SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eżekuzzjoni obbligatorja – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija – Ksur tal-kundizzjonijiet imposti abbażi ta’ dan it-tqegħid – Deċiżjoni li tikkonverti t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà – Piena ppronunzjata fil-kontumaċja”

Fil-Kawża C‑798/23 [Abbottly] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), b’deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

SH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Minister for Justice, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Burke, A. Joyce, u C. McMahon, bħala aġenti, assistiti minn G. Gibbons, SC, u D. Perry, BL,

–

għal SH, minn R. Barron, SC, S. O’Mahony, solicitor, u B. Storan, BL,

–

għall-Gvern Rumen, minn J. Möller, M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra SH bl-għan tal-eżekuzzjoni, fil-Latvia, ta’ piena li ċċaħħad il-libertà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, hija redatta kif ġej:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)

fi żmien debitu

(i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

2.   F’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u l-persuna konċernata ma tkunx irċeviet minn qabel xi informazzjoni uffiċjali dwar l-eżistenza tal-proċedimenti kriminali kontriha, huwa jew hija tista’, meta tiġi infurmata bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew, titlob biex tirċievi kopja tas-sentenza qabel ma tiġi kkonsenjata. Minnufih wara li tkun ġiet infurmata bit-talba, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi lill-persuna rikjesta l-kopja tas-sentenza permezz tal-awtorità tal-eżekuzzjoni. It-talba tal-persuna rikjesta m’għandha la ddewwem il-proċedura ta’ ċediment u lanqas iddewwem id-deċiżjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-forniment tas-sentenza lill-persuna konċernata hu għal finijiet biss ta’ informazzjoni; la għandu jitqies bħala notifika formali tas-sentenza u lanqas ma jistabbilixxi xi limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalab proċess ġdid jew appell.

3.   F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata. Reviżjoni bħal din għandha b’mod partikolari tinkludi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tad-detenzjoni. Il-proċess ġdid jew l-appell għandu jibda fi żmien dovut wara ċ-ċediment.”

5

L-Artikolu 27 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”, jipprovdi

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m’għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b)

ir-reat mhuwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

(c)

il-proċedimenti kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni għal-libertà personali;

(d)

meta l-persuna setgħet tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà personali, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali:

(e)

meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li hi rrinunzjat għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

(f)

meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi domestika ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha titfassal b’tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu fih innifsu soġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru; Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.”

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299

6

Id-deċiżjoni Qafas 2009/299 emendat id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 f’dak li jirrigwarda speċifikament il-persuni li ntalbet il-konsenja tagħhom minħabba kundanna mogħtija wara proċess fil-kontumaċja.

7

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, intitolat “Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli komuni għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni) maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Istat Membru emittenti) wara l-proċedimenti li għalihom il-persuna konċernata ma kenitx preżenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584] […]”.

Id-dritt Irlandiż

8

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġie traspost fid-dritt Irlandiż permezz tal-Artikolu 45 tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Fil-verżjoni ta’ din il-liġi applikabbli għall-proċedura fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-MAE”), dan l-Artikolu 45 jipprovdi:

“Persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata skont din il-liġi jekk ma tkunx dehret personalment fil-proċedura li wasslet għall-kundanna jew għall-miżura li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ […] il-mandat ta’ arrest Ewropew, sakemm […] il-mandat ma jindikax l-elementi meħtieġa fil-punti 2, 3 u 4 tal-paragrafu (d) tal-formola tal-mandat li tinsab annessa mad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], […] imsemmija fit-tabella riprodotta f’dan l-artikolu.”

9

It-tabella li tinsab fl-Artikolu 45 tal-Liġi dwar il-MAE tindika, f’erba’ punti enumerati, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li fihom persuna ġġudikata fil-kontumaċja tista’ tiġi kkonsenjata. Il-qrati Irlandiżi ppreċiżaw li l-Artikolu 45 tal-Liġi dwar il-MAE huwa miżura ta’ eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas. Għal din ir-raġuni, għalkemm l-Artikolu 45 tal-Liġi dwar il-MAE jirreferi għall-“proċedura li wasslet għall-kundanna jew għall-miżura li ċċaħħad il-libertà”, din l-espressjoni hija assimilata, fid-dritt Irlandiż, mal-espressjoni “il-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, kif użata fid-Deċiżjoni Qafas.

