|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6812 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Ġermanja
(C/2024/6812)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tal-Ġermanja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fit-28 ta' April 2021, il-Ġermanja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Ġermanja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Il-Ġermanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 fis-17 ta' April 2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024 fl-24 ta' April 2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ġermanja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Ġermanja. Dan ivvaluta l-progress tal-Ġermanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Ġermanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ġermanja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Ġermanja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'April 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, il-Ġermanja qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mas-surplus kbir fil-kontijiet kurrenti. Dawk il-vulnerabbiltajiet jibqgħu rilevanti minkejja xi tnaqqis fis-surplus kbir fil-kontijiet kurrenti matul is-snin, billi l-problema sottostanti ta' domanda domestika dgħajfa u investiment imrażżan, li għandha rilevanza transfruntiera, għadha tippersisti filwaqt li r-rispons ta' politika kien limitat. Bi prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi, domanda domestika dgħajfa u kummerċ dinji kajman, is-surplus fil-kontijiet kurrenti reġa' żdied għal 5,9 % tal-PDG fl-2023 minn 4,2 % tal-PDG fl-2022. Huwa mbassar li ser jiżdied xi ftit aktar din is-sena u s-sena d-dieħla filwaqt li jibqa' sew taħt il-livelli tiegħu ta' qabel il-pandemija. Minħabba d-daqs tal-ekonomija Ġermaniża u l-integrazzjoni kummerċjali tagħha fiż-żona tal-euro, dan għandu rilevanza transfruntiera. It-tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar naqqas b'mod konsiderevoli l-firxa tas-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar, b'impatt limitat fuq is-sistema finanzjarja s'issa, iżda l-proprjetà immobbli kummerċjali għadha teħtieġ monitoraġġ. It-tnaqqis fl-investiment fl-akkomodazzjoni jista' jwassal għall-emerġenza mill-ġdid ta' pressjonijiet fuq il-prezzijiet u riskji sussegwenti ta' sopravalutazzjoni fil-futur qarib. Għall-ġejjieni, huwa mistenni deterjorament ħafif tal-kompetittività tal-kostijiet, u l-unitajiet domestiċi qed jibdew jiksbu mill-ġdid xi kapaċità tal-akkwist billi l-pagi huma mbassra li jiżdiedu f'termini reali. L-irkupru tal-investiment privat qed jieħu ż-żmien u l-Kummissjoni tistenna li l-konsolidazzjoni fiskali ser tkun ta' piż fuq id-domanda domestika, b'implikazzjonijiet potenzjali fuq l-investiment pubbliku. Il-vulnerabbiltajiet sottostanti kumplessivi f'termini ta' diskrepanza sinifikanti fit-tfaddil u fl-investiment ma nbidlux b'mod fundamentali: il-ħtiġijiet ta' investiment żdiedu matul is-snin, prinċipalment marbuta mal-investiment pubbliku fil-livell reġjonali u l-investiment korporattiv b'mod ġenerali, li kieku jappoġġa t-tkabbir ekonomiku fil-futur. Filwaqt li l-gvern ħa xi ftit azzjoni biex jappoġġa l-investiment, u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja jinkludi miżuri importanti biex jippromwovi l-investiment, id-daqs tar-rispons ta' politika s'issa ma wassalx għal progress sostanzjali, u lanqas ma kien biżżejjed biex tiġi indirizzata l-isfida kumplessiva biex jiżdied l-investiment privat u pubbliku. |
|
(11) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ġermanja ma nbidilx u baqa' fil-livell ta' 2,5 % tal-PDG fl-2023, meta mqabbel mal-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 66,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 63,6 % fi tmiem l-2023. |
|
(12) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Ġermanja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Ġermanja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Ġermanja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet restrittiva b'0,3 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,5 % tal-PDG u kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,6 % tal-PDG fl-2023, b'żieda annwali ta' 0,1 punti perċentwali mill-2022. Il-Ġermanja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Il-Ġermanja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħar-rinnovazzjoni enerġetika tal-bini, it-titjib tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi u t-tagħmir tal-iskejjel għall-era diġitali. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(13) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'0,2 % fl-2024 u b'1,0 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1¾ % tal-PDG fl-2024 u 1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 64 % sa tmiem l-2024 u, sussegwentement, jonqos għal 63¼ % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 1¼ % tal-PDG fl-2026 u 1½ % fl-2027, qabel jonqos għal 1 % fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa' taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 63¼ % fl-2026, 63 % fl-2027 u 62 % fl-2028. |
