinċipji li appellant ma jkunx jista’ jiddiskuti l-provi kollha, bl-iskuża li x-xandir tagħhom ikun ħarab mill-viġilanza tal-Kummissjoni.
55 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellant.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ammess li appellant jista’ jinkludi fil-fajl parir legali ta’ istituzzjoni li l-iżvelar tiegħu ma jkunx ġie awtorizzat minn din tal-aħħar jikser ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jwassal sabiex tiġi evitata l-proċedura ta’ talba għal aċċess għal tali dokument, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
57 Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandu jittieħed kont tal-prinċipju ta’ trasparenza, minqux fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 298(1) TFUE, li jagħmilha possibbli, b’mod partikolari, li tiġi ggarantita l-ikbar leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini f’sistema demokratika. Billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi perspettivi jiġu diskussi fil-miftuħ, it-trasparenza tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex tiżdied il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma jkunx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li jinkludi parir legali. Għalhekk, iż-żamma, fil-proċess ta’ kawża, ta’ dokument li jinkludi parir legali ta’ istituzzjoni ma hija ġġustifikata minn ebda interess pubbliku superjuri meta, minn naħa, dan il-parir legali ma jkunx relatat ma’ proċedura leġiżlattiva li għaliha hija meħtieġa trasparenza ikbar u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ din iż-żamma jikkonsisti biss, għall-parti li tkun ipproduċietu, li tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-imsemmi parir legali fil-kuntest ta’ tilwima. F’tali ċirkustanzi, il-produzzjoni ta’ tali parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi tal-appellant stess li jsostni l-argument tiegħu, u mhux minn xi interess pubbliku superjuri, bħal dak li tiġi ppubblikata l-proċedura li wasslet għall-att ikkontestat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
59 F’dan il-każ, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li kien paċifiku li l-parir tas-servizz legali ma kienx ingħata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva. Din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkontestata mill-appellant fil-kuntest tal-appell tiegħu.
60 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-punt 122, li l-appellant ma kienx sostna li l-produzzjoni tal-parir legali kienet iġġustifikata minn interess pubbliku superjuri. Issa, l-appellant ma jsostnix, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa invoka tali interess, li l-Qorti Ġenerali injorat.
61 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa billi għamlet applikazzjoni ġusta tal-insenjament li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 56 sa 58 ta’ din is-sentenza u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teskludi mill-proċess il-parir legali.
62 L-argumenti mressqa mill-appellant fil-kuntest tal-ħames aggravju tiegħu ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni.
63 L-ewwel nett, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 56 sa 58 ta’ din is-sentenza ma tikkonċernax biss parir legali dwar proċedura leġiżlattiva, iżda kull parir legali ta’ istituzzjoni. Huwa għalhekk irrilevanti l-fatt, invokat mill-appellant, li l-parir legali ma kienx relatat ma’ proċedura leġiżlattiva.
64 It-tieni nett, il-fatt, invokat mill-appellant, li l-parir legali kien ħarab fl-istampa qabel il-produzzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-fatt li l-appellant ma huwiex huwa stess responsabbli għal dan l-iżvelar, huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-parir legali jistax, jew le, jinżamm fil-proċess. Hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar ta’ tali dokument kienx awtorizzat jew le mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li, f’dan il-każ, ma kienx il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali.
65 It-tielet nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-appellant ibbażat fuq il-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.
66 Il-prinċipju ta’ kontradittorju, bħala regola ġenerali, jagħti lil kull parti fi proċess id-dritt li tikseb għarfien tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-avversarju tagħha kif ukoll li tiddiskutihom, u jipprekludi li l-qorti tal-Unjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li l-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħux jiksbu għarfien tagħhom u li għalhekk ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwarhom. Dan jimplika wkoll, bħala regola ġenerali, id‑dritt tal‑partijiet li jsiru jafu bil‑motivi ta’ liġi mqajma ex officio mill‑qorti, li fuqhom din il‑qorti jkollha l‑intenzjoni li tibbaża d‑deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom għarfien u jkollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 55 u 56).
67 Issa, il-kwistjoni dwar jekk parti għandhiex id-dritt li tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni parir legali redatt fuq talba ta’ istituzzjoni tal-Unjoni u żvelat mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din l-istituzzjoni tinsab qabel l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, dan l-aħħar prinċipju ma jikkonċernax il-produzzjoni, bħala tali, ta’ provi quddiem il-qorti, iżda d-dritt ta’ kull parti li tieħu konjizzjoni tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-avversarju tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-motivi ta’ liġi mqajma ex officio mill-qorti, u li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha relatati magħhom.
