IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.1.2026
COM(2026) 47 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema’ ta’ Twissija Bikrija 7-12/2025
1.Tabella tal-konsum proviżorju fil-31/12/2025
Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-2025 għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) fil-31/12/2025, u d-dettalji dwar dan jinsabu fit-tabella hawn taħt. Il-livell ta’ implimentazzjoni jitqabbel bejn l-approprjazzjonijiet korrispondenti inklużi fil-baġit tal-2025.
2.Kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tar-riżerva għall-agrikoltura tal-2025
Fl-2025, ir-riżerva għall-agrikoltura ammontat għal EUR 646,7 miljun, inkluż riport ta’ EUR 366,5 miljun mill-Baġit tal-2024. Ġew adottati ħames miżuri, li jammontaw għal EUR 177,5 miljun. Fil-Baġit tal-2025 ġew iddikjarati pagamenti b’total ta’ EUR 255,3 miljun. Dawn il-pagamenti koprew in-nefqa li jifdal mill-miżuri eċċezzjonali adottati fl-2024 kif ukoll l-ammonti ddikjarati (EUR 63,5 miljun) relatati mal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi u diżastri naturali fi Spanja, fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Latvja u fl-Ungerija, adottati fl-2025.
Il-pagamenti għall-erba’ miżuri l-oħra adottati fl-2025, li jirrappreżentaw ammont totali ta’ EUR 78,9 miljun, se jiġu ffinanzjati taħt ir-riżerva għall-agrikoltura tal-2026. L-approprjazzjonijiet ta’ EUR 391,4 miljun li fadal għalhekk għandhom jiġu riportati għall-Baġit tal-2026.
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2025
L-implimentazzjoni finali tat-tipi ta’ interventi settorjali taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 02) hija inqas minn dik ibbaġitjata (-3,7 %) iżda tjiebet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sena finanzjarja preċedenti (-18,6 % fi tmiem l-2024).
Min-naħa l-oħra, in-nefqa relatata mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 03) hija kemxejn ogħla mill-ammont ibbaġitjat (0.7 %), u tikkumpensa parzjalment għas-sottoimplimentazzjoni skont il-Pjanijiet.
Is-nuqqas globali ta’ eżekuzzjoni ta’ EUR 58,9 miljun għall-interventi settorjali u l-infiq relatat mas-suq jirrifletti fost l-oħrajn il-bżonn ta’ żmien għall-Istati Membri biex jadattaw għall-politika fis-seħħ mill-2023, għall-akkumulazzjoni ta’ kriżijiet fl-aħħar snin, kif ukoll għax-xejriet tad-domanda li qed jinbidlu (fis-swieq interni u esterni).
L-interventi tal-pagamenti diretti taħt il-pjanijiet tal-PAK (08 02 04) juru implimentazzjoni eċċellenti, li taqbeż bi ftit il-baġit (103 % tal-approprjazzjonijiet ivvutati u 100.3 % tal-approprjazzjonijiet ibbaġitjati u d-dħul assenjat).
In-nefqa proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2025, inkluż l-azzjonijiet stmati u implimentati bis-sħiħ b’ġestjoni diretta mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025, twassal għal sovraeżekuzzjoni ta’ EUR 888,5 miljun (2,2 %) meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit. Meta jitqies id-dħul assenjat disponibbli ta’ EUR 983,6 miljun kif ukoll ir-riport ta’ EUR 366,5 miljun mir-riżerva għall-agrikoltura tal-2024, is-sottoimplimentazzjoni totali tal-FAEG tammonta għal EUR 461,6 miljun.
Dan is-surplus ġenerali tal-FAEG jinkludi EUR 391,4 miljun mir-riżerva għall-agrikoltura, li f’konformità mal-Artikolu 16(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 se jiġi riportat għar-riżerva għall-agrikoltura tal-2026.
Is-surplus li fadal ta’ EUR 70,2 miljun jissarraf fi dħul addizzjonali assenjat lill-FAEG li għandu jiġi riportat awtomatikament mill-2025 għall-2026 f’konformità mal-Artikolu 12(4)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, u b’hekk jonqos l-ammont ta’ approprjazzjonijiet meħtieġa fil-Baġit tal-2026.