|
(14) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 0,1 % fl-2024 u 1,0 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 2,4 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025. |
|
(15) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 1,6 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 62,9 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza relatati mal-enerġija b'impatt simili fuq il-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'0,8 % tal-PDG fl-2024. |
|
(16) |
In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, l-istess ammont bħal fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Ġermanja. |
|
(17) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Ġermanja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 2,5 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ tal-proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Ġermanja hija pprojettata li tiżdied bi 2,6 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Madankollu, ir-rata ta' tkabbir projettata tan-nefqa netta fl-2024 inkluża fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni hija affettwata minn riklassifikazzjoni tal-entitajiet tat-trasport pubbliku fis-settur tal-gvern estiż matul l-2023 (17), li ħolqot interruzzjoni fis-serje kronoloġika. Mingħajr l-impatt ta' dik ir-riklassifikazzjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun projettata li tiżdied bi 2,4 % fl-2024, li huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ġermanja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, il-Ġermanja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (18) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,2 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, ir-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-gass hija preżunta li tibqa' fis-seħħ fl-2024, għalkemm b'impatt żgħir. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 1,1 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (19) tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,8 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
|
(19) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Ġermanja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 2,6 % tal-PDG fl-2023 għal 2,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,2 % tal-PDG fl-2024. |
|
(20) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 1,2 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 62,2 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis fid-defiċit u fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-irkupru mistenni fit-tkabbir tal-PDG. |
|
(21) |
Minkejja żieda żgħira fl-investiment pubbliku bħala perċentwal tal-PDG f'dawn l-aħħar snin, l-investiment pubbliku ma żammx il-pass mal-ħtiġijiet ta' investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, u fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. L-investiment fil-livell federali waqa' taħt il-livelli ta' deprezzament fl-aħħar sena, filwaqt li fl-aħħar għoxrin sena l-investiment nett fil-livell muniċipali kien negattiv, u dan wassal għal tnaqqis ġenerali fl-istokk kapitali. L-ostakli għall-investiment għadhom jeżistu. L-investiment privat fl-2023 kien għadu taħt il-livelli ta' qabel il-pandemija. B'mod partikolari, il-piż amministrattiv għall-introduzzjoni ta' investimenti privati għadu għoli, speċifikament minħabba rekwiżiti għal dokumentazzjoni u liċenzji estensivi kif ukoll nuqqas ta' diġitalizzazzjoni. Standards regolatorji eżiġenti, differenzi regolatorji bejn ir-reġjuni u proċeduri twal għall-għoti ta' permessi jfixklu l-espansjoni tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u innovazzjoni, speċjalment fis-setturi tal-enerġija u tal-kostruzzjoni. Filwaqt li l-għadd ta' abitazzjonijiet ikkompletati fl-2023 kien fil-livell tas-sena preċedenti, l-investiment f'bini residenzjali naqas għal dawn l-aħħar tliet snin, minkejja n-nuqqas ta' akkomodazzjoni. Forom alternattivi ta' finanzjament, b'mod partikolari għan-negozji li qed jespandu, huma limitati. L-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għadu baxx u t-tixrid tat-teknoloġija huwa limitat. |
|
(22) |
