SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Il-punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Xogħol ta’ titjib ta’ żoni naturali protetti – Ħin tal-ivvjaġġar tal-ħaddiema bejn punt ta’ tluq fiss u żoni naturali – Inklużjoni ta’ dan il-ħin tal-ivvjaġġar fil-ħin tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema”

Fil-Kawża C‑110/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

Sindicat de Treballadores i Treballadors de les Administracions i els Serveis Públics (STAS-IV)

vs

Valenciana d’Estratègies i Recursos per a la Sostenibilitat Ambiental SA (VAERSA),

fil-preżenza ta’:

Comissions Obreres del País Valencià (CCOO-PV),

Confederació General del Treball del País Valencià i Múrcia – (CGT-PV),

Unión General de Trabajadores del País Valenciano – (UGT-PV),

Sindicato Intercomarcal de Trabajadores de Castellón (SIT),

Unión Sindical Obrera de la Comunidad Valenciana (USO),

Colectivo de Personal Administrativo y Técnico de VAERSA (CPAT VAERSA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, A. Kumin u S. Gervasoni, imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Valenciana d’Estratègies i Recursos per a la Sostenibilitat Ambiental SA (VAERSA), minn T. Lleó Alonso u I. Sánchez Lázaro, letradas,

–

għal Comissions Obreres del País Valencià (CCOO-PV), minn A. M. García Mateu, abogada,

–

għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sindicat de Treballadores i Treballadors de les Administracions i els Serveis Públics (STAS-IV) u Valenciana d’Estratègies i Recursos per a la Sostenibilitat Ambiental SA (VAERSA) dwar l-inklużjoni tal-ħin tal-ivvjaġġar ta’ ħaddiema tal-bijodiversità fil-bidu u fit-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol tagħhom fil-ħin tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE, [tat‑12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

Id-dritt Spanjol

5

Il-Ley del Estatuto de los Trabajadores (il-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Real Decreto legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 2/2015 li Approva t-Test Irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 5 tal-Artikolu 34 tiegħu, intitolat “Ħin tax-xogħol”:

“1.   It-tul tal-ħin tax-xogħol huwa dak stabbilit fil-ftehimiet kollettivi jew fil-kuntratti tax-xogħol.

Il-perijodu massimu tal-ħin tax-xogħol ordinarju huwa ta’ medja ta’ erbgħin siegħa fil-ġimgħa ta’ xogħol effettiv kkalkulati fis-sena.

[…]

3.   Għandu jkun hemm minimu ta’ perijodu ta’ tnax-il siegħa bejn it-tmiem ta’ perijodu ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu tax-xogħol ta’ wara.

In-numru ta’ sigħat ordinarji tax-xogħol effettiv ma jistax jaqbeż disa’ sigħat kuljum, sakemm ftehim kollettiv jew, fin-nuqqas tiegħu, ftehim konkluż bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jipprevedix tqassim ieħor tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum, filwaqt li l-ħin tal-mistieħ bejn żewġ perijodi ta’ xogħol għandu jibqa’ jiġi osservat fi kwalunkwe każ.

[…]

5.   Il-ħin tax-xogħol għandu jiġi kkalkulat b’tali mod li l-ħaddiem ikun fil-post tax-xogħol tiegħu kemm fil-bidu kif ukoll fl-aħħar tal-jum.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

VAERSA, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira miżmum mill-Generalitat Valenciana (il-Ġeneralità ta’ Valencia, Spanja), hija impriża pubblika inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ investimenti pubbliċi intiżi sabiex itejbu ż-żoni naturali tan-network ekoloġiku Ewropew Natura 2000. Għal dan l-għan, VAERSA tintervjeni f’żoni naturali li jinsabu fit-territorju kollu tal-Komunità ta’ Valencia, permezz ta’ ħmistax-il tim komposti minn erba’ persuni kull wieħed, li l-azzjoni tagħhom hija maqsuma f’żoni ġeografiċi stabbiliti minn qabel, jiġifieri, b’mod iktar preċiż, sitt timijiet fil-Provincia de Valencia (il-provinċja ta’ Valencia, Spanja), erba’ timijiet fil-Provincia de Alicante (il-provinċja ta’ Alicante, Spanja) u ħames timijiet fil-Provincia de Castellón (il-provinċja ta’ Castellón, Spanja).