68 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta, dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2/Parlement u l-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
69 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju applikabbli fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ prova prodotta fi żmien xieraq tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni biss billi tibbaża ruħha fuq il-fatt li din tkun inkisbet b’mod irregolari (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten, C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 104, u tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2/Parlement u l-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 129).
70 Fil-preżenza ta’ provi prodotti b’mod irregolari minn parti, bħal dokumenti interni msemmija mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-produzzjoni tagħhom la ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata u lanqas ordnata mill-qorti tal-Unjoni, għandhom ikunu flessibbli l-interessi tal-partijiet rispettivi fil-proċedura marbuta mad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi protetti mir-regoli miksura jew evitati fil-kisba ta’ tali provi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2/Parlement u l-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 130).
71 Issa, fil-punti 116 sa 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, preċiżament, flessibbli l-interessi tal-partijiet rispettivi fil-proċedura quddiemha, u b’hekk ikkonformat ruħha mat-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 121 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-produzzjoni tal-parir legali mill-appellant kienet tidher iggwidata mill-interessi tiegħu stess li jsostni l-argument tiegħu u mhux minn xi interess pubbliku superjuri.
72 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
73 Permezz tat-tieni aggravju, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, l-appellant isostni li r-raġunament espost fil-punti 47 sa 69 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi kif ukoll bi żnaturament tal-provi tal-proċess.
74 Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-kwalifika tar-regola tal-oneru tal-prova impost fuq il-parti appellanti, li tirreferi għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, teħtieġ mill-istituzzjoni konvenuta spjegazzjoni jew ipoteżi kredibbli dwar iċ-ċirkustanzi li fihom setgħet seħħet rivelazzjoni. Sempliċi riferiment għal din l-istituzzjoni għall-possibbiltà li l-illegalità li tat lok għall-iżvelar issir minn persuna esterna għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma huwiex suffiċjenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u marret kontra t-tagħlim tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), billi qieset, abbażi biss ta’ tali riferiment tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar ma kinitx fl-aħjar pożizzjoni biex tipproduċi l-prova tal-kxif u li, konsegwentement, il-kawża li kienet adita biha kienet differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257).
75 Fit-tieni lok, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti indizji intiżi li juru li l-iżvelar kien ġej minn persuna li tappartjeni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
76 Fit-tielet lok, l-appellant jallega li kien wara żnaturament tal-ittra tal-Kummissjoni, tat‑30 ta’ Jannar 2017, imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kienet teżisti ebda prova li l-OLAF kien il-kawża tal-iżvelar. L-appellant iżid, f’dan ir-rigward, li xejn fil-fajl ma jindika li l-awtoritajiet nazzjonali, li lilhom kien intbagħat ir-rapport tal-OLAF, ġew mistoqsija dwar l-oriġini tal-iżvelar fil-kuntest tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF jew mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk dawn l-investigazzjonijiet kinux twettqu b’mod diliġenti u ma weġbitx għal argument tal-appellant li jallega li dan ma kienx il-każ.
77 Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-appellant isostni li, anki jekk jitqies li diversi kawżi, interni u esterni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jispjegaw il-ħarba, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, fid-dawl tat-teorija tal-“ekwivalenza tal-kundizzjonijiet” jew tat-teorija tal-“kawża adegwata”, ir-rwol li għandha kull waħda minn dawn il-kawżi, ħaġa li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel f’dan il-każ.
78 Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju mhuwiex fondat. Fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar it-tnaqqis tal-oneru tal-prova, il-Kummissjoni tirrileva li din hija eċċezzjoni għar-regola li, konsegwentement, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Hija tenfasizza li, b’differenza minn din il-kawża, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), kif ukoll għas-sentenzi ċċitati fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, elementi preċiżi kienu jippermettu li jiġi imputat aġir żbaljat lill-konvenut. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għal sempliċi invokazzjoni tal-possibbiltà li l-illegalità ssir minn persuna esterna għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
79 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor b’mod preċiż, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew u li hija ma żnaturathiex.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
80 Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li r-rapporti ta’ investigazzjoni tal-OLAF jistgħu jinkludu allegazzjonijiet dannużi ferm li jikkonċernaw il-persuni msemmija fihom.
