|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2710 |
18.4.2024 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-12 ta’ Frar 2024
dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925
(Każ DMA.100022 – Apple - number-independent interpersonal communications services)
(innotifikata permezz tad-dokument numru C(2024)785)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2024/2710)
Fit-12 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Id-deċiżjoni mehmuża (“id-Deċiżjoni”) tistabbilixxi r-raġunijiet għaliex, wara l-investigazzjoni tas-suq li għamlet skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali, “DMA”), il-Kummissjoni ma ddeżinjatx lil Apple Inc. u lil Apple Distribution International Ltd. (minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala “Apple” l-“Impriża”) bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tad-DMA fir-rigward tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“communication core platform service”, “CPS”) iMessage, minkejja li tissodisfa l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-DMA. |
2. PROĊEDURA
|
(2) |
Wara n-notifika ta’ Apple fit-3 ta’ Lulju 2023, fil-5 ta’ Settembru 2023 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tad-DMA fir-rigward tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online App Store, is-sistema operattiva iOS u l-brawżer tal-internet Safari (2). F’dik id-Deċiżjoni l-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-iMessage jista’ jitqies bħala NIICS ta’ Apple konformi mal-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-DMA, iżda li Apple ressqet argumenti sostanzjati biżżejjed li manifestament iqajmu dubji dwar is-suppożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-DMA b’rabta ma’ dan is-CPS, u li jiġġustifikaw li tinfetaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikoli 17(3) u 3(5) tad-DMA fis-CPS. |
|
(3) |
Minħabba f’hekk, fil-5 ta’ Settembru 2023 il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikoli 16(1) u 17(3) tad-DMA biex tivvaluta jekk, wara l-argumenti li tressqu minn Apple skont l-Artikolu 3(5) tad-DMA, in-NIICS ta’ Apple, iMessage, jenħtieġ li tiġi elenkata bħala gwardjan importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali fid-deċiżjoni li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan (3). |
|
(4) |
Fid-29 ta’ Novembru 2023 il-Kummissjoni kkomunikat is-sejbiet preliminari lil Apple skont l-Artikolu 17(3) tad-DMA. Apple wieġbet fil-5 ta’ Diċembru 2023. |
|
(5) |
Skont l-Artikoli 17 u 50(2) tad-DMA, il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali ġie kkonsultat u ta opinjoni pożittiva fl-1 ta’ Frar 2024. |
3. QAFAS LEGALI
|
(6) |
Id-DMA jistabbilixxi sett ta’ kriterji oġġettivi ddefiniti b’mod strett biex pjattaforma online kbira tiġi ddeżinjata bħala gwardjan. Id-deżinjazzjoni trid issir b’rabta ma’ CPS wieħed jew aktar ipprovduti mill-impriża li jkunu gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jikkomunikaw mal-utenti finali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (b) tad-DMA. Sabiex jiġi ddeterminat jekk servizz ipprovdut minn impriża ikunx CPS li jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) tal-ASD, huwa meħtieġ, bħala pass preliminari, li s-servizz rispettiv jiġi kkwalifikat u delinjat. Kriterju rilevanti għall-kwalifikazzjoni u d-delinjazzjoni tas-CPSs huwa l-iskop li għalih jintuża s-servizz mill-utenti finali jew mill-utenti kummerċjali jew mit-tnejn li huma. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-DMA, il-Kummissjoni għandha tiddeżinja impriża bħala gatekeeper jekk din tissodisfa tliet rekwiżiti kumulattivi, jiġifieri: (a) ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern; (b) tipprovdi CPS li jkun gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jikkomunikaw mal-utenti finali; u (c) tkun tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib se tgawdi din il-pożizzjoni. L-Artikolu 3(2) tal-ASD jissopponi li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati meta jiġu ssodisfati ċerti limiti kwantitattivi, partikolarment dwar il-fatturat tal-kumpanija jew il-kapitalizzazzjoni tas-suq kif ukoll l-għadd ta’ utenti finali u utenti kummerċjali ta’ xi CPS partikolari f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji. |
|
(8) |
Skont l-Artikol1 3(5), 17(3) u 17(1) tad-DMA, il-Kummissjoni tista’ tagħmel investigazzjoni biex teżamina jekk impriża li tipprovdi CPSs li jissodisfaw il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA u li tkun ressqet argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) tad-DMA li manifestament jitfgħu dubju fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA xorta waħda tissodisfax il-kriterji fl-Artikolu 3(1) tad-DMA jew le. Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni taċċetta jew tirrifjuta it-tweġiba ta’ impriża u konsegwentement tiddeżinja jew ma tiddeżinjax l-impriża bħala gwardjan fit-tifsira tad-DMA. |
4. VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
|
(9) |
Wara li Apple bagħtet in-notifika u l-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17(3) u 3(5) tad-DMA, il-Kummissjoni mhijiex beħsiebha lil Apple bħala gwardjan fir-rigward tan- NIICS iMessage, ladarba dan is-servizz mhuwiex gwardjan importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utent finali skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq ir-raġunijiet kollha li ġejjin meqjusin flimkien. |
|
(10) |
L-ewwel nett, l-użu globali tal-iMessage - li jista’ jintuża biss fuq l-apparat ta’ Apple - jidher li huwa relattivament baxx fl-Unjoni, f’termini ta’ għadd ħafna anqas ta’ utenti u partikolarment intensità ħafna aktar baxxa tal-użu meta mqabbel ma’ NIICS oħrajn, li t-tnejn li huma pprovduti minn Meta u ġew iddeżinjati skont id-DMA. F’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni tinnota li, l-ewwel nett, l-għadd ta’ utenti finali attivi kull xahar (“monthly active end users”, “MAUs”) li jużaw l-iMessage bejn l-2020 u l-2023 hija bil-bosta anqas mill-għadd ta’ MAUs ta’ WhatsApp u Messenger ta’ Meta, rispettivament. |
|
(11) |
It-tieni, f’rabta mal-utenti attivi kuljum, id-differenza fl-għadd ta’ utenti bejn is-servizzi ta’ Meta li ssemmew qabel u l-iMessage hija saħansitra akbar, li jagħti ’l wieħed x’jifhem li, fuq medja, l-utenti ta’ iMessage jużaw dan is-servizzi b’anqas frekwenza mill-utenti ta’ WhatsApp jew Messenger. Similarment, il-Kummissjoni tikkonstata li l-intensità tal-użu tal-iMessage hija relattivament baxxa meta titqabbel ma’ servizzi ta’ messaġġi oħra u li l-utenti attivi ta’ servizzi ta’ messaġġi oħra għandhom it-tendenza li jinvolvu ruħhom f’dawn is-servizzi għal ħin itwal u b’mod aktar frekwenti mill-utenti attivi ta’ iMessage. Data li hija disponibbli pubblikament, inkluż data ppubblikata minn regolaturi nazzjonali diversi, tikkonferma li servizzi ