10.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/48


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Kontribut għall-kontroll tal-idoneità tad-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitat u l-Fawna u l-Flora

(2016/C 051/10)

Relatur:

Is-Sur Roby BIWER (SPE/LU), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, il-Lussemburgu

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza li attwalment waħda mill-akbar sfidi ambjentali hija, li sas-sena 2020 jieqfu t-telf tal-bijodiversità, tal-ħabitats naturali kif ukoll d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema u li dawn jiġu rrestawrati;

2.

ifakkar li skont il-premessi rilevanti tad-Direttiva tal-Għasafar (1) u tad-Direttiva dwar il-Ħabitat u l-Fawna u l-Flora (2) (“id-Direttivi dwar in-natura”) tal-Unjoni Ewropea, iż-żamma, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent fost l-oħrajn huma għan ewlieni tal-Komunità u ta’ interess ġenerali, u li t-tnaqqis fil-popolazzjonijiet ta’ speċi selvaġġi u l-ħabitats tagħhom huwa theddida serja għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali;

3.

jinsab imħasseb li, skont studji reċenti bħar-Rapport dwar il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea (3) mhuwiex mistenni li l-mira tal-bijodiversità għas-sena 2020, li ġiet ikkonfermata wkoll mill-Kunsill Ewropew fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2010 tintlaħaq biss fuq il-bażi tal-miżuri meħuda jew ippjanati s’issa;

4.

jaqbel ma’ dak li assumiet il-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità (4), li l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar in-natura hija fundamentali biex jieqaf it-telf tal-bijodiversità u biex jintlaħqu l-għanijiet individwali stabbiliti fl-istrateġija;

5.

jirrimarka li l-komunitajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura, u huwa konvint li dan ir-rwol ewlieni huwa bbażat fuq esperjenza speċifika tal-Kumitat tar-Reġjuni bid-Direttivi dwar in-natura;

6.

jixtieq għalhekk jikkontribwixxi bl-esperjenza speċifika li kiseb fil-qasam tad-Direttivi dwar in-natura bis-saħħa tal-mandat politiku tiegħu fil-proċedura attwali tal-kontroll tal-idoneità li qed twettaq il-Kummissjoni Ewropea (5), u għalhekk jadotta din il-pożizzjoni fir-rigward tad-diversi kwistjonijiet li tqajjem il-Kummissjoni Ewropea;

Rilevanza

7.

iqis li l-premessi u l-għanijiet li jiffurmaw il-bażi tad-Direttivi dwar in-natura għadhom rilevanti anki llum u għalhekk id-Direttivi dwar in-natura nfushom huma essenzjali għall-protezzjoni tal-ispeċi u l-ħabitats tagħhom kif ukoll tat-tipi ta’ ħabitats fl-Unjoni Ewropea;

8.

jenfasizza li d-Direttivi dwar in-natura jindirizzaw it-theddid sinifikanti kollu għall-ispeċi, il-ħabitats tagħhom u t-tipi ta’ ħabitats fl-Unjoni Ewropea;

9.

huwa madankollu estremament imħasseb dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttivi dwar in-natura għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha, u jenfasizza l-protezzjoni legali li parzjalment għad trid tingħata taż-żoni tan-Natura 2000 u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi li spiss għadhom nieqsa, u jitlob għall-involviment aktar mill-qrib tal-komunitajiet lokali u reġjonali f’dawn il-kompiti;

10.

ifakkar li d-Direttivi dwar in-natura għandhom l-għan li jipprovdu protezzjoni komprensiva tal-aktar speċi li għandhom jiġu protetti b’mod urġenti u tal-ħabitats tagħhom u tat-tipi ta’ ħabitats fl-oqsma kollha ta’ politika u li għalhekk hija sfida għall-ġejjieni li kwistjonijiet ta’ ħarsien tan-natura jiġu integrati aħjar anki f’oqsma ta’ politika oħra bħall-politika agrikola, peress li l-aspetti tal-protezzjoni tan-natura mhux qegħdin jiġu kkunsidrati bl-aħjar mod f’dan il-qasam;