81 Ċertament, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 883/2013 jipprevedi l-obbligu għall-OLAF, ladarba tintemm l-investigazzjoni tiegħu u qabel ma jinsiltu konklużjonijiet li jirreferu b’isimha għal persuna kkonċernata, li jagħti lil din il-persuna l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti li jikkonċernawha. Din id-dispożizzjoni timplimenta d-dritt, stabbilit fl-Artikolu 41(2) (a) tal-Karta, ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten, C‑130/19, EU:C:2021:782, punti 167 u 168).
82 Madankollu, il-persuni kkonċernati minn investigazzjoni tal-OLAF ma għandhomx id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-OLAF qabel l-adozzjoni tar-rapport finali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Sistem ecologica vs Il-Kummissjoni, C‑787/22 P, EU:C:2023:940, punt 155).
83 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rapporti tal-OLAF ma jipproduċux effetti legali vinkolanti (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Sistem ecologica vs Il-Kummissjoni, C‑787/22 P, EU:C:2023:940, punt 66). Għaldaqstant, il-persuni msemmija f’tali rapport finali lanqas ma għandhom id-dritt li jippreżentaw, kontra dan ir-rapport, rikors għal annullament, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jikkontestaw l-eventwali allegazzjonijiet dannużi li jikkonċernawhom li jinsabu fl-imsemmi rapport.
84 Huwa għalhekk li l-osservanza tal-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 10 (1) sa (3) tar-Regolament Nru 883/2013, li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tar-rapporti tal-OLAF għandha importanza partikolari għall-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet ikkonċernati minn dawn ir-rapporti.
85 Fil-fatt, l-iżvelar tal-allegazzjonijiet li jikkonċernawhom li jinsabu f’tali rapporti jista’ jippreġudika serjament ir-reputazzjoni tagħhom, minkejja li, sakemm ma jkunux ittieħdu miżuri konkreti fil-konfront tagħhom sabiex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-rapporti, huwa impossibbli għall-persuni kkonċernati minn dawn l-allegazzjonijiet li jikkontestawhom quddiem qorti.
86 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, li jaqa’ taħtha l-OLAF, ma tistax tillimita ruħha li tiggarantixxi li d-dipartimenti tagħha stess jikkomunikaw ir-rapporti tal-OLAF biss lil dawk li għandhom id-dritt li jirċevuhom u ma tiżvelahomx lill-pubbliku. Hija għandha tiżgura wkoll li d-destinatarji ta’ tali rapporti, kemm jekk ikunu istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni jew awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, ikunu jafu bl-obbligu tagħhom stess li ma jiżvelawhomx.
87 Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha wkoll tieħu miżuri, bħal, pereżempju, immarkar speċjali tal-kopji, fiżiċi jew elettroniċi, ta’ rapport tal-OLAF mibgħut barra mill-Kummissjoni, sabiex tippermetti, f’każ ta’ żvelar ta’ tali rapport, l-identifikazzjoni tas-sors ta’ din l-iżvelar.
88 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 80 sa 87 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi aċċettat li, fil-każ ta’ żvelar ta’ rapport tal-OLAF li jinkludi allegazzjonijiet dannużi fir-rigward ta’ persuna, hija din tal-aħħar, sabiex tkun tista’ titlob lill-Kummissjoni l-kumpens għad-dannu kkawżat lilha mill-pubblikazzjoni tar-rapport, li għandha tipproduċi l-prova li l-iżvelar effettivament joriġina mill-Kummissjoni, li taħtu jaqa’ l-OLAF, li fl-assenza tagħha r-rikors għad-danni ta’ din il-persuna għandu jiġi miċħud bħala infondat.
89 Ċertament, fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija, bħala prinċipju, il-parti li tqiegħed inkwistjoni din ir-responsabbiltà li għandha turi permezz ta’ provi konklużivi li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tagħha huma ssodisfatti. Għalhekk, din il-parti hija b’mod partikolari obbligata tipproduċi tali provi tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu li hija tinvoka. Għal dan l-għan, l-imsemmija parti tista’ tinvoka provi ta’ kull natura, peress li l-prinċipju fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
90 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova ma tistax tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Tali applikazzjoni ma tistax b’mod partikolari twassal sabiex jiġi impost fuq parti oneru tal-prova eċċessiv jew saħansitra impossibbli li jiġi ssodisfatt (probatio diabolica) jew sabiex jitqiegħed inkwistjoni l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jimplika, l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li jkollha quddiemha. Jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli timponi fuq parti fil-kawża oneru tal-prova eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli, aġġustament ta’ dawn l-istess regoli jkun meħtieġ (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punti 77 u 78).
