Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta' Malta għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Malta għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0321 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta'
Malta għall-2012
u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Malta
għall-perjodu 2012-2015 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u
partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi
mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta'
Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki
ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni
biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u
l-kompetittività sostenibbli. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali
għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010
sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni
dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li
flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u
okkupazzjonali nazzjonali tagħhom. (3) Fit-12 ta' Lulju 2011,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta'
Malta għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
stabbiltà aġġornat ta' Malta għall-perjodu 2011-2014. (4) Fit-23 ta' Novembru 2011,
il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li
kien il-bidu tat-tieni semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex
ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.
Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE)
Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu
ta' Twissija[5],
li fih hija ma identifikatx lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri
li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. (5) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà
finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li
tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li
tinżamm konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir,
biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self,
biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu
indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex
tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. (6) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt
Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin
għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza
tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. (7) Fit-30 ta' April 2012,
Malta ressqet il-programm ta' stabbiltà tagħha għall-2012, li jkopri
l-perjodu bejn l-2012 u l-2015, u fit-23 ta' April 2012 ressqet
il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu
l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew
ivvalutati fl-istess waqt. (8) Abbażi tal-valutazzjoni
tal-programm ta’ stabbiltà tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku
sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji huwa ottimistiku,
speċjalment lejn l-aħħar snin tal-perjodu tal-programm ta’
stabbiltà meta mqabbel mat-tkabbir potenzjali kif stmat mill-Kummissjoni.
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm, huwa li
d-defiċit gradwalment jitnaqqas għal 0,3 % tal-PDG fl-2015, wara
l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv fl-2011. Il-programm
jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) baġitarju preċedenti
ta’ pożizzjoni bbilanċjata f’termini strutturali, li għandha
tintlaħaq lil hinn mill-perjodu tal-programm. L-OTM jirrifletti b’mod
xieraq ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Hemm riskju li
r-riżultati tad-defiċit ikunu agħar minn dawk previsti,
minħabba (i) dħul iktar baxx minħabba x-xenarju makroekonomiku
kemxejn ottimistiku; (ii) infiq żejjed possibbli fin-nefqa primarja
attwali; u (iii) ir-ristrutturar li għaddej bħalissa tal-linja
nazzjonali tal-ajru (Air Malta) u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-fornitur
tal-enerġija (Enemalta). Fuq bażi tal-bilanċ baġitarju
strutturali (ikkalkolat mill-ġdid)[6],
il-progress annwali lejn l-OTM huwa ppjanat li jkun f'konformità mal-valur
referenzjarju ta' 0,5 % tal-PDG fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
Bl-użu tal-identifikazzjoni tal-Kummissjoni tal-miri ta’ darba
inklużi fil-miri baġitarji, il-progress medju lejn l-OTM huwa kemxejn
ogħla (¾ % tal-PDG) iżda mifrux b’mod tassew mhux uniformi, bl-ebda
progress fl-2012 segwit minn sforz ta’ 1¼% fl-2013. Skont l-informazzjoni
mogħtija fil-programm, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa tal-amministrazzjoni
pubblika, meta jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, tkun
konformi mal-valur referenzjarju għan-nefqa tal-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir tul il-perjodu tal-programm. Ir-riskji għall-miri baġitarji
jimplikaw, madankollu, li l-aġġustament medju lejn l-OTM jista’ jsir
iktar bil-mod milli jkun meħtieġ. Wara massimu ta’ 72 % tal-PDG
fl-2011, fil-programm huwa ppjanat li l-proporzjon tad-dejn gross
tal-amministrazzjoni pubblika se jibda jonqos u li se jilħaq 65,3 %
tal-PDG fl-2015 (jibqa’ ’l fuq mis-60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG).
