|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2531 |
17.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2531
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri elettroniċi kwalifikati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45l(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 ġiet introdotta lista ta’ servizzi fiduċjarji u servizzi fiduċjarji kwalifikati ġodda, inkluż ir-reġistrazzjoni ta’ data elettronika f’reġistru elettroniku kwalifikat. Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, meta meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għal dawk is-servizzi. |
|
(2) |
Reġistru elettroniku hu sekwenza ta’ rekords elettroniċi tad-data li tiżgura l-integrità ta’ dawk ir-rekords tad-data u l-akkuratezza tal-ordni kronoloġika ta’ dawk ir-rekords. Biex ikun żgurat li r-reġistrazzjoni tad-data f’reġistru elettroniku kwalifikat tkun ordnata kronoloġikament, konsistenti u affidabbli, jeħtieġ jiġi stabbilit sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tad-data elettronika f’reġistru elettroniku kwalifikat. |
|
(3) |
Il-preżunzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 45l(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jenħtieġ li tkun tapplika biss meta s-servizzi fiduċjarji kwalifikati għar-reġistrazzjoni tad-data elettronika f’reġistru elettroniku kwalifikat ikunu konformi mal-istandards stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawn l-istandards jenħtieġ li jkunu jirriflettu prattiki stabbiliti u jkunu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fis-setturi rilevanti. Jenħtieġ li jiġu adattati biex ikunu jinkludu kontrolli addizzjonali li jiżguraw is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-servizz fiduċjarju kwalifikat. |
|
(4) |
Jekk fornitur tas-servizzi fiduċjarji josserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jassumu l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u jikkunsidraw kif xieraq dik il-preżunzjoni għall-għoti jew il-konferma tal-istatus kwalifikat tas-servizz fiduċjarju. Iżda fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji xorta jista’ jistrieħ fuq prattiki oħra biex juri l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament biex iżżommu konformi mal-iżviluppi globali, ma’ teknoloġiji, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern. |
|
(6) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu wkoll il-“Linji Gwida 02/2025 dwar l-ipproċessar tad-data personali permezz tat-teknoloġiji tal-blockchain” (5) tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. |
|
(7) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta l-opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Ottubru 2025 (7). |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Standards ta’ referenza u speċifikazzjonijiet
Għar-reġistri elettroniċi kwalifikati, l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45l(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(5) edpb_guidelines_202502_blockchain_en.pdf.
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(7) Kummenti formali tal-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri elettroniċi kwalifikati.
ANNESS
Lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u standards ta’ referenza għar-reġistri elettroniċi distribwiti kwalifikati
1.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:|
(a) |
“finalità” tfisser l-istat ta’ rekord tad-data ta’ reġistru elettroniku meta jkun sar irriversibbli u ma jistax jiġi modifikat jew jitneħħa; |
|
(b) |
“reġistru elettroniku distribwit” tfisser reġistru elettroniku li jiġi kondiviż f’sett ta’ nodi ta’ reġistri elettroniċi distribwiti u li jkun sinkronizzat bejn in-nodi tar-reġistri elettroniċi distribwiti b’mekkaniżmu ta’ kunsens; |
|
(c) |
“nodu ta’ reġistri elettroniċi distribwiti” tfisser apparat jew proċess li jkun parti minn network ta’ reġistri elettroniċi distribwiti u li jaħżen kopja sħiħa jew parzjali tar-rekords tad-data ta’ reġistru elettroniku; |