7

Il-persunal tal-bijodiversità assenjat lil dawn it-timijiet, taħt l-isem ta’ “persunal tan-network Natura 2000”, jipprovdi s-servizzi tiegħu f’mikroriżervi naturali. Sabiex jaslu għal dawn il-mikroriżervi, dawn il-ħaddiema għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom vetturi proprjetà ta’ VAERSA, li permezz tagħhom huma jitilqu minn punt ta’ tluq imsejjaħ il-“bażi”. Il-“bażijiet” huma postijiet stabbiliti, għal kull tim, f’muniċipalità ta’ riferiment fi ħdan iż-żona naturali li fiha l-imsemmija ħaddiema jwettqu il-funzjonijiet tagħhom.

8

VAERSA għandha wkoll foreman fil-livell provinċjali. Kull xahar, il-foremen jiġu informati, permezz ta’ messaġġ li jirċievu bl-applikazzjoni ta’ komunikazzjoni online WhatsApp, bl-iskedi tas-servizz ta’ kull xahar imqassma skont il-provinċja, it-tim u l-ġurnata tax-xogħol speċifika, b’indikazzjoni tal-post eżatt tas-siti tax-xogħol, tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn kull tim u tal-aspetti tekniċi l-oħra.

9

Il-ħaddiema kkonċernati jivvjaġġaw bir-riżorsi tagħhom stess mid-dar tagħhom sal-bażi, fejn għandhom jaslu sat‑8:00. Ladarba jaslu fil-bażi, vettura titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom minn VAERSA, bil-materjal neċessarju għat-twettiq tax-xogħlijiet. Mill-bażi, huma jmorru b’din il-vettura, misjuqa minn ħaddiem ta’ VAERSA, sas-sit tax-xogħol ikkonċernat. Fit‑15:00, ix-xogħlijiet fis-sit tax-xogħol jieqfu u l-ħaddiema jerġgħu jitwasslu sal-bażi permezz tal-imsemmija vettura. Mill-bażi, huma jerġgħu lura għad-dar tagħhom bil-mezzi tagħhom stess.

10

Minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol individwali tal-ħaddiema tal-bijodiversità jipprevedu li l-ħin tal-ivvjaġġar, iddedikat għall-vjaġġi ’l hemm u ’l hawn mill-bażi sas-sit tax-xogħol tal-mikroriżerva kkonċernata u minn dan tal-aħħar sal-bażi, ma huwiex ikkunsidrat bħala ħin tax-xogħol effettiv, VAERSA tgħodd, fil-prattika, bħala tali l-ħin tal-ivvjaġġar ta’ kuljum ta’ dawn il-ħaddiema mill-bażi sa dan is-sit tax-xogħol. Għall-kuntrarju, din il-kumpannija ma tgħoddx il-vjaġġ lura, imwettaq bejn l-imsemmi sit tax-xogħol u l-bażi, fi tmiem il-ġurnata tax-xogħol.

11

Adita minn STAS-IV b’azzjoni kollettiva kontra VAERSA, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tindika li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx is-sitwazzjoni fattwali li wasslet għal din it-tilwima. Skont din il-qorti, tqum madankollu, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-ħin tal-vjaġġ għar-ritorn tal-ħaddiema tal-bijodiversità mill-mikroriżerva li fiha huma jwettqu x-xogħlijiet ikkonċernati sal-bażi stabbilita minn VAERSA, għandux jingħadd bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

12

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, (C‑266/14, EU:C:2015:578), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) qieset, fis-sentenza tagħha Nru 605/2020, tas‑7 ta’ Lulju 2020, li, fir-rigward ta’ impriża li tipprovdi servizzi ta’ installazzjoni, ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ liftijiet, il-ħin tal-ivvjaġġar tal-ħaddiema kkonċernati mid-djar tagħhom sa dawk tal-klijenti kellu jitqies bħala ħin tax-xogħol. Fil-fatt, din il-qorti qieset li, “jekk l-ivvjaġġar sad-dar tal-klijent huwa indispensabbli għat-twettiq tal-attività tal-impriża, li ma tkunx f’pożizzjoni li tinstalla, tmantni jew issewwi liftijiet li kieku ma tibgħatx il-ħaddiema tagħha, bil-materjal u l-għodda neċessarji, fid-dar tal-klijenti, bir-riperkussjoni konsekuttiva fuq il-fatturazzjoni ta’ dawn is-servizzi, huwa ċar li dan l-ivvjaġġar għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol”.