Skont il-pjanijiet fil-programm, Malta qed tagħmel progress
suffiċjenti biex tilħaq il-valur referenzjarju għat-tnaqqis
tad-dejn tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-aħħar tal-perjodu ta’
tranżizzjoni (2015), iżda din il-valutazzjoni hija suġġetta
għal riskji minħabba li l-proporzjon tad-dejn jista' jkun ogħla
minn dak previst, fid-dawl tal-possibbiltà li jkun hemm defiċits
ogħla u iktar aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi. Il-qafas
baġitarju ta’ Malta ta’ terminu medju għadu mhux vinkolanti u dan
jimplika orizzont ta’ pjanar fiskali relattivament qasir. Il-programm
iħabbar li l-gvern Malti qed jikkunsidra li jirriforma l-proċedura
baġitarja annwali, inklużi l-kalendarji, u li jintroduċi regola
fiskali li tkun inkorporata fil-Kostituzzjoni, inklużi mekkaniżmi
korrettivi u dawk ta’ monitoraġġ, b’konformità mal-bidliet
reċenti fil-qafas ta’ governanza taż-żona tal-euro. (9) Malta għadha f'riskju
sinifikanti fir-rigward tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi
tagħha, b'żieda proġettata fit-tul bl-infiq relatat mal-età ikun
konsiderevolment ogħla mill-medja tal-UE Rata baxxa ħafna ta'
attività għall-ħaddiema iktar avvanzati fl-età, inklużi n-nisa
iktar avvanzati fl-età; età ta' ħruġ relattivament baxxa; u rikors
għal skemi ta' rtirar kmieni jżidu mal-ambitu tal-isfida. Grupp
indipendenti ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet ressaq proposti għal
riforma ulterjuri fil-pensjonijiet f'Diċembru 2010, inkluża
rabta bejn ir-rata ta' rtirar u l-istennija tal-għomor, kif ukoll
l-introduzzjoni ta' pilastri addizzjonali għas-sistema tal-pensjonijiet.
Dan kien is-suġġett ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati imma
l-gvern għadu ma ħabbarx il-pożizzjoni tiegħu. Barra minn
hekk, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ma jipproponix strateġija
komprensiva ta' tixjiħ attiv. Filwaqt li jiġu nnutati l-miżuri introdotti
minn Malta biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux dikjarat,
il-fatt li dan għadu jsir ukoll joħloq riskju li jkun hemm pressjoni
mhux dovuta fuq is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi. (10) Ir-ristrutturazzjoni
tal-ekonomija ta' Malta ħolqot nuqqas ta' qbil bejn id-domanda u
l-provvista tal-ħiliet, li hija intensifikata minn rata baxxa ta'
parteċipazzjoni b'suċċess fl-edukazzjoni terzjarja u rata
għolja ta' nies li jħallu l-iskola kmieni. Hemm bżonn li
jitkomplew l-isforzi biex jittejbu r-rabtiet bejn is-sistema edukattiva u
l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biex jiġi żgurat li
jinkisbu riżultati li jdumu. Huwa mistenni li Malta
tippreżenta strateġija li tindirizza t-tluq kmieni mill-iskola sal-aħħar
tal-2012. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema komprensiva
għall-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar dan il-fenomenu. (11) Malta għad għandha
rata baxxa ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tagħha
għan-nisa u l-ħaddiema iktar avvanzati fl-età. Malta qed tieħu
passi biex terġa' daħħal lin-nisa fil-forza tax-xogħol.