Id-dritt Latvjan

10

L-Artikolu 45 tal-Krimināllikums (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali Latvjan”), intitolat “Tqegħid taħt sorveljanza mill-pulizija”, kien jipprovdi:

“1)   It-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija piena addizzjonali li l-qorti tista’ tagħti, bħala miżura koerżiva, sabiex tissorvelja l-imġieba tal-persuna meħlusa minn post ta’ priġunerija u tissottomettiha għar-restrizzjonijiet stabbiliti mill-istituzzjoni tal-pulizija. Fil-każijiet fejn persuna tibbenefika minn libertà kundizzjonata antiċipata, l-eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali – it-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija – tibda mill-mument meta s-sorveljanza ta’ persuna wara l-libertà kundizzjonata antiċipata tkun intemmet.

2)   Il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija imposta biss meta tingħata piena li ċċaħħad il-libertà, fil-każijiet previsti mit-taqsima speċjali ta’ dan il-kodiċi, għal perijodu minimu ta’ sena u li ma jeċċedix tliet snin.

3)   Qorti tista’ tnaqqas it-tul tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, jew tirrevokah, fuq talba tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-ħabs jew tal-istituzzjoni tal-pulizija.

4)   Jekk persuna kkundannata, waqt li tkun qedha tiskonta piena addizzjonali, twettaq reat kriminali ġdid, il-qorti għandha tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat tal-piena addizzjonali bi priġunerija u tistabbilixxi l-piena definittiva skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 51 u 52 ta’ dan il-kodiċi.

5)   Jekk persuna, li t-tqegħid tagħha taħt sorveljanza tal-pulizija ġie deċiż b’sentenza tal-qorti, tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ tqegħid taħt sorveljanza b’mala fede, qorti tista’, fuq talba tal-istituzzjoni tal-pulizija, tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat ta’ piena addizzjonali bi priġunerija, billi tgħodd jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza bħala jum ta’ priġunerija.

6)   Ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jseħħ b’mala fede jekk il-persuna tkun is-suġġett ta’ kundanna amministrattiva darbtejn għal tali reat f’perijodu ta’ sena.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fl‑2014, SH kien is-suġġett ta’ żewġ kundanni għal żewġ reati kriminali, waħda mill-Valmieras rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Valmiera, il-Latvja) u l-oħra mill-Jēkabpils rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Jēkabpils, il-Latvja). Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, dawn il-kundanni nġabru f’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ perijodu totali ta’ erba’ snin u disa’ xhur, flimkien ma’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ tliet snin, li bdiet tiddekorri, konformement mal-liġi kriminali Latvjana, mill-mument meta l-piena li ċċaħħad il-libertà ġiet skontata minn SH.

12

SH ma osservax l-obbligu, rikjest abbażi tal-ordni ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, li jippreżenta ruħu fl-għassa tal-pulizija fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara l-ħelsien tiegħu, minkejja li kien ġie informat preċedentement li, fin-nuqqas li jagħmel dan, kien f’riskju li jiġi kkundannat għal sanzjoni amministrattiva. Konsegwentement, SH ġie misjub ħati ta’ ksur amministrattiv miz-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale, il-Latvja), fil‑11 u fis‑27 ta’ Mejju 2020, u minħabba f’hekk, ġie kkundannat għal ħlas ta’ żewġ multi.

13

Meta jingħataw żewġ kundanni, fuq perijodu ta’ sena, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li kien suġġett għalihom it-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-liġi kriminali Latvjana tipprevedi l-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali kompetenti, li tikkonverti l-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ tul iddeterminat abbażi ta’ proporzjon fiss, jiġifieri jum ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal-pulizija li tkun għad trid tiġi skontata.

14

Fix-xahar ta’ Ġunju 2020, id-dipartiment tal-għassa tal-pulizija Latvjana kompetenti ressaq talba quddiem iz-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) intiża biex il-perijodu li jifdal tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH jiġi kkonvertit f’piena li ċċaħħad il-libertà.