13

Is-sentenza Nru 617/2021 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tad‑9 ta’ Ġunju 2021 dwar l-ivvjaġġar ta’ ħaddiema li jwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ makkinarju industrijali, tindika l-istess ħaġa.

14

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika diverġenzi fil-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Permezz tas-sentenza Nru 784/2019, tad‑19 ta’ Novembru 2019, din fil-fatt irrifjutat li tqis bħala ħin tax-xogħol il-ħin tal-vjaġġi mwettqa, f’ajruport, minn ħaddiema tat-tifi tan-nar, bejn il-bini tas-servizz tekniku, li huma jaħdmu fih meta ma jkunux qegħdin iwettqu intervent, u l-post fih jissostitwixxu l-kollegi tagħhom. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iġġustifikat din il-pożizzjoni billi qieset li, “matul iż-żmien li jgħaddi mill-bini tekniku għall-flotta ta’ salvataġġ tal-inġenji tal-ajru u tat-tifi tan-nar, [il-ħaddiema kkonċernati] ma humiex verament għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega, iżda jwettqu kompitu preparatorju analogu għal dak taċ-ċaqliq mill-vestjarju tal-impriża lejn il-post tax-xogħol. Il-fatt li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, huwa neċessarju li l-ewwel irid ikun hemm aċċess għall-blokk tekniku u li jrid jintuża kard ta’ aċċess manjetika, ma jfissirx li l-ħin tax-xogħol beda jiddekorri. Fil-frattemp, il-ħaddiem ma għandu jwettaq ebda kompitu personali u lanqas ma jista’ jiġi assenjat ebda kompitu, għaliex huwa jinsab barra mill-kuntest tal-attività produttiva tiegħu”.

15

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li, fil-passat, hija stess waslet għal soluzzjonijiet kontradittorji f’żewġ kawżi li kienu jikkonċernaw rikorsi individwali ppreżentati minn żewġ ħaddiema tal-bijodiversità kontra VAERSA dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-vjaġġi tagħhom bejn il-bażi u l-mikroriżervi kkonċernati, minkejja li hija kienet ibbażat ruħha fuq l-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-trattament ta’ dawn il-kawżi.

16

Għalhekk, fis-sentenza Nru 2696/2021, tal‑21 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tqis bħala ħin tax-xogħol vjaġġi mwettqa minn ħaddiema bejn il-bażi u l-mikroriżervi kkonċernati minħabba li, matul dawn il-vjaġġi, dawn il-ħaddiema la kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom u lanqas ma kienu f’pożizzjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Għall-kuntrarju, fis-sentenza Nru 3555/2021, tat‑3 ta’ Diċembru 2021, din il-qorti qieset li l-imsemmija vjaġġi kienu jikkostitwixxu ħin tax-xogħol.

17

F’dan ir-rigward, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali vjaġġi jikkostitwixxux ħin tax-xogħol, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, jirriżultaw mill-fatt li, għalkemm huwa minnu li, matul il-vjaġġ mis-sit tax-xogħol ikkonċernat lejn il-bażi, il-ħaddiema tal-bijodiversità ma jwettqux il-funzjonijiet tagħhom, huma lanqas ma jistgħu jiddisponu liberament mill-ħin tagħhom, peress li dan il-vjaġġ isir b’mod obbligatorju f’vettura li tappartjeni lill-persuna li timpjegahom, f’mument predeterminat u skont skeda ffissata minn din il-persuna li timpjega.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin li l-ħaddiema jiddedikaw sabiex jivvjaġġaw, bil-vettura tal-impriża, fil-bidu u fit-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol, mill-bażi sal-mikro riżerva jew sas-sit fejn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u minn dawn tal-aħħar lura lejn il-bażi jikkostitwixxi ‘ħin tax-xogħol’, skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett prevista fl-Artikolu 2 [ta’ din id-] Direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħin iddedikat għall-vjaġġi ’l hemm u ’l hawn li ħaddiema huma obbligati jwettqu, flimkien, f’ħin iddeterminat mill-persuna li timpjegahom u b’vettura li tappartjeni lilha, sabiex imorru minn post preċiż, iddeterminat minn din il-persuna li timpjega, sal-post fejn huwa pprovdut is-servizz partikolari previst mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn dawn il-ħaddiema u l-imsemmija persuna li timpjega għandux, jew le, jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala li jfisser “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu”. Għall-kuntrarju, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