Madankollu, il-qabża bejn is-sessi fl-impjiegi u l-impatt ta' meta ssir
ġenitur huma partikolarment negattivi għan-nisa, l-iktar minħabba
n-nuqqas ta' kura tat-tfal affordabbli u faċilitajiet
aċċessibbli għal wara l-iskola, flimkien ma' nuqqas ta' interess
għat-teħid ta' miżuri tajbin għall-familja
bħall-ħin flessibbli u t-telexogħol. (12) Malta għadha waħda
mill-ftit Stati Membri b'sistema ġeneralizzata ta' indiċizzar
tal-pagi . Filwaqt li l-mekkaniżmu fih fatturi li
potenzjalment itaffu l-impatt tiegħu, huwa jinkludi riskju ta' spirali
tal-pagi mal-prezzijiet, partikolarment minħabba li l-prezzijiet importati
mhumiex esklużi mill-indiċi u dan jista' jkun ta' xkiel
għall-kompetittività, speċjalment f'setturi b’ħafna
ħaddiema. L-awtoritajiet wettqu proċess ta’ reviżjoni, iżda
r-riżultati għadhom mhumiex disponibbli, u d-dibattitu dwar proposti
konkreti għal riforma għadu jrid jinbeda. (13) Il-provvista tal-elettriku
f'Malta għadha dipendenti kważi kompletament miż-żejt
importat, filwaqt li l-kontribuzzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli
għadha marġinali. Tariffi għolja tal-elettriku jistgħu
jxekklu l-kompetittività tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs
medju f’Malta. L-indirizzar tan-nuqqasijiet fl-effiċjenza
tal-enerġija jista' jirriżulta fil-vantaġġ doppju li
tittejjeb il-kompetittività filwaqt li jinkisbu l-miri tal-enerġija u
tal-klima. F'dawn l-oqsma ttieħdu għadd ta' inizjattivi bħall-inkoraġġiment
tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fotovoltajka u l-iżvilupp ta'
parkijiet eoliċi, l-iżvilupp ta' konnessjoni tal-elettriku ma'
Sqallija u l-promozzjoni tal-użu ta' karozzi effiċjenti fil-fjuwil.
Madankollu, għadu kmieni wisq biex wieħed jara l-impatt eventwali ta'
dawn l-inizjattivi, għalhekk l-implimentazzjoni tagħhom għandha
tkun sorveljata mill-qrib. (14) Is-sistema bankarja f'Malta
hija kbira ħafna meta tqabbilha mad-daqs tal-ekonomija, bl-assi totali
jammontaw għal madwar 800 % tal-PDG. Id-daqs innifsu tas-settur
jimplika li xkiel għall-istabbiltà finanzjarja jista' jħalli impatt
sproporzjonat fuq l-ekonomija domestika. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali
ġab miegħu żieda fis-self problematiku, li madankollu ma kienx
akkumpanjat minn żieda fil-provvediment għalih. B'mod partikolari
l-esponiment qawwi għas-suq immobiljari, li huwa responsabbli għal
nofs is-self kollu għar-residenti domestiċi, huwa sors ta'
vulnerabilità speċjalment peress li ma tistax tiġi eskluża
korrezzjoni oħra ’l isfel fil-prezzijiet tal-proprjetà, filwaqt li jista'
jkun hemm provvista żejda ta’ unitajiet tad-djar. (15) Malta ħadet għadd
ta’ impenji skont il-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni
tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw it-titjib
fil-kompetittività, it-tkabbir fl-impjiegi u t-trawwim tas-sostenibilità
tal-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni
tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati
r-riżultati ta' din il-valutazzjoni. (16) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
ta' Malta. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà tal-2012 u l-programm
nazzjonali ta' riforma tal-2012. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom
għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f'Malta imma
qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl
tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika
kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet
(1) sa (6) hawn taħt. (17) Fid-dawl ta’ din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà ta’ Malta