15

Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, intbagħtet ċitazzjoni bil-posta rreġistrata fil-post ta’ residenza ta’ SH fil-Latvja, mingħajr suċċess. Din l-ittra ntbagħtet lura fl‑31 ta’ Lulju 2020.

16

Fid‑19 ta’ Awwissu 2020, inżammet seduta quddiem iz-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale), fl-assenza ta’ SH. Din il-qorti tat, fl-istess jum, deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) li ordnat li t-tul li kien għadu ma ġiex eżegwit tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH, jiġifieri sentejn u jumejn, jiġi kkonvertit f’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u ġurnata. Din id-deċiżjoni, li ntbagħtet lil SH, iżda ġiet irritornata, peress li ma ġietx irtirata, ma ġietx ikkontestata fl-appell minn SH.

17

Fis‑26 ta’ Frar 2021, iz-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”) fir-rigward ta’ SH għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontrih fid‑19 ta’ Awwissu 2020.

18

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) irrifjutat li tilqa’ t-talba mressqa mill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) intiża għall-konsenja ta’ SH lir-Repubblika tal-Latvja abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, abbażi tad-dispożizzjoni li tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

19

Peress li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) ċaħdet l-appell imressaq minn din is-sentenza mill-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, dan tal-aħħar ressaq appell eċċezzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda).

20

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

21

Din il-qorti tqis li d-deċiżjoni inkwistjoni hija simili għar-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma taqax taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament iddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026), li l-kunċett ta’ “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija qabel, bħar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni, ħlief meta din id-deċiżjoni jkollha l-għan jew l-effett li timmodifika n-natura jew il-quantum tal-imsemmija piena u meta l-awtorità li tat din id-deċiżjoni kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni.

22

Issa, il-qorti msemmija tikkonstata li, f’dan il-każ, il-perijodu ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija beda mill-mument li fih il-piena li ċċaħħad il-libertà kienet skontata minn SH. Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li bidlet in-natura u l-quantum tal-piena li ċċaħħad il-libertà deċiża preċedentement, peress li f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-perijodu taċ-ċaħda l-libertà li jista’ jiġi deċiż huwa stabbilit permezz ta’ kalkolu aritmetiku previst mid-dritt Latvjan. Għalhekk, iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kellha tiddeċiedi biss jekk hemmx lok jew le li tiġi imposta piena li ċċaħħad il-libertà addizzjonali, li l-perijodu tagħha huwa stabbilit mil-liġi. Huwa għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet, provviżorjament, li ma kienx hemm lok li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ SH, peress li l-piena mogħtija kontrih fid‑19 ta’ Awwissu 2020 ma tikkostitwixxix, fil-fehma tagħha, piena ġdida, u peress li ma bidlet la n-natura u lanqas il-quantum tal-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement.

23

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji sa fejn, minkejja li l-perspettiva ta’ piena ta’ priġunerija ġdida kienet inerenti għall-pieni mogħtija preċedentement kontra SH u miġbura fis‑27 ta’ Ottubru 2015, il-piena mogħtija fid‑19 ta’ Awwissu 2020 ma kinitx sempliċement imponiet fuq SH l-obbligu li jiskonta, parzjalment jew fit-totalità tagħhom, il-pieni li jċaħħdu l-libertà li kienu ġew stabbiliti inizjalment.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta l-konsenja tal-persuna rikjesta tkun mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq din il-persuna bħala riżultat tal-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena [addizzjonali] ta’ sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement fuqha, f’ċirkustanzi fejn il-qorti li tkun imponiet din il-priġunerija kellha diskrezzjoni dwar jekk timponix tali priġunerija (iżda l-ebda diskrezzjoni dwar it-tul ta’ din il-priġunerija fil-każ li tiġi imposta), il-proċedura li twassal għall-impożizzjoni ta’ din il-priġunerija tagħmel parti mill-’proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni’ għall-finijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]?

