6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/109


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1108

tal-5 ta’ Lulju 2021

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Istati Uniti tal-Amerika għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi ssorveljati mill-Bord tal-Gvernaturi tas-Sistema Federali ta’ Riżerva, l-Uffiċċju tal-Kontrollur tal-Munita, il-Korporazzjoni Federali tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti, l-Amministrazzjoni tal-Kreditu tal-Azjendi Agrikoli u l-Aġenzija Federali tal-Finanzi tad-Djar bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu li bih il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiġu ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz, jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti billi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta’ dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxi r-rekwiżiti legali tal-Unjoni dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li taħthom il-portafolli jiġu rikonċiljati fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”). Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-obbligi ta’ valwazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawk il-kuntratti (“tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta’ kollateral (“marġni”) bejniethom.

(3)

Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u r-rekwiżiti tal-marġini, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżgura l-protezzjoni tas-segretezza professjonali li hija ekwivalenti għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, arranġamenti ekwivalenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għandhom jiġu applikati b’mod effettiv b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni f’dak il-pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza għalhekk tinkludi verifika dwar jekk l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiżgurawx li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u konklużi minn tal-inqas kontroparti waħda stabbilita f’dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju u konsegwentement ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Fit-1 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Superviżorja Ewropea tas-Swieq (ESMA) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar fl-Istati Uniti tal-Amerika (4) rigward, fost l-oħrajn, it-tekniki u l-marġnijiet tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Madankollu, fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA ffokat fuq ir-regoli maħruġa mill-Commodity Futures Trading Commission (“is-CFTC”) u l-Kummissjoni tat-Titoli u l-Kambju (“is-SEC”) u ma koprietx ir-regoli applikabbli għall-kontropartijiet irregolati kontropartijiet irregolati mill-Bord tal-Gvernaturi tas-Sistema ta’ Riżerva Federali (“l-FRS”), l-Uffiċċju tal-Kontrollur tal-Munita (“l-OCC”), il-Korporazzjoni Federali tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti (“l-FDIC”), l-Amministrazzjoni tal-Kreditu tal-Azjendi Agrikoli (“l-FCA”) u l-Aġenzija Federali tal-Finanzi tad-Djar (“l-FHFA”) (flimkien “ir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti”).

(5)

Il-Kummissjoni qieset l-iżviluppi regolatorji li seħħew minn meta rċeviet il-parir tekniku tal-ESMA. Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti ġuridiċi, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fl-Istati Uniti, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li jitnisslu minn dawk il-kuntratti, b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-arranġamenti ġuridiċi, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fl-Istati Uniti għal kuntratti tad-derivattivi OTC huma stabbiliti fit-Titolu VII tad-Dodd Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (“l-Att Dodd-Frank”) u fir-regoli ta’ implimentazzjoni speċifiċi adottati mir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti.

(7)

Ma hemm l-ebda regola ekwivalenti għat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għal derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP skont id-Dodd-Frank Act u r-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti ma ħarġux regoli jew regolamenti li jimponu rekwiżiti ekwivalenti. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC konklużi bejn kontroparti rregolata mir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti u kontroparti stabbilita fl-Unjoni u soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u rigward il-konferma f’waqtha, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, l-obbligi ta’ valwazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim.

(8)

Fl-Unjoni, skont l-Artikolu 11(3), il-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP huma soġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kollateral (“ir-rekwiżit tal-marġni”). Skont dik ir-regola, il-kontropartijiet kollha għandhom jiskambjaw marġnijiet ta’ varjazzjoni u l-kontropartijiet li jaqbżu ċertu limitu għandhom jiskambjaw marġnijiet inizjali. F’dan ir-rigward, kull kontroparti rregolata minn regolatur prudenzjali tal-Istati Uniti, trid tikkonforma mar-regola adottata minn dan ir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti kif stabbilit fit-Titolu 12 tal-Kodiċi tar-Regolament Federali, rispettivament fil-Parti 45 (għall-OCC), 237 (għall-FRS), 349 (għall-FDIC), 624 (għall-FCA) u 1221 (għall-FHFA) (flimkien “ir-regola tal-Marġni tal-Iswap”).

(9)

Ir-regola tal-Marġni tal-Iswap tapplika għal swaps u swaps ibbażati fuq titoli konklużi bejn Entitajiet ta’ Swaps Koperti (“CSEs”) u entitajiet oħra ta’ swaps, utenti finali finanzjarji bi skopertura ta’ swaps materjali kif ukoll, sa ċertu punt, utenti finali finanzjarji mingħajr esponiment ta’ swaps materjali u kontropartijiet oħra bħal sovrani, banek multilaterali tal-iżvilupp jew il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali. Biex entità jkollha skopertura ta’ swaps materjali, din l-entità jrid ikollha ammont nozzjonali aggregat medju ta’ kuljum ta’ derivattivi OTC mhux ikklerjati għal Ġunju, Lulju u Awwissu tas-sena kalendarja preċedenti li jaqbeż USD 8 biljun, filwaqt li l-livell limitu analogu stabbilit fl-Artikolu 28 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa ta’ EUR 8 biljun. Fl-Unjoni, ir-rekwiżit għal skambju ta’ marġni ta’ varjazzjoni m’għandux limitu ta’ materjalità, u japplika għall-kontropartijiet kollha bla ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-regoli għal ammont minimu ta’ trasferiment kombinat tal-marġni inizjali u ta’ varjazzjoni fir-Regola tal-Marġni tal-Iswap huwa ta’ USD 500 000, filwaqt li r-rekwiżit relatat stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa ta’ EUR 500 000. B’kont meħud tal-impatt limitat minħabba d-differenza fil-muniti, dawn l-ammonti għandhom jiġu meqjusa bħala ekwivalenti.