91 Issa, huwa magħruf li l-kxif ta’ dokumenti kunfidenzjali, bħal rapport tal-OLAF, iseħħ, fil-parti l-kbira tal-każijiet, mingħajr possibbiltà, għall-pubbliku ġenerali, inkluż għall-persuni msemmija f’tali dokumenti, li jkun jaf l-oriġini tal-iżvelar.
92 Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, meta tali persuni jqisu li sofrew dannu minħabba l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ rapport tal-OLAF, huwa meħtieġ aġġustament tar-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova.
93 B’mod partikolari, fid-dawl tal-obbligi li timplika, għall-Kummissjoni, in-natura kunfidenzjali ta’ tali rapport, kif ġew ippreċiżati fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tipproduċi provi li jippermettu li tiġi identifikata l-oriġini tal-iżvelar ta’ rapport tal-OLAF jew, tal-inqas, li jiġi stabbilit li ma jistax raġonevolment jitqies li l-iżvelar joriġina mid-dipartimenti tagħha stess, fosthom l-OLAF. Jekk il-Kummissjoni ma tipproduċix tali provi, l-inċertezza dwar l-oriġini tal-iżvelar għandha tiġi imposta fuqha, b’tali mod li hemm lok li jitqies, li l-ħarba hija imputabbli lilha u tassumi r-responsabbiltà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punt 17).
94 F’dan il-każ, ċertament, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371).
95 Madankollu, wara li kkonstatat, fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li, fid-data tal-ewwel żvelar tar-rapport tal-OLAF fl-istampa, il-Kummissjoni u l-OLAF ma kinux għadhom l-uniċi istituzzjonijiet fil-pussess ta’ dan ir-rapport, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fl-aħjar pożizzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, sabiex tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi stabbilit għal liema kawża l-iżvelar, u d-dannu li dan ikkawża, kien imputabbli u li, għaldaqstant, il-limitazzjoni tar-regola tal-oneru tal-prova prevista minn din il-ġurisprudenza ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.
96 B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
97 Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 88 sa 93 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa preċiżament fl-ipoteżi tal-iżvelar mhux awtorizzat ta’ rapport tal-OLAF, li l-Kummissjoni u l-OLAF ma kinux, fil-mument ta’ dan l-iżvelar, l-uniċi li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, li huwa neċessarju li r-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova jiġu adattati. Għalkemm, f’dan il-mument, kienu biss il-Kummissjoni u l-OLAF li kellhom dan ir-rapport, huwa ovvju li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jiġi attribwit lilhom biss, mingħajr ma jkun neċessarju li r-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova jiġu adattati sabiex dan jintwera.
98 Għall-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li kien biżżejjed, għall-Kummissjoni, li tinvoka s-sempliċi possibbiltà li s-sors tal-iżvelar ta’ rapport tal-OLAF seta’ kien estern għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li jiġi preżunt li l-OLAF kien is-sors tal-iżvelar.
99 F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-bqija tal-argumenti mressqa mill-appellant insostenn tat-tieni aggravju, dan l-aggravju għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm lok, barra minn hekk, li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju tal-appell.
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
100 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-kawża tkun, kompletament jew parzjalment, fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament hija stess, skont il-każ, il-kawża jew il-parti tagħha li tkun fi stat li tiġi deċiża, filwaqt li tirreferi, jekk ikun il-każ, għal dik li ma tkunx quddiem il-Qorti Ġenerali.
101 F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-preskrizzjoni tar-rikors għad-danni tal-appellant.
102 Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors għad-danni tal-appellant kien preskritt sostanzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza.
103 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni. F’dan il-każ tal-aħħar, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn kif previst fl-Artikolu 263 TFUE, u d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE għandhom japplikaw fejn xieraq.
104 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jibda jiddekorri meta l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens ikunu ssodisfatti, u b’mod partikolari meta jimmaterjalizza d-dannu li għandu jiġi kkumpensat (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi li t-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, ma japplikax għat-terminu ta’ preskrizzjoni, li ma huwiex terminu ta’ proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 49 u 59).