11.

iqis f’dan il-kuntest, li d-Direttivi dwar in-natura huma estremament rilevanti għall-protezzjoni tal-ispeċi, il-ħabitats tagħhom u tat-tipi ta’ ħabitats minn piż u theddid fil-livell lokali u reġjonali li ġej mit-telf jew il-frammentazzjoni tal-ħabitats, it-tniġġis, kif ukoll iż-żieda fl-annimali u pjanti mhux indiġeni;

Effikaċja

12.

jirrikonoxxi li l-qagħda tal-ispeċi, tal-ħabitats tagħhom u tat-tipi ta’ ħabitats jidher biċ-ċar li tjiebet b’mod sinifikanti fl-oqsma fejn ġew implimentati d-Direttivi dwar in-natura (6), għalhekk wieħed jista’ jassumi li dawn il-miri jistgħu jintlaħqu bl-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

13.

jenfasizza li għadd ta’ eżempji konkreti fir-rapport dwar il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea juru li l-Istati Membri kif ukoll il-komunitajiet lokali u reġjonali għandhom rwol deċiżiv fil-protezzjoni tal-ispeċi u l-ħabitats;

14.

jesprimi tħassib serju li s-suċċess li nkiseb mill-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura fil-protezzjoni tal-ispeċi u l-ħabitats huwa limitat fil-portata tiegħu u mhuwiex komplut, peress li l-maġġoranza tal-ispeċi u tat-tipi ta’ ħabitats għadhom jinsabu f’qagħda ta’ konservazzjoni sfavorevoli u saħansitra proporzjon sostanzjali tagħhom jinsab mhedded b’aktar degradazzjoni;

15.

jinnota wkoll li l-bijodiversità barra mill-oqsma protetti mid-Direttivi dwar in-natura ma wrietx żvilupp pożittiv komparabbli bħal dik fi ħdan in-netwerk tan-Natura 2000, kif juri t-telf drammatiku fl-ispeċi ta’ għasafar komuni;

16.

huwa konvint li d-dibattiti bejn it-tipi differenti ta’ partijiet interessati b’rabta ma’ ftit speċi li għandhom il-potenzjal li jikkaġunaw ħsarat jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ regoli ċari fil-pjanijiet ta’ ġestjoni, li min-naħa waħda jiddefinixxu sistema stratifikata ta’ mġiba u min-naħa l-oħra, ikunu sostnuti b’riżorsi finanzjarji u ta’ persunal, sabiex jiġu garantiti s-saħħa pubblika u s-sikurezza pubblika u sabiex jiġu evitati ħsarat serji u biex jiġu kkumpensati kunflitti li ma jistgħux jiġu evitati;

17.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar in-natura; dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla u l-protezzjoni legali taż-żoni tan-Natura 2000 u l-istabbiliment ta’ miri ta’ konservazzjoni konkreti, f’termini ta’ protezzjoni tal-ispeċi u tal-ħabitats permezz ta’ miżuri prattiċi ta’ konservazzjoni jew ta’ riġenerazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-użu tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, mhux l-inqas biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ fondi u l-ħtieġa li jitħaffef l-aċċess għas-sorsi ta’ fondi eżistenti (7);

18.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta linji gwida ta’ implimentazzjoni iktar effettivi u taġġorna l-linji gwida eżistenti, sabiex dawn jinftiehmu faċilment u jkunu disponibbli fil-lingwi differenti tal-Istati Membri, fuq portal tal-internet uniformi (8) u faċilment aċċessibbli, li jħaddnu ġurisprudenza stabbilita u fejn xieraq iwieġbu għall-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi differenti;

19.

jipproponi lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel aktar enfasi fuq l-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni speċjalment fir-rigward tal-benefiċċji tal-miżuri ta’ protezzjoni tan-natura u taż-żoni tan-Natura 2000, u barra minn hekk, tiżviluppa sistema ta’ informazzjoni ġeografika estensiva onlajn bħal pereżempju, in-“Natura 2000 viewer” tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li tipprovdi informazzjoni b’mod sistematiku dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura għall-pubbliku, dawk responsabbli mill-ippjanar, l-utenti tal-art u atturi oħra b’rabta ma’ żoni tan-Natura 2000 individwali;