(10)

Ir-rekwiżiti tar-Regola tal-Marġni ta’ Swap japplikaw għal “swaps” kif definiti fit-taqsima 721 tal-Att Dodd-Frank u “swaps ibbażati fuq titoli” kif definiti fit-taqsima 761 tal-Att Dodd-Frank, u b’hekk jinkludu kważi l-kuntratti kollha definiti bħala derivattivi OTC fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-eċċezzjoni ta’ forwards tal-kambju u swaps tal-kambju barranin, li għalihom ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap ma tistabbilixxi l-ebda rekwiżit. Barra minn hekk, ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap ma fiha l-ebda trattament speċifiku għal prodotti strutturati inklużi bonds koperti u titolizzazzjonijiet. Fl-Unjoni, swaps ta’ kambju barrani u forward tal-kambju barrani huma eżentati mir-rekwiżiti tal-marġni inizjali, u d-derivattivi relatati ma’ bonds koperti għal skopijiet ta’ hedging jistgħu wkoll ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-marġini inizjali. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika biss għal tranżazzjonijiet derivattivi OTC li huma soġġetti għal marġini kemm skont il-liġi tal-Unjoni kif ukoll skont ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap.

(11)

Ir-rekwiżiti fir-Regola tal-Marġini ta’ Swap għall-kalkolu tal-marġni inizjali huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Bħall-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap tippermetti l-użu ta’ approċċ standardizzat. Alternattivament, jistgħu jintużaw mudelli interni jew ta’ parti terza għal dak il-kalkolu fejn dawk il-mudelli fihom ċerti parametri speċifiċi, inkluż intervalli ta’ kunfidenza minimi u perjodi ta’ marġni ta’ riskju, u ċerta data storika, inklużi perjodi ta’ stress. Dawk il-mudelli jridu jiġu approvati mir-regolatur prudenzjali rilevanti tal-Istati Uniti.

(12)

Ir-rekwiżiti fir-Regola tal-Marġni ta’ Swap dwar il-kollateral eliġibbli u dwar kif dak il-kollateral jinżamm u jiġi ssegregat huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap fiha lista ekwivalenti ta’ kollateral eliġibbli. Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regola tal-Marġni ta’ Swap għandha għalhekk titqies ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Fir-rigward tal-livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali, fl-Istati Uniti l-informazzjoni miżmuma minn regolaturi federali oħra, hija suġġetta għall-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-Istati Uniti (FOIA). Skont il-FOIA, f’ħafna każijiet, għandhom jittieħdu passi minn individwu jew minn organizzazzjoni biex jiġi żgurat trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata. Għalhekk, l-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-FOIA jipprovdu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali kondiviżi mill-awtoritajiet ma’ partijiet terzi, ekwivalenti għal dawk stipulati fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-rekwiżiti tal-Istati Uniti għandhom jiġu kkunsidrati li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali kif garantit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(14)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-arranġamenti legali fl-Istati Uniti, ir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti għandhom setgħat investigattivi u ta’ sorveljanza wiesgħa biex jivvalutaw il-konformità tal-Entitajiet Koperti tal-Iswap mar-Regola tal-Marġni ta’ Swap. Ir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti jistgħu jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri superviżorji biex iwaqqfu kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli. Barra minn hekk il-qafas legali tal-Istati Uniti jipprovdi għal penali ċivili, inkluż trażżin temporanju jew permanenti fuq ordnijiet jew inġunzjonijiet u multi, kif ukoll pieni kriminali għal ksur tar-rekwiżiti applikabbli. Għaldaqstant jenħtieġ li dawn il-miżuri jitqiesu li jipprovdu għall-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta’ infurzar rilevanti skont l-Att Dodd-Frank, l-Att dwar il-Kambju tal-Komoditajiet, l-Att dwar il-Kambju tat-Titoli, ir-Regola tal-Marġni tal-Iswap kif ukoll ir-Regolamenti CFTC u SEC fejn applikabbli b’mod ekwu u mhux distorsiv sabiex jiġu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi.

(15)

Din id-Deċiżjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tar-rekwiżiti vinkolanti stabbiliti mir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti relatati mal-kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, se tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Bħala parti mill-isforzi ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lir-regolaturi prudenzjali tal-Istati Uniti biex jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, li b’konsegwenza tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-iskambju ta’ kollateral li japplikaw għal tranżazzjonijiet regolati bħala “swaps” kif definit fit-taqsima 721 tal-Att Dodd-Frank jew “swaps ibbażati fuq titoli” kif definit fit-taqsima 761 tal-Att Dodd-Frank u li mhumiex ikklerjati minn kontroparti ċentrali għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun stabbilita fl-Istati Uniti u titqies Entità ta’ Swaps Koperti mill-Bord tal-Gvernaturi tas-Sistema ta’ Riżerva Federali (“l-FRS”), l-Uffiċċju tal-Kontrollur tal-Munita (“l-OCC”), il-Federal Deposit Insurance Corporation (“l-FDIC”), l-Amministrazzjoni tal-Kreditu tal-Azjendi Agrikoli (“l-FCA”) jew l-Aġenzija Federali tal-Finanzi tad-Djar (“l-FHFA”), u li l-kontroparti hija soġġetta għar-Regola tal-Marġni ta’ Swap stabbilita fit-Titolu 12 tal-Kodiċi tar-Regolamenti Federali, rispettivament fil-Parti 45 (għall-OCC), 237 (għall-FRS), 349 (għall-FDIC), 624 (għall-FCA) u 1221 (għall-FHFA) (flimkien “ir-Regola tal-Marġni ta’ Swap”).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  ESMA/2013/BS/1157, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorju ta’ pajjiż terz taħt EMIR — l-Istati Uniti, Rapport finali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta’ Settembru 2013.