21

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 ma tipprevedix kategorija intermedjarja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ, peress li dawn iż-żewġ kategoriji jeskludu lil xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċja sħiħa kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tal-istess direttiva ma jidhirx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li hija permessa deroga minnhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, imfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti jew le f’dak li jirrigwarda l-ħin tal-ivvjaġġar ta’ ħaddiema, permezz ta’ vettura li tappartjeni lill-persuna li timpjegahom, bejn punt ta’ tluq iddeterminat minnha u żoni naturali fejn dawn il-ħaddiema jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u, għaldaqstant, jekk dan il-ħin għandux jitqies bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

25

Fir-rigward tal-ewwel element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, li jipprovdi li l-ħaddiem għandu jkun qiegħed iwettaq l-attivitajiet jew il-funzjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħaddiema għandhom jitqiesu li jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet jew il-funzjonijiet tagħhom matul il-ħin tal-ivvjaġġar bejn id-dar tagħhom u s-siti tal-klijenti tagħhom, peress li dawn il-vjaġġi jikkostitwixxu strument neċessarju għat-twettiq tas-servizzi tekniċi ta’ dawn il-ħaddiema għand dawn il-klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiema li jinsabu f’tali sitwazzjoni għandhom jitqiesu bħala li kienu qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom waqt dan il-ħin tal-ivvjaġġar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 32 u 34).

26

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħaddiema kkonċernati jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’żoni naturali li jinsabu fit-territorju kollu tal-Komunità ta’ Valencia, b’mod iktar preċiż, f’mikroriżervi naturali differenti. Huma ma jmorrux direttament mid-dar tagħhom għas-sit tax-xogħol assenjat lilhom, iżda huma obbligati li jmorru f’punt tat-tluq, iddeterminat minn VAERSA, f’ħin speċifiku. Minn dan il-punt tat-tluq, imsejjaħ “bażi”, huma għandhom jivvjaġġaw mal-membri l-oħra tat-tim tagħhom f’vettura li tappartjeni lil VAERSA, misjuqa minn ħaddiem ta’ din tal-aħħar u li tittrasporta wkoll il-materjal neċessarju għat-twettiq tax-xogħlijiet ikkonċernati. Meta jkunu spiċċaw jaħdmu, dawn il-ħaddiema jitwasslu f’din il-vettura minn dan is-sit tax-xogħol sal-bażi, li minnha huma jirritornaw għad-dar tagħhom bil-mezzi tagħhom stess. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kull xahar, il-foremen magħżula jiġu informati, b’mod partikolari, bil-pożizzjoni eżatta tal-imsemmi sit tax-xogħol.

27

Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li l-modalitajiet relatati mal-ivvjaġġar tal-ħaddiema tal-bijodiversità kkonċernati huma previsti mill-persuna li timpjegahom, li tindika, b’mod partikolari, il-mezz ta’ trasport għal dan il-vjaġġ, il-punt tat-tluq u tar-ritorn tiegħu, il-ħin tat-tluq tal-imsemmi vjaġġ, kif ukoll id-destinazzjoni, jiġifieri sit tax-xogħol. Konsegwentement, dawn il-ħaddiema ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali. Huma bilfors iridu jivvjaġġaw sabiex jipprovdu s-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din il-persuna li timpjega, filwaqt li għandhom josservaw il-modalitajiet tal-ivvjaġġar imposti minnha.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali vjaġġ għandu jitqies li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema tal-bijodiversità u għalhekk inerenti għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom. Konsegwentement, ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma jwettqu l-attivitajiet jew il-funzjonijiet tagħhom matul il-ħin tal-ivvjaġġar, fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol, minn post iddeterminat mill-persuna li timpjegahom sas-sit tax-xogħol fejn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u minn dan tal-aħħar sa dan il-post.