20.

għalhekk jemmen li n-nuqqasijiet identifikati u l-qagħda ta’ konservazzjoni inkwetanti ta’ ħafna speċi u tipi ta’ ħabitats ma jistgħux jiġu interpretati bħala nuqqas fl-effikaċja tad-Direttivi dwar in-natura, iżda li d-Direttivi dwar in-natura fihom infushom instabu li huma strumenti effettivi ħafna għall-ħarsien tal-bijodiversità;

Effiċjenza

21.

jenfasizza, qabelxejn, li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija qabel kollox kompitu soċjali, li għandu jitwettaq permezz ta’ stil ta’ ħajja u mudell ekonomiku sostenibbli, fit-tul u li jista’ jseħħ fuq livell globali;

22.

jenfasizza li matul konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea (9) l-intrapriżi żgħar u medji ma qisux id-Direttivi dwar in-natura fost l-għaxar strumenti legali li jikkawżaw l-ogħla spejjeż;

23.

jiddispjaċih li dawk responsabbli mill-ippjanar, l-utenti tal-art u setturi ewlenin oħra xi drabi ġarrbu spejjeż mhux meħtieġa minħabba l-għażla ttardjata u mhux kompluta taż-żoni tan-Natura 2000, jindika fl-istess ħin ukoll li l-ispejjeż differenti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiġu spjegati wkoll mill-fatt li d-diversità tal-ispeċi u l-ħabitats kif ukoll il-miżuri tal-protezzjoni tan-natura neċessarji korrispondenti jistgħu jkunu mqassma b’mod inugwali fost ir-reġjuni;

24.

jenfasizza li ħafna miż-żoni tan-Natura 2000 jipprovdu servizzi tal-ekosistema importanti u li jistgħu jiġu stmati fi flus fil-livell lokali u reġjonali (10), pereżempju, fil-forma ta’ servizzi tas-saħħa, ħżin tas-CO2, protezzjoni mill-għargħar, purifikazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, kontroll tal-kwalità tal-arja jew prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija;

25.

ifakkar li x-xogħlijiet ta’ riċerka attwali (11) jikkonfermaw proporzjon eċċellenti bejn in-nefqa u l-benefiċċji fil-livell lokali u reġjonali peress li l-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi huma ferm akbar mill-ispejjeż tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura;

26.

jinnota l-opportunitajiet provduti min-netwerk Natura 2000 f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi u dħul finanzjarju fis-settur tat-turiżmu li jħares l-ambjent u r-rikreazzjoni tan-natura. Jenfasizza l-importanza speċjali li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda f’żoni rural żvantaġġjati f’dan ir-rigward;

27.

għalhekk huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura tassew tiġġenera l-ispejjeż, iżda li dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-protezzjoni meħtieġa tal-bijodiversità għal raġunijiet ta’ sostenibbiltà, u li dawn l-ispejjeż huma proporzjonati xieraq ma’ ħafna aktar benefiċċji li jistgħu jiġu stmati fi flus biss parzjalment u li jirriżultaw mid-Direttivi dwar in-natura;

Koerenza

28.

huwa konvint li ż-żewġ Direttivi dwar in-natura fihom infushom huma eżempji eċċellenti ta’ leġiżlazzjoni ikkonċentrata, li tinftiehem, mhux kontradittorja u sistematikament strutturata u b’hekk immirata kollha kemm hi;

29.

iqis ukoll iż-żewġ Direttivi dwar in-natura flimkien bħala strumenti ta’ suċċess tal-leġiżlazzjoni, peress li t-tnejn jiffunzjonaw b’mod simili, u huma konsistenti ma’ xulxin, u huma kumplimentari b’mod utli mil-lat ta’ rekwiżiti ta’ protezzjoni sostantivi sabiex flimkien jiffurmaw ir-reġim protettiv tan-Natura 2000;

30.