2)

Id-deċiżjoni li l-piena [addizzjonali] ta’ sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, kienet waħda li kellha l-għan jew l-effett li timmodifika n-natura u/jew il-quantum tal-piena imposta preċedentement fuq il-persuna rikjesta u, b’mod partikolari, il-piena [addizzjonali] ta’ sorveljanza tal-pulizija li kienet tagħmel parti mill-piena preċedenti tagħha, [b’mod li] kienet tali li taqa’ taħt l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 77 tas-[sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026)]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25

Peress li l-avukat ta’ SH informa lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-klijent tiegħu kien jinsab arrestat fil-Latvja, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2024, bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, intiża sabiex tistabbilixxi jekk risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari kinitx utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

26

Permezz ta’ risposta tal‑10 ta’ Mejju 2024, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li SH kien, f’dak il-mument, jinsab arrestat fil-Latvja u li kien ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Latvjani b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tas‑17 ta’ Frar 2021, iżda indikat li, inkwantu SH ma kienx ġie ikkonsenjat b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li ma kienx, għalhekk, eskluż li l-awtoritajiet Latvjani japplikaw il-mekkaniżmu ta’ kunsens previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiksbu l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra SH mid-deċiżjoni inkwistjoni, risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari tibqa’ utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, proċedura li fi tmiemha qorti nazzjonali tista’ tordna, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li kienet ġiet suġġetta għalihom piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għaliha l-persuna kkonċernata kienet preċedentement ġiet ikkundannata flimkien ma’ piena li ċċaħħad il-libertà, il-konverżjoni tat-tul mhux skontat ta’ din il-piena addizzjonali f’piena li ċċaħħad il-libertà, billi jingħaddu jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija bħala jum ta’ ċaħda tal-libertà.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, huwa li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni Ewropea li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja),C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għal dan l-għan, din id-deċiżjoni qafas tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat għajr fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mill-istess deċiżjoni qafas, u r-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest jista’ jseħħ biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja),C‑396/22, EU:C:2023:1029, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’mod partikolari, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li timponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti u għandu, għaldaqstant, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 55).

31

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-Artikolu 4a jillimita, għalhekk, il-possibbiltà li jiġi rrifjutat li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fil-fatt, f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew la tippreġudika d-drittijiet għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq u lanqas għad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa għalhekk intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għall-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha waqt il-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 15 tagħha, jirriżulta espressament li dan l-Artikolu 4a ġie inkluż fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiġi protett id-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċeduri kriminali mmexxija kontrih filwaqt li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, qabel ma tivverifika l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha madankollu tistabbilixxi jekk għandhiex quddiemha sitwazzjoni li fiha l-persuna li l-konsenja tagħha ntalbet dehritx fiżikament fil-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri. L-espressjoni msemmija għandha tinftiehem bħala li tistabbilixxi l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod finali lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja),C‑396/22, EU:C:2023:1029, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew dwar l-applikazzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement ma tikkostitwixxix “deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ħlief meta taffettwa d-dikjarazzjoni ta’ ħtija jew ikollha l-għan jew l-effett li tbiddel jew in-natura jew il-quantum ta’ din il-piena u meta l-awtorità li tkun tatha bbenefikat, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic,C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 77 u 88, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 53).

37

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, minħabba l-ksur mill-persuna kkonċernata ta’ kundizzjoni oġġettiva li tissuġġetta din is-sospensjoni, bħat-twettiq ta’ reat ġdid matul il-perijodu ta’ probation, ma tikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1), peress li din ma tbiddilx din il-piena fir-rigward kemm tan-natura tagħha kif ukoll tal-quantum tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li l-awtorità inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar tali revoka ma hijiex mitluba teżamina mill-ġdid il-mertu tal-kawża li tat lok għall-kundanna kriminali, il-fatt li din l-awtorità għandha marġni ta’ evalwazzjoni ma huwiex rilevanti, sakemm din tal-aħħar ma tippermettilhiex li tbiddel il-quantum jew in-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà, kif ġew stabbiliti mid-deċiżjoni li tikkundanna b’mod definittiv lill-persuna rikjesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija barra minn hekk konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 89, u Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L-Ukraina, CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punti 47 sa 52), li skontha, minn naħa, il-proċeduri dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati minn qorti wara l-għoti ta’ piena definittiva jew matul l-eżekuzzjoni tagħha jistgħu jitqiesu bħala “pieni”, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, biss jekk dawn jistgħu jwasslu għal definizzjoni mill-ġdid jew għal emenda tal-portata tal-piena imposta inizjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 58).