It-tixjiħ qed inaqqas il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, u qed jagħmel pressjoni li tgħolli l-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata. B'riżultat ta' dan, in-nefqa ġenerali fuq il-pensjonijiet hija mistennija li tiżdied. Dan joħloq ħtieġa sinifikanti ta' finanzjament. Matul is-snin, porzjon dejjem akbar tan-nefqa fuq il-pensjonijiet ġie ffinanzjat permezz ta' sussidji federali. Mill-2020, dan kien jikkostitwixxi aktar minn EUR 100 biljun fis-sena, madwar 23 % tan-nefqa federali totali. Jekk il-politiki ma jinbidlux, dan huwa mistenni li jkompli jiżdied, u jpoġġi pressjoni fuq il-lok għall-infiq produttiv. Il-pensjonijiet okkupazzjonali kif ukoll l-iskemi tal-pensjonijiet privati bbażati fuq il-kapital għadhom ma jintużawx biżżejjed. Minkejja l-isforzi biex jiżdied l-użu tal-pensjonijiet okkupazzjonali (it-tieni pilastru), il-kopertura għadha madwar 54 %. Il-bini ppjanat ta' “kapital ta' ġenerazzjoni”, li jżid element ibbażat fuq il-kapital fis-sistema statutorja tal-pensjonijiet, ser jiġi ffinanzjat permezz tad-dejn tal-gvern u għalhekk joffri potenzjal limitat li s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet titjieb. Filwaqt li r-rata ta' impjieg tal-ħaddiema ta' bejn il-55 u l-64 sena hija fost l-ogħla fl-Unjoni, iż-żieda fl-età effettiva tal-irtirar naqset xi ftit f'dawn l-aħħar snin, u l-impjieg fil-grupp tal-età ta' 65 u aktar għadu lura meta mqabbel mal-Istati Membri bl-ogħla rati ta' impjieg. Dan huwa dovut ukoll għall-opzjonijiet ta' rtirar bikri, li jżid aktar il-pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. |
|
(23) |
L-aħjar taħlita fiskali possibbli hija kruċjali għal tkabbir aktar inklużiv u sostenibbli kif ukoll għal kompetittività aktar soda. Il-ħaddiema fil-Ġermanja jħallsu t-tieni l-ogħla porzjon ta' taxxa fl-Unjoni. Taxxi għoljin flimkien ma' regoli dwar il-benefiċċji jnaqqsu l-inċentivi biex jiżdied l-għadd ta' sigħat maħduma, speċjalment għal dawk b'paga baxxa u għal dawk li huma t-tieni sors ta' dħul, li spiss ikunu nisa, kif indikat ukoll mis-sehem għoli ħafna ta' nisa impjegati jaħdmu part-time. Dan huwa ta' piż fuq il-provvista tal-ħaddiema u jaggrava n-nuqqas ta' ħaddiema li diġà jeżisti. Barra minn hekk, is-sehem tal-Ġermanja mit-taxxi ambjentali huwa taħt il-medja tal-Unjoni u qed jonqos. Min-naħa l-oħra, il-Ġermanja għandha waħda mill-ogħla rati tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu fl-Unjoni, inkluż it-taxxa kummerċjali lokali (Gewerbesteuer). Il-kombinament tagħhom jifforma sistema tat-taxxa kumplessa u mhux ċara. Inizjattivi reċenti biex jiġu riveduti r-regoli dwar id-deprezzament u t-titjib tal-krediti tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp huma modi kosteffettivi biex jiġu estiżi l-inċentivi għall-investiment. Fl-istess ħin, hemm potenzjal għas-simplifikazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni korporattiva billi jitnaqqas l-ambitu tal-eżenzjonijiet. |
|
(24) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Ġermanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Ġermanja taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, inkluż billi talloka biżżejjed riżorsi għall-ġestjoni tagħha. L-inklużjoni rapida ta' kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ser tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b'appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Ġermanja u tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(25) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), il-Ġermanja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Il-Ġermanja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. Għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti fl-impjieg u fil-produttività tax-xogħol, għalkemm ir-reġjuni inqas żviluppati qegħdin gradwalment ilaħħqu mal-oħrajn fejn tidħol il-produttività tax-xogħol. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni hija kruċjali u l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti. Bħala parti mill-objettiv tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, huwa importanti li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, u li jiġu promossi l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-implimentazzjoni tagħhom. Iż-żieda fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha, speċjalment fir-reġjuni tal-Lvant, kif ukoll l-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali huma kruċjali biex ikomplu jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali fil-kompetittività u fl-impjieg. Dan jirrikjedi wkoll li l-implimentazzjoni ta' programmi tal-politika ta' koeżjoni biex it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tkompli fir-reġjuni b'setturi bi prestazzjoni għolja. Jeħtieġ ukoll li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli, fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fl-impronta tal-karbonju. L-iżvilupp tan-negozju u l-appoġġ għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, jibqgħu pertinenti. Il-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, huma prijoritajiet, bħalma huma l-inklużjoni attiva u t-titjib tal-impjegabbiltà. Il-Ġermanja tista' wkoll tagħmel użu mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi f'teknoloġiji diġitali, teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u bijoteknoloġiji, kif ukoll biex tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet f'dawk is-setturi. |
|
(26) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Ġermanja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mal-indirizzar tan-nuqqas kbir ta' ħaddiema tas-sengħa, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. Aktar investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jgħinu wkoll biex titnaqqas id-diskrepanza bejn it-tfaddil u l-investiment. |