jassumi li d-Direttivi dwar in-natura huma wkoll konformi ma’ atti ambjentali oħra tal-UE, u jfakkar f’dan il-kuntest l-emenda tad-Direttiva VIA (12) adottata espressament għal dan il-għan; fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-komunitajiet lokali u reġjonali sabiex jikkoordinaw aħjar l-implimentazzjoni ta’ diversi atti ambjentali u pereżempju jippromwovu l-integrazzjoni ta’ proċeduri ta’ approvazzjoni, miżuri ta’ monitoraġġ u obbligi ta’ rappurtar;

31.

huwa tal-fehma li t-titjib fill-koordinazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar skont id-Direttivi dwar in-natura u skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (13) u possibbilment anki skont id-Direttivi VIA u VAS (14) tista’ tkun utli kemm għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali kif ukoll biex jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa;

32.

jistieden lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jappoġġawhom fl-implimentazzjoni prattika ta’ atti ambjentali ġodda tal-UE bħar-Regolament tal-UE dwar speċi invażivi (15);

33.

iqis li, irrispettivament mill-inkorporazzjoni tajba tad-Direttivi dwar in-natura fil-bqija tad-dritt ambjentali tal-UE, bil-għan li jinkisbu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-natura, teżisti l-problema li oqsma ta’ politika settorjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea bħall-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd jew il-politiki tal-enerġija u tat-trasport għadhom mhux qed jikkontribwixxu biżżejjed għall-konservazzjoni tal-bijodiversità (16);

34.

jemmen li hemm bżonn li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tinkludi obbligu li titwettaq analiżi tal-bijodiversità għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE (17);

35.

jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi u l-ħabitats barra miż-żoni tan-Natura 2000 u l-ispeċi li mhumiex suġġetti għar-reġim strett tal-protezzjoni tal-ispeċi, tressaq proposta għal qafas legali b’mod konformi mal-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità, sabiex jiġi evitat it-telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema (18);

36.

fid-dawl ta’ dan kollu huwa konvint li d-Direttivi dwar in-natura mil-lat direzzjonali tagħhom huma adattati sabiex jilħqu l-għanijiet sottostanti; iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri sabiex jiġu evitati azzjonijiet ta’ ħsara għall-bijodiversità fl-oqsma ta’ politika li mhumiex koperti mill-miżuri tad-Direttivi dwar in-natura;

Valur miżjud tal-UE

37.

jirrikonoxxi li d-Direttivi dwar in-natura kkontribwew b’mod konsiderevoli għal approċċ aktar uniformi u aktar effettiv għall-ħarsien tan-natura u tal-ispeċi u għal standards minimi ogħla f’dawn l-oqsma tal-liġi fir-reġjuni tal-Istati Membri differenti tal-UE;

38.

ifakkar li d-diversità tal-ispeċi u tal-ħabitats hija mifruxa fuq livell transkonfinali u b’mod inkonsistenti fl-Ewropa u li għalhekk teħtieġ approċċ mal-UE kollha għall-protezzjoni effettiva lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri li jikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri;

39.

ifakkar li d-Direttivi dwar i n-natura jikkostitwixxu l-istrument ewlieni, sabiex l-Unjoni Ewropea twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha taħt il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u konvenzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-pjanti u l-annimali selvaġġi u l-ħabitats naturali tagħhom (Konvenzjoni ta’ Berna) u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) u b’hekk jinfluwenzaw ukoll il-bijodiversità u l-ispeċi selvaġġi ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea f’mod pożittiv;

40.

huwa konvint li d-Direttivi dwar in-natura taw kontribut sinifikanti għall-ħolqien ta’ standards legali ta’ protezzjoni uniformi fl-Istati Membri, u li permezz tagħhom seta’ jiġi ggarantit qafas ċar bl-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew għall-atturi ekonomiċi kollha;

41.

fid-dawl ta’ dan kollu jenfasizza li leġiżlazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa iktar minn qatt qabel biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE u tal-konvenzjonijiet internazzjonali, u li d-Direttivi dwar in-natura jipprovdu bażi eċċellenti għal dan;

Kummenti tal-għeluq

42.