għall-2012 u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni
(1) hawn taħt. B'DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu
azzjoni fil-perjodu 2012-2013 sabiex: 1. Issaħħaħ
l-istrateġija baġitarja fl-2012 permezz ta’ miżuri addizzjonali
permanenti, sabiex tiżgura li jkun hemm progress adegwat lejn l-objettiv
baġitarju ta' terminu medju (OTM) u li żżomm id-defiċit
taħt it-3 % tal-PDG mingħajr rikors lejn okkażjonijiet ta’
darba. Tkompli l-konsolidazzjoni fiskali b’pass xieraq, wara li jseħħ
dan, sabiex tagħmel kemm biżżejjed progress lejn l-OTM,
inkluż li tilħaq il-valur referenzjarju għan-nefqa, kif ukoll
lejn konformità mal-valur referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn, billi
tispeċifika miżuri konkreti bħala sostenn għall-miri
tad-defiċit mill-2013, filwaqt li tkun lesta li tieħu miżuri
addizzjonali f’każ ta’ telf. Timplimenta, sa tmiem l-2012, qafas fiskali
multiannwali bbażat fuq ir-regoli u vinkolanti. Iżżid
il-konformità tat-taxxa u tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, u
tnaqqas l-inċentivi fir-rigward tal-livelli tad-dejn fit-tassazzjoni
korporattiva. 2. Tieħu azzjoni, mingħajr
iktar dewmien, biex tiżgura s-sostenibilità fit-tul tas-sistema
tal-pensjonijiet, li fiha (i) aċċellerazzjoni sinifikanti
taż-żieda progressiva fl-età tal-irtirar meta mqabbla
mal-leġiżlazzjoni preżenti, (ii) rabta ċara bejn l-età
statutorja għall-irtirar u l-istennija tal-għomor u (iii) miżuri
li jħeġġu t-tfaddil għal pensjoni privata. Tieħu
miżuri sabiex iżżid il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema
iktar avvanzati fl-età fil-forza tax-xogħol u tiskoraġġixxi
l-użu ta’ skemi ta’ rtirar kmieni. 3. Tieħu passi sabiex
tnaqqas ir-rata għolja ta’ tluq kmieni mill-iskola. Iżżomm
l-isforzi politiċi fis-sistema edukattiva biex tqabbel il-ħiliet
mitluba mis-suq tax-xogħol. Ittejjeb il-provvista u l-affordabilità ta'
ċentri tal-kura tat-tfal u ta' barra mill-iskola, bl-għan li
titnaqqas il-qabża bejn is-sessi fl-impjiegi, u fl-istess ħin
jitnaqqsu l-effetti ħżiena għall-impjegati nisa li jsiru
ommijiet. 4. Tieħu aktar passi
neċessarji biex tirriforma, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u
f’konformità mal-prattiki nazzjonali, is-sistema ta’ negozjar tal-pagi u
l-indiċizzar tal-pagi, sabiex din tirrifletti aħjar l-iżviluppi
fil-produttività tal-ħaddiema u tnaqqas l-impatt tal-prezzijiet
tal-importazzjonijiet fuq l-indiċi. 5. Sabiex titnaqqas
id-dipendenza ta’ Malta fuq iż-żejt impurtat, iżżid
l-isforzi biex tippromwovi l-użu effiċjenti tal-enerġija u
żżid il-proporzjon tal-enerġija ġġenerata minn sorsi
rinnovabbli, billi timmonitorja bir-reqqa l-mekkaniżmi eżistenti ta'
inċentiv u tipprijoritizza t-tkomplija tal-iżvilupp tal-infrastruttura,
inkluż billi tinbena konnessjoni tal-elettriku ma' Sqallija. 6. Biex issaħħaħ
is-settur bankarju, għandha tieħu miżuri biex tnaqqas ir-riskji
potenzjali li jirriżultaw mill-esponiment kbir għas-suq immobiljari.
Tieħu miżuri biex tkompli ssaħħaħ
id-dispożizzjonijiet f'każ ta’ telf minn indeboliment. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1. [2] COM(2012) 321 finali. [3] P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047 [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012 [5] COM(2012)
68 finali. [6] Il-bilanċ nett tal-miżuri ta’ darba u dawk
temporanji aġġustat b’mod ċikliku, ikkalkulat mill-ġdid
mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija
fil-programm, bl-użu ta’ metodoloġija li dwarha ntlaħaq ftehim
komuni. [7] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97.