|
(d) |
“network ta’ reġistri elettroniċi distribwiti” tfisser network ta’ nodi ta’ reġistri elettroniċi distribwiti li jifforma sistema ta’ reġistri elettroniċi distribwiti; |
|
(e) |
“sistema ta’ reġistri elettroniċi distribwiti” tfisser sistema li timplimenta reġistru elettroniku distribwit; |
|
(f) |
“kunsens” tfisser ftehim fost in-nodi tar-reġistri elettroniċi distribwiti fuq il-validità tat-tranżazzjonijiet u ż-żamma ta’ sett konsistenti u ordnat ta’ tranżazzjonijiet ivvalidati fis-sistema ta’ reġistri elettroniċi distribwiti; |
|
(g) |
“mekkaniżmu ta’ kunsens” tfisser is-sett ta’ regoli u proċeduri li permezz tagħhom jintlaħaq kunsens; |
|
(h) |
“regoli regolatorji” tfisser is-sett ta’ protokolli, politiki u mekkaniżmi li jiddettaw kif topera s-sistema ta’ reġistri elettroniċi distribwiti, kif tiġi vvalidata d-data u tiġi miżjuda ma’ reġistru elettroniku, u kif jinteraġixxu l-parteċipanti; |
|
(i) |
“tranżazzjoni” tfisser l-iżgħar unità ta’ proċess ta’ ħidma f’reġistru elettroniku; |
|
(j) |
“proċess ta’ ħidma” tfisser sekwenza waħda jew aktar ta’ azzjonijiet meħtieġa biex jiġi ġġenerat eżitu li jkun konformi mar-regoli regolatorji ta’ reġistru elettroniku; |
|
(k) |
“tranżazzjoni vvalidata” tfisser tranżazzjoni li għaliha jkunu ġew ivverifikati l-integrità, l-awtentiċità u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-protokoll meħtieġa f’konformità mar-regoli regolatorji tas-sistema ta’ reġistri elettroniċi distribwiti; |
|
(l) |
“link kriptografika” tfisser referenza għad-data li tiġi stabbilita permezz ta’ tekniki kriptografiċi xierqa li jiżguraw l-integrità, l-awtentiċità jew it-traċċabbiltà tad-data referenzjata u s-sekwenza korretta tar-rekords tad-data; |
|
(m) |
“rapport ta’ reġistru” tfisser preżentazzjoni strutturata ta’ informazzjoni verifikabbli estratta mir-rekords tad-data ta’ reġistru elettroniku, li tipprovdi għarfien dwar attivitajiet speċifiċi, stati, jew konformità ma’ regoli predefiniti; |
|
(n) |
“fornitur ta’ reġistru elettroniku kwalifikat” tfisser fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat ta’ reġistrazzjoni tad-data f’reġistru elettroniku kwalifikat. |
|
(o) |
“reġistru elettroniku distribwit kwalifikat” tfisser reġistru elettroniku distribwit li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ reġistru elettroniku kwalifikat. |
2.
Meta l-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji jkollu bżonn jipproduċi rapport ta’ reġistru, dan għandu jiġi ġġenerat b’mod awtomatizzat.
3.
Il-fornituri tar-reġistri elettroniċi kwalifikati għandhom joħolqu reġistru elettroniku kwalifikat, jirreġistraw fih data elettronika, jaġġornawh u jżommuh f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fi:|
(a) |
Għall-fornituri kollha tar-reġistri elettroniċi kwalifikati, ETSI EN 319 401 v3.1.1 (2024-06) bl-adattamenti li ġejjin:
|
|
(b) |
Barra minn hekk, għall-fornituri kollha tar-reġistri elettroniċi kwalifikati li jużaw teknoloġiji ta’ reġistru elettroniku distribwit:
|
(1) ISO/IEC 15408:2022 (il-partijiet 1 sa 5): “Is-sigurtà tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tal-privatezza – Kriterji tal-evalwazzjoni għas-sigurtà tal-IT”.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 tal-31 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq il-Kriterji Komuni (EUCC) (ĠU L, 2024/482, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/482/2025-01-08).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3144 tat-18 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 fir-rigward tal-istandards internazzjonali applikabbli u li jikkoreġi dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (ĠU L, 2024/3144, 19.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3144/oj).
(4) FIPS PUB 140-3 (2019): “Rekwiżiti tas-Sigurtà għal Moduli Kriptografiċi”.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2531/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)