26.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/63


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1386

tal-25 ta' Lulju 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(2)

Fit-13 ta' Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/445 (2), biex b'hekk ġedded dawk il-miżuri għal sitt xhur oħra.

(3)

Il-Kunsill irreveda deżinjazzjoni individwali waħda li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK. Jenħtieġ li l-entrata li tikkonċerna lil dik il-persuna tiġi emendata.

(4)

Jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/445 tat-13 ta' Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 67, 14.3.2017, p. 88).


ANNESS

Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, taħt l-intestatura “Persuni”, l-entrata Nru 92 hija sostitwita b'dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“92

Arkady Romanovich ROTENBERG,

Arkadii Romanovich ROTENBERG

(Аркадий Романович РОТЕНБЕРГ)

Data tat-Twelid: 15.12.1951

Post tat-Twelid: Leningrad (San Pietruburgu).

Arkady Rotenberg huwa negozjant Russu prominenti, li għandu rabtiet personali mill-qrib mal-President Putin. Sa minn Marzu 2014, Rotenberg, jew il-kumpanniji tiegħu, irċevew kuntratti Statali li jammontaw għal aktar minn USD 7 biljun. Fl-2015, Rotenberg kien fil-quċċata tal-lista annwali ta' kuntratti tal-gvern f'termini ta' valur, wara li ngħata kuntratti li jiswew 555 biljun rublu mill-Gvern Russu. Ħafna minn dawn il-kuntratti ngħataw mingħajr proċessi kompetittivi formali. Fit-30 ta' Jannar 2015, il-Prim Ministru Dmitry Medvedev iffirma digriet li ta lill-kumpannija Stroygazmontazh ta' Rotenberg kuntratt Statali għall-bini tal-pont ta' Kerch mir-Russja sar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment. Permezz ta' dawn il-kuntratti hu bbenefika finanzjarjament minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli mill-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-lvant tal-Ukrajna.

Huwa s-sid tal-kumpannija Stroygazmontazh li ngħatat kuntratt Statali għall-bini tal-pont ta' Kerch mir-Russja sar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalmentu għalhekk jikkonsolida l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa li b'hekk imbagħad tkompli ddgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Bl-istess mod, f'Jannar 2017, Stroygazmontazh ingħatat kuntratt Statali li jiswa 17-il biljun rublu għall-bini ta' linja ferrovjarja fuq il-pont ta' Kerch li għal darb'oħra tkompli ddgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Huwa l-president tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija tal-pubblikazzjoni Prosvescheniye, li notevolment implimentat il-proġett ‘Lit-Tfal tar-Russja: Indirizz — Krimea’, kampanja ta' relazzjonijiet pubbliċi li tfasslet biex tikkonvinċi lit-tfal tal-Krimea li issa huma ċittadini Russi li jgħixu fir-Russja u b'hekk appoġġat il-politika tal-Gvern Russu li tintegra l-Krimea fir-Russja.

30.7.2014”