105 F’dan il-każ, permezz tar-rikors għad-danni tiegħu, l-appellant jitlob kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-pubblikazzjoni, fuq is-sit internet tal-ġurnal New Europe, tal-verżjoni sħiħa tar-rapport tal-OLAF. Dan id-dannu jikkonsisti, minn naħa, f’dannu materjali, li l-appellant allegatament ġarrab minħabba t-tnaqqis fil-volum tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu mill-imsieħba u d-donaturi abitwali tiegħu u, min-naħa l-oħra, f’dannu morali, minħabba s-sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ frustrazzjoni li l-appellant kellu kif ukoll il-preġudizzju għall-unur tiegħu, għall-immaġni tiegħu u għar-reputazzjoni tiegħu.
106 Huwa paċifiku li l-verżjoni sħiħa tar-rapport tal-OLAF ġiet ippubblikata, mingħajr l-annessi tiegħu, fuq is-sit internet tal-ġurnal New Europe fil‑11 ta’ Diċembru 2015 u li, minn din id-data, huwa seta’ jiġi kkonsultat minn kull persuna kkonċernata, inkluż mill-imsieħba u mid-donaturi tal-appellant. Kull konsultazzjoni minn persuna differenti setgħet tagħti lok għal dannu morali distint għall-appellant, minħabba l-ħsara għar-reputazzjoni tiegħu mal-persuna li kkonsultat ir-rapport, dannu morali li għandu jitqies li kkonkretizza ruħu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, fil-mument ta’ din il-konsultazzjoni.
107 Fir-rigward tad-dannu materjali allegat mill-appellant, dan id-dannu jista’ jitqies li kkonkretizza ruħu, għal kull sieħeb jew donatur tal-appellant, biss fil-mument meta dan id-donatur ħa d-deċiżjoni li ma jikkontribwixxix iktar għall-attivitajiet tal-appellant.
108 Ir-rikors għad-danni tal-appellant ġie ppreżentat fil‑21 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri iktar minn ħames snin wara l‑11 ta’ Diċembru 2015, data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-OLAF dwar l-appellant fuq is-sit internet tal-ġurnal New Europe. Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jitqies li huwa preskritt, sa fejn jirrigwarda kull dannu materjali jew morali mġarrab mill-appellant, li kkonkretizza ruħu qabel il‑21 ta’ Diċembru 2015 u, sa fejn jirrigwarda tali danni, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
109 Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li r-rapport tal-OLAF ma baqax aċċessibbli fuq is-sit internet tal-ġurnal New Europe mill‑21 ta’ Diċembru 2015. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li persuni kkonċernati kkonsultaw dan ir-rapport għall-ewwel darba wara din id-data u kienu, għalhekk, ippreżentaw parir sfavorevoli tal-appellant, li kkawżaw dannu morali lil dan tal-aħħar, li kkonkretizza ruħu wara l‑20 ta’ Diċembru 2015.
110 Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli li l-imsieħba jew id-donaturi tal-appellant, indipendentement mid-data li fiha huma kkonsultaw ir-rapport tal-OLAF, ikunu ħadu d-deċiżjoni li ma jikkontribwixxux iktar għall-attivitajiet tal-appellant f’data sussegwenti għall‑20 ta’ Diċembru 2015, li jirrappreżenta dannu materjali subit minn dan tal-aħħar li ġie kkonkretizzat wara din l-aħħar data.
111 Issa, fir-rigward tal-eventwali danni msemmija fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma kienx skada meta ġie ppreżentat ir-rikors għad-danni tal-appellant. Għaldaqstant, sa fejn jirrigwarda l-kumpens għal tali danni eventwali, dan ir-rikors ma huwiex preskritt u għandu jiġi eżaminat fil-mertu.
112 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, WS et vs Frontex (Operazzjoni ta’ ritorn konġunt), C‑679/23 P, EU:C:2025:976 u l-ġurisprudenza ċċitata).
113 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jkunu kisru din ir-regola u mill-kwistjoni ta’ jekk dawn kisrux b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq din is-setgħa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-imsemmija regola, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha kif ukoll tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il-Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 146 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
114 Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni legali miksura għandhiex l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-drittijiet tal-individwi jitnisslu mhux biss meta dan jingħata b’mod espliċitu minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll minħabba obbligi pożittivi jew negattivi li dawn jimponu b’mod iddefinit sew kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri jew fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).
115 Il-ksur ta’ tali obbligi jista’ jippreġudika d-drittijiet li b’hekk huma impliċitament mogħtija lill-individwi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati. L-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn għandhom bħala għan li jagħtu jeżiġu li l-individwi jkollhom il-possibbiltà li jiksbu kumpens (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).