|
(27) |
In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa jfixkel it-tkabbir, l-investiment u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Madwar nofs il-kumpaniji fil-Ġermanja jsibuha diffiċli biex jimlew il-postijiet vakanti, anke wara perjodu twil. Hemm riskju li n-nuqqas ta' ħiliet jista' jkompli jiġi aggravat minħabba eżiti tal-edukazzjoni li qed jiddeterjoraw, speċjalment għal gruppi żvantaġġati, għadd sinifikanti ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola u ħiliet diġitali bażiċi dgħajfa. Skont il-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, is-sehem ta' dawk li ma kisbux riżultati tajbin kważi rdoppja matul l-aħħar għaxar snin: madwar tlieta minn kull 10 student żagħżugħ fil-Ġermanja m'għandhomx livell minimu ta' profiċjenza fil-matematika, u wieħed minn kull erbgħa fil-qari u x-xjenza. L-influwenza tal-isfond soċjoekonomiku u dak ta' migrazzjoni fuq l-eżiti tal-edukazzjoni kompliet tiżdied. Il-Ġermanja għandha wkoll wieħed mill-ogħla proporzjonijiet ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola fl-UE u għandha wkoll għadd partikolarment għoli ta' studenti mwielda barra mill-pajjiż. Il-programm federali u statali l-ġdid ta' 10 snin “Startchancen” immirat prinċipalment lejn l-istudenti żvantaġġati huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda jkopri biss sa 10 % tal-iskejjel Ġermaniżi. Il-profiċjenza fil-lingwa Ġermaniża hija kruċjali għal tagħlim u inklużjoni effettivi, li jissottolinja l-importanza ta' appoġġ intensifikat fil-lingwa Ġermaniża, b'mod partikolari għall-istudenti li d-dar jitkellmu lingwi li mhumiex l-Ġermaniż. Bi 52,2 % fl-2023, il-Ġermanja tinsab taħt il-medja tal-UE ta' 55,6 % ta' adulti li tal-anqas għandhom ħiliet diġitali bażiċi, u huwa speċjalment iż-żgħażagħ li għadhom lura. Hemm bżonn li tittejjeb il-provvista ta' ħiliet bażiċi, kif ukoll li jittejbu l-ħiliet ta' persuni bi kwalifiki aktar baxxi u ta' dawk bi sfond ta' migrazzjoni bi kwalifiki baxxi għas-suq tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħaddiema, speċjalment fis-settur tas-saħħa u tal-kura fit-tul, fil-kostruzzjoni, fl-artiġjanat u fis-servizzi. L-eżiti tal-ħiliet jistgħu jitjiebu b'żieda fil-kollaborazzjoni bejn l-impjegaturi u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ kemm fi ħdan l-istess settur kif ukoll bejn is-setturi, u permezz ta' dipendenza akbar fuq kwalifiki modulari/b'ċiklu qasir. Huwa kruċjali li jsiru aktar sforzi biex jitjiebu l-eżiti tal-edukazzjoni, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u li jissaħħu l-ħiliet diġitali biex jiġi indirizzat in-nuqqas kbir ta' ħaddiema tas-sengħa. |
|
(28) |
Filwaqt li l-Ġermanja għamlet sforzi biex ittejjeb id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, l-implimentazzjoni għadha miexja bil-mod, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni ta' servizzi uniformi u kompletament diġitali fil-muniċipalitajiet u fl-istati federali (Länder). Il-Ġermanja ma laħqitx l-għan tagħha li tiddiġitalizza s-servizzi amministrattivi kollha għall-pubbliku u għan-negozji sal-iskadenza legali nazzjonali tagħha (tmiem l-2022, l-Att dwar l-Aċċess Online (Onlinezugangsgesetz)). Il-Kunsill Nazzjonali għall-Kontroll Regolatorju (Normenkontrollrat) iqis l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Aċċess Online bħala inadegwata u identifika n-nuqqas ta' ħaddiema projettat bħala riskju ewlieni fin-nuqqas ta' kisbiet fl-effiċjenza permezz tad-diġitalizzazzjoni. Minkejja progress reċenti, ma hemmx biżżejjed koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-livelli amministrattivi kollha u s-sjieda biex jitwettqu l-proċessi diġitalizzati tidher limitata. Il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku tal-Kummissjoni juri li l-Ġermanja għandha wkoll prestazzjoni insuffiċjenti fid-diġitalizzazzjoni tal-back office tal-amministrazzjoni tagħha, u dan ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar l-Aċċess Online. L-immodernizzar u l-konnessjoni ta' aktar minn 11 000 reġistru, lil hinn mill-ewwel passi skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja, huma faċilitatur kruċjali ta' amministrazzjoni pubblika diġitali. Madankollu, sa issa ftit li xejn sar progress, u tnaqqas l-infiq fuq il-miżuri ta' amministrazzjoni pubblika diġitali. |
|
(29) |