39

Fil-fatt, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura meħuda matul l-eżekuzzjoni ta’ piena tirrigwardax biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha jew, għall-kuntrarju, taffettwax il-portata tagħha, għandu jiġi mistħarreġ każ b’każ dak li l-“piena” imposta kienet timplika realment fid-dritt intern fiż-żmien ikkunsidrat jew, fi kliem ieħor, liema kienet in-natura intrinsika tagħha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punti 85 u 90).

40

F’dan il-każ, jidher li l-bażi tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni kienet id-deċiżjoni inkwistjoni, li tikkonverti l-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà. Il-qorti tar-rinviju titlaq, f’dan ir-rigward, mill-premessa li tgħid li d-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tixbah deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement, bħar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena. Tali deċiżjoni tista’ ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn din ma għandhiex l-għan jew l-effett li tbiddel in-natura u/jew il-quantum tal-piena mogħtija preċedentement fir-rigward tal-persuna rikjesta u sa fejn l-awtorità li tatha ma kellhiex, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, f’liema każ hija ma tikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

42

F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 45(1) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, it-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jikkostitwixxi piena addizzjonali li l-qorti tista’ timponi fir-rigward ta’ persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà sabiex iżżommha taħt sorveljanza wara l-ħelsien tagħha, peress li din il-persuna tkun għalhekk obbligata li tissuġġetta ruħha għall-kundizzjonijiet preskritti mill-istituzzjoni tal-pulizija. Konformement mal-Artikolu 45(2) ta’ dan il-kodiċi, din il-piena addizzjonali tista’ tiġi imposta biss fir-rigward ta’ persuna li ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena u li ma taqbiżx it-tliet snin. Skont l-Artikolu 45(3) tal-imsemmi kodiċi, it-tul tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jista’ jitnaqqas jew dan it-tqegħid jista’ jiġi rrevokat, fuq talba tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-ħabs jew tal-istituzzjoni tal-pulizija. L-Artikolu 45(4) tal-istess kodiċi jipprovdi li, jekk il-persuna kkundannata, waqt li tkun tiskonta piena addizzjonali, twettaq reat kriminali ġdid, il-qorti għandha tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat tal-piena addizzjonali b’ċaħda tal-libertà u għandha tistabbilixxi l-piena definittiva skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-liġi kriminali Latvjana.

43

Skont l-Artikolu 45(5) u (6) tal-istess Kodiċi Kriminali Latvjan, essenzjalment, jekk persuna li tiskonta l-piena addizzjonali tagħha ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tkun kisret “in mala fide” l-kundizzjonijiet ta’ dan it-tqegħid – jiġifieri wara li kienet is-suġġett ta’ żewġ kundanni amministrattivi f’dan ir-rigward fuq perijodu ta’ sena – il-qorti tista’ tiddeċiedi fir-rigward tagħha, minbarra multa amministrattiva, il-konverżjoni, fuq talba tal-istituzzjoni tal-pulizija, tat-tul rimanenti tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà, ta’ tul ugwali għal nofs in-numru ta’ jiem li fadal li jiġu skontati taħt sorveljanza tal-pulizija. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huma dawn id-dispożizzjonijiet li ġew applikati fil-kawża prinċipali.

44

Minn dan isegwi li d-dritt Latvjan jidher, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li jagħmel distinzjoni bejn deċiżjoni li timponi piena li ċċaħħad il-libertà u deċiżjoni ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, peress li din l-aħħar deċiżjoni tikkostitwixxi, min-natura tagħha, dejjem piena addizzjonali għal piena ta’ priġunerija. B’hekk, f’dan il-każ, SH kien preċedentement ġie kkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà, flimkien ma’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, b’tali mod li tqiegħed taħt sorveljanza mill-pulizija wara li skonta l-piena li ċċaħħad il-libertà deċiża kontrih. Konsegwentement, id-deċiżjoni inkwistjoni, li timponi fuq SH piena li ċċaħħad il-libertà kkalkolata billi jingħaddu jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li huwa kien għad kellu jiskonta bħala jum ta’ ċaħda tal-libertà, ma tirrigwardax l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, iżda tikkostitwixxi, bħala tali, deċiżjoni ġdida li timponi piena li ċċaħħad il-libertà li SH sa dak iż-żmien ma kienx għadu ġie kkundannat għaliha.