116 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li huwa paċifiku li IMG ma huwiex responsabbli għall-iżvelar tar-rapport OLAF u li l-Kummissjoni kienet legalment bagħtet dan ir-rapport lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Belġjani biss, b’tali mod li huma biss il-Kummissjoni jew dawn tal-aħħar li setgħu jkunu responsabbli għal dan l-iżvelar, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li tista’ turi li hija kienet ikkonformat ruħha mal-obbligi tagħha msemmija fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza jew, tal-inqas, li tistabbilixxi li ma jistax raġonevolment jitqies li l-iżvelar tar-rapport tal-OLAF joriġina mid-dipartimenti tagħha stess. Għaldaqstant, mill-punt 93 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-responsabbiltà għal dan l-iżvelar għandha tiġi imputata lill-Kummissjoni.
117 Barra minn hekk, mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 883/2013 kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 80 sa 87 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni, li jaqa’ taħtha l-OLAF, ma tistax tiżvela lill-pubbliku rapport ta’ dan tal-aħħar u ma għandha, f’dan ir-rigward, ebda setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ rapport tal-OLAF, meta jkun, tkun xi tkun il-kawża, imputabbli lill-Kummissjoni, għandu jitqies li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, tad-dispożizzjoni legali li tipprojbixxi l-iżvelar mhux awtorizzat tar-rapporti tal-OLAF.
118 Min-naħa l-oħra, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 114 u 115 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li din il-projbizzjoni, li hija intiża li tipproteġi lill-individwi mill-konsegwenzi negattivi tal-iżvelar mhux awtorizzat ta’ rapport tal-OLAF, li jista’ jinkludi allegazzjonijiet dannużi fil-konfront tagħhom li kontrihom ma jkunux f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom, tikkostitwixxi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.
119 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 116 sa 118 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, mill-Kummissjoni, ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi hija, f’dan il-każ, stabbilita.
120 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel kundizzjoni, relatata mal-illegalità tal-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata, li għaliha hija suġġetta, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għandha titqies li hija, f’dan il-każ, issodisfatta, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-illegalitajiet l-oħra invokati mill-appellant, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jippreċedu l-iżvelar mhux awtorizzat tar-rapport tal-OLAF.
121 It-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ dan ir-rapport u, min-naħa l-oħra, id-dannu morali eventwalment imġarrab mill-appellant minħabba l-preġudizzju għall-unur tiegħu, għall-immaġni tiegħu u għar-reputazzjoni tiegħu fost il-persuni li kkonsultaw, għall-ewwel darba, dan ir-rapport wara l‑20 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll id-dannu materjali subit mill-appellant, minħabba eventwali deċiżjonijiet li ma jikkontribwixxix iktar għall-attivitajiet tiegħu meħuda, wara din id-data, mill-imsieħba u d-donaturi tiegħu, għandha wkoll titqies li hija ssodisfatta.
122 Madankollu, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu allegat, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-rikors għad-danni tal-appellant kien, kollu kemm hu, is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju bil-miktub u orali quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-qorti ma ddeċidietx dwar ir-realtà tad-dannu allegat mill-appellant. Barra minn hekk, l-eżami tal-atti tal-proċess tal-proċedura ġudizzjarja fl-ewwel istanza juri li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, f’dan l-istadju, il-punti ta’ fatt kollha li huma neċessarji sabiex tkun tista’ twettaq, b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti, l-evalwazzjonijiet fattwali kumplessi li timplika l-analiżi tal-eżistenza u, jekk ikun il-każ, tal-portata ta’ dan id-dannu.
123 Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, dwar il-portata tad-dannu materjali u morali eventwalment subit mill-appellant, li kkonkretizza ruħu wara l‑20 ta’ Diċembru 2015.
Fuq l-ispejjeż
124 Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Ġunju 2023, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑752/20, EU:T:2023:366), hija annullata.
2) L-appell huwa miċħud bħala inammissibbli, peress li jirrigwarda dannu materjali jew morali mġarrab mill-appellant, li seħħ qabel il‑21 ta’ Diċembru 2015.
3) Il-każ qed jintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar l-appell, safejn dan jirrigwarda d-dannu materjali jew morali li ġarrab l-appellant, li mmaterjalizza ruħu fil‑21 ta' Diċembru 2015.
4) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.