Filwaqt li l-Ġermanja għamlet progress tajjeb fl-użu tal-konnessjonijiet tal-fibra broadband, il-kopertura ġenerali tal-pajjiż (29,8 %) għadha t-tieni l-aktar rata baxxa fl-Unjoni. In-nuqqas ta' konnessjonijiet tal-fibra (kopertura ta' 25,6 % tal-unitajiet domestiċi) u network b'kapaċità għolja ħafna (37,6 %) huwa partikolarment evidenti fiż-żoni rurali. In-nuqqas ta' kopertura għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività u jtellef it-tkabbir tal-produttività, speċjalment għall-SMEs. It-titjib tal-kundizzjonijiet qafas għall-varar tan-network, pereżempju billi tiżdied il-kapaċità tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni fis-settur pubbliku, huwa kruċjali biex titħaffef il-kopertura tal-fibra. L-ilħuq tal-miri tan-network ser jirrikjedi wkoll titjib fil-proċeduri amministrattivi involuti fl-applikazzjoni għall-permessi u l-għoti tagħhom u involuti fl-istandardizzazzjoni ta' metodi ta' installazzjoni alternattivi li jieħdu inqas ħin. It-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ġermaniża dwar il-Gigabits tista' tirrimedja dawk il-kwistjonijiet u twassal għal aktar titjib. Madankollu, tista' tingħata attenzjoni lill-ippjanar tal-interventi pubbliċi b'mod li ma jeskludix l-investimenti kummerċjali, pereżempju billi tiżdied id-domanda għar-riżorsi tal-inġinerija skarsi. |
|
(30) |
L-ilħuq tal-miri klimatiċi jirrikjedi aktar sforzi fid-dekarbonizzazzjoni settorjali għas-settur tat-trasport. It-trasport naqas milli jilħaq il-miri nazzjonali annwali tal-emissjonijiet speċifiċi għas-settur sa mill-bidu tagħhom, inkluż fl-2023. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport bit-triq jgħin sostanzjalment biex tinkiseb il-Mira tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi tal-Ġermanja li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'50 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Is-settur tat-trasport żied il-konsum finali tal-enerġija tiegħu b'6,3 % fl-2023. It-titjib tal-affidabbiltà u tal-kwalità tal-operazzjonijiet ferrovjarji u l-indirizzar tad-diskrepanzi fl-investiment u d-dewmien fir-rinnovazzjoni, b'mod partikolari għall-merkanzija, jgħinu biex tiġi stimulata d-domanda għat-trasport pubbliku u biex tonqos il-konġestjoni fit-toroq. Il-ħolqien ta' kapaċità suffiċjenti fuq in-network ferrovjarju biex jakkomoda traffiku ġdid ser jirrikjedi investiment sostanzjali. |
|
(31) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Ġermanja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. |
|
(32) |
Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mas-surplus kbir persistenti fil-kontijiet kurrenti. Ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1) f'dak li għandu x'jaqsam ma' investiment akbar. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 31, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (22) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u ż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Issaħħaħ l-investiment pubbliku u t-tneħħi l-ostakli għall-investiment privat biex tingħata spinta lill-kompetittività. Ittejjeb l-ispazju fiskali għall-infiq produttiv, inkluż billi tirriforma n-naħa tal-finanzjament tas-sistema tal-pensjonijiet tal-ewwel pilastru. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa ħalli jkun hemm aktar tkabbir inklużiv u kompetittività sostenibbli, inkluż billi tnaqqas id-diżinċentivi ħalli jiżdiedu s-sigħat maħduma, b'mod partikolari għal dawk li huma t-tieni sors ta' dħul. |
|
2. |
Taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, u tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, inkluż billi talloka biżżejjed riżorsi għall-ġestjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u għall-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-ħiliet bażiċi u diġitali, u ttejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni, inkluż billi ssaħħaħ l-għoti ta' appoġġ immirat lill-gruppi żvantaġġati. Tħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż billi żżid il-kopertura ġeografika tas-servizzi pubbliċi diġitali. Tkompli tagħti spinta lill-varar ta' networks ta' komunikazzjoni diġitali b'kapaċità għolja ħafna, inkluż billi tiffaċilita l-implimentazzjoni meħtieġa ta' proġetti ta' investiment privat u timmobilizza riżorsi pubbliċi fejn meħtieġ. |
|
4. |
Taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, inkluż billi taġġorna n-network ferrovjarju. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 10158/21 INIT; ST 10158/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja (ST 15572/23 INIT).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tal-Ġermanja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 35).
(13) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Ġermanja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta' 7,5 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(14) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tal-Ġermanja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 38).
(16) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(17) L-impatt ta' dik ir-riklassifikazzjoni huwa kopert mill-indikatur tat-tkabbir fl-infiq filwaqt li għandu effett negliġibbli fuq id-defiċit tal-gvern permezz ta' żieda simili fid-dħul.
(18) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(19) Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(20) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(21) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(22) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6812/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)