45

Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti, għalhekk, mir-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, peress li, f’dan l-aħħar każ, l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tiġi immedjatament sospiża, b’tali mod li r-revoka tagħha sempliċement tippermetti l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement.

46

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Latvjan imsemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt ma jidhirx li jipprevedi mekkaniżmu ta’ konverżjoni awtomatika ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna kkonċernata tikser il-kundizzjonijiet ta’ dan it-tqegħid. Fil-fatt, il-qorti għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi, fuq talba tal-istituzzjoni tal-pulizija, li tikkonverti l-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għadha ma ġietx eżegwita f’piena li ċċaħħad il-libertà, u għalhekk din il-konverżjoni ma hijiex awtomatika.

47

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija eventwalment wara li ma jkunux ġew osservati l-kundizzjonijiet tal-piena addizzjonali jkollha għalhekk l-għan li tippenalizza, mhux il-ksur kriminali inizjali li wassal għall-għoti, bħala piena addizzjonali, tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, iżda l-ksur speċifiku tal-kundizzjonijiet li ġabet magħha din l-aħħar piena. L-imsemmija qorti għalhekk għandha tiddeċiedi, wara eżami tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, jekk tali ksur jiġġustifikax jew le t-trasformazzjoni tal-miżura ta’ sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà.

48

Konsegwentement, deċiżjoni li timponi piena li ċċaħħad il-libertà minflok il-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, ma tikkostitwixxix deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement, iżda għandha titqies bħala deċiżjoni li timponi piena li ċċaħħad il-libertà ġdida, li n-natura tagħha hija differenti minn dik li kienet ġiet stabbilita inizjalment.

49

Tali deċiżjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u l-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata għandha, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

50

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, dak li huwa importanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa li l-proċedura dwar il-konverżjoni tal-piena tista’ twassal għal ċaħda tal-libertà li, minkejja li kienet prevedibbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li kienet ġiet issuġġettata għalihom il-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija, ma kinitx, bħala tali, parti mill-kundanna inizjali u għalhekk kienet teħtieġ l-għoti ta’ kundanna ġdida minflok l-ewwel waħda.

51

Għandu jingħad ukoll, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha, fl-istadju tal-proċedura li għandha bħala għan li tiddeċiedi dwar l-eventwali konverżjoni ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà, tkun tista’ teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha b’mod sħiħ sabiex issostni, b’mod effettiv, il-perspettiva tagħha u b’hekk teżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha. B’mod partikolari, din il-persuna għandha tkun tista’ ssostni l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu lill-qorti kompetenti biex tiddeċiedi li ma tipproċedix b’tali konverżjoni ta’ piena.

52

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondix għal waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fl-affermattiv, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Irlandiża tkun obbligata taċċetta l-konsenja ta’ SH lill-awtoritajiet Latvjani.

53

Madankollu, peress li SH diġà ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Latvjani b’applikazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew differenti mill-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju stess fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jintuża, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq SH permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-mekkaniżmu ta’ kunsens previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, proċedura li fi tmiemha qorti nazzjonali tista’ tordna, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li kienet ġiet suġġetta għalihom piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għaliha l-persuna kkonċernata kienet preċedentement ġiet ikkundannata flimkien ma’ piena li ċċaħħad il-libertà, il-konverżjoni tat-tul mhux skontat ta’ din il-piena addizzjonali f’piena li ċċaħħad il-libertà, billi jingħaddu jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija bħala jum ta’ ċaħda tal-libertà.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, proċedura li fi tmiemha qorti nazzjonali tista’ tordna, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li kienet ġiet suġġetta għalihom piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għaliha l-persuna kkonċernata kienet preċedentement ġiet ikkundannata flimkien ma’ piena li ċċaħħad il-libertà, il-konverżjoni tat-tul mhux skontat ta’ din il-piena addizzjonali f’piena li ċċaħħad il-libertà, billi jingħaddu jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija bħala jum ta’ ċaħda tal-libertà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.