huwa konvint li kwalunkwe problema relatata mal-protezzjoni tal-ispeċi u tal-ħabitats ma toriġinax mid-Direttivi dwar in-natura nfushom, iżda normalment tkun relatata mal-implimentazzjoni fuq livell lokali, reġjonali u tal-Istati Membri;

43.

iqis li mhuwiex għaqli li jiġu riveduti d-Direttivi dwar in-natura għal dawn ir-raġunijiet u anki minħabba l-fatt li inċertezzi inizjali fl-interpretazzjoni tad-Direttivi dwar in-natura issa ġew iċċarati b’mod partikolari permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

44.

iqis għalhekk ukoll li jkun żball li jiġu riveduti d-Direttivi dwar in-natura, minħabba li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu ż-żmien biex jimplimentaw il-miżuri possibbli u previsti iżda li għadhom mhumiex stipulati fid-Direttivi, bħall-pjani ta’ ġestjoni li s’issa għadhom neqsin, u biex jisfruttaw aħjar il-potenzjal tad-Direttivi;

45.

jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-interessi ta’ dawk li japplikaw id-Direttivi dwar in-natura, li bir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti l-ewwel nett ikun hemm riskju ta’ fażi ta’ kontroversji tedjanti bejn il-korpi soċjali milquta mil-leġiżlazzjoni li tista’ tkun segwita minn fażi ta’ inċertezza legali li ddum għexieren ta’ snin;

46.

huwa mħasseb dwar il-qerda ta’ żoni individwali tan-Natura 2000 u l-portata eżistenti ta’ qtil illegali u tal-qbid illegali ta’ speċi ta’ għasafar u ta’ annimali oħra, u huwa konvint li hemm bżonn sforz akbar fil-livelli kollha ta’ governanza sabiex tiġi osservata u infurzata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar n-natura;

47.

iqis għalhekk li huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea tieħu r-rwol tagħha bħala gwardjan tad-dritt tal-Unjoni serjament, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f’dan il-kuntest, biex tieħu l-ilmenti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bis-serjetà u ma toqgħodx lura milli tibda proċeduri ta’ ksur xierqa;

48.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea fit-totalità tagħha sabiex tagħmel użu mill-proċedura tal-kontroll tal-idoneità, sabiex tenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni saħansitra aħjar tad-Direttivi dwar in-natura mill-Istati Membri, u jilqa’ kull approċċ li l-Istati Membri jadottaw sabiex jinvolvu lill-komunitajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Direttiva 2009/147/KE (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(2)  Direttiva 92/43/KEE (ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7).

(3)  COM(2015) 219 final.

(4)  COM(2011) 244 final.

(5)  Ara l-mandat tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/docs/Mandate%20for%20Nature%20Legislation.pdf

(6)  Ara COM(2015) 219 final.

(7)  Ara CdR 112/2010 fin; kif ukoll CdR 8074/2013.

(8)  Ara l-CoR TIA report 2015.

(9)  Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-188_mt.htm

(10)  Brink/Badura/Bassi/et al., Estimating the Overall Economic Value of the Benefits provided by the Natura 2000 Network, 2011.

(11)  ir-rapporti tal-UE juru li l-kisba sħiħa taż-żoni tan-Natura 2000 kollha tiswa lill-Istati Membri madwar EUR 6 biljun kull sena; b’kuntrast ma’ dan, is-servizzi tal-ekosistema jiswew sa EUR 300 biljun, u barra minn hekk sa 8 miljun impjieg possibbli relatati maż-żoni tan-Natura 2000.

(12)  Direttiva 2014/52/UE (ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1).

(13)  Direttiva 2000/60/KE (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(14)  Direttiva 2001/42/KE (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(15)  Regolament (UE) Nru 1143/2014 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(16)  Ara CdR 112/2010 fin; CdR 22/2009 fin; kif ukoll KtR TIA rapport 2015 (Kunflitt mal-politika reġjonali).

(17)  Ara CdR 4577/2013 fin.

(18)  Ara CdR 4577/2013 fin. Riżoluzzjoni tal-PE 2011/2307 (INI).