29

Fir-rigward tat-tieni element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-ħaddiem għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah matul dan il-ħin, għandu jiġi osservat li l-fattur determinanti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa obbligat li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għalhekk, sabiex ħaddiem ikun jista’ jitqies li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, dan il-ħaddiem għandu jkun f’sitwazzjoni fejn huwa obbligat, legalment, li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah u li jwettaq l-attività tiegħu f’isimha (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 36).

31

Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-possibbiltà, għall-ħaddiema, li jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’inqas limiti u jaħdmu fuq l-interessi tagħhom stess huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul il-vjaġġ tagħhom mill-bażi sal-post fejn huwa pprovdut is-servizz partikolari previst mill-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni, u, viċe versa, minn dan il-post sal-bażi, il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati jsegwu l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegahom. Fil-fatt, hija din il-persuna li timpjega li tordna lill-membri tal-persunal tagħha jiltaqgħu fil-bażi, li l-post tagħha huwa ddeterminat mill-imsemmija persuna li timpjega, f’ħin iddefinit, sabiex flimkien imorru, f’vettura li tappartjeni lill-istess persuna li timpjega, misjuqa minn ħaddiem tagħha, sal-imsemmi post fejn huwa pprovdut is-servizz.

33

Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, matul il-perijodu ta’ ħin neċessarju għall-ivvjaġġar, li ħafna mid-drabi ma jkunx jista’ jitnaqqas, il-ħaddiema kkonċernati ma għandhomx il-possibbiltà li jiddisponu kif iridu mill-ħin tagħhom u li jiddedikaw ruħhom għall-interessi tagħhom stess, b’tali mod li, għaldaqstant, huma jkunu qegħdin għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 39).

34

Konsegwentement, matul l-imsemmija vjaġġi, dawn il-ħaddiema għandhom jitqiesu li huma għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom, b’tali mod li t-tieni element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huwa stabbilit f’dan il-każ.

35

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet element li jikkostitwixxi dan il-kunċett, li abbażi tiegħu l-ħaddiem għandu jkun ix-xogħol matul il-perijodu kkunsidrat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-każ li ħaddiem li ma għadx għandu post tax-xogħol fiss iwettaq il-funzjonijiet tiegħu matul il-vjaġġ lejn u lura mill-klijent, dan il-ħaddiem għandu wkoll jitqies bħala li kien qiegħed jaħdem waqt dan il-vjaġġ. Fil-fatt, peress li l-vjaġġi huma parti integrali tal-kwalità ta’ ħaddiem li ma għandux post tax-xogħol fiss jew abitwali, il-post tax-xogħol ta’ tali ħaddiema ma jistax jiġi limitat għall-postijiet ta’ intervent fiżiku ta’ dawn il-ħaddiema għand il-klijenti tal-persuna li timpjegahom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 43).

36

F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, u kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiema kkonċernati għandhom jitqiesu, matul il-vjaġġi li huma jwettqu mill-bażi sas-sit tax-xogħol ikkonċernat kif ukoll minn dan tal-aħħar sal-bażi, bħala li ma għandhomx post tax-xogħol fiss u bħala li huma jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet jew il-funzjonijiet tagħhom.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, matul dawn il-vjaġġi, dawn il-ħaddiema għandhom jitqiesu li kienu qegħdin jaħdmu, b’tali mod li t-tielet element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huwa wkoll issodisfatt f’dan il-każ.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin iddedikat għall-vjaġġi ’l hemm u ’l hawn li ħaddiema huma obbligati jwettqu, flimkien, f’ħin iddeterminat mill-persuna li timpjegahom u b’vettura li tappartjeni lilha, sabiex imorru minn post preċiż, iddeterminat minn din il-persuna li timpjega, sal-post fejn huwa pprovdut is-servizz partikolari previst mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn dawn il-ħaddiema u l-imsemmija persuna li timpjega għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-ħin iddedikat għall-vjaġġi ’l hemm u ’l hawn li ħaddiema huma obbligati jwettqu, flimkien, f’ħin iddeterminat mill-persuna li timpjegahom u b’vettura li tappartjeni lilha, sabiex imorru minn post preċiż, iddeterminat minn din il-persuna li timpjega, sal-post fejn huwa pprovdut is-servizz partikolari previst mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn dawn il-ħaddiema u l-imsemmija persuna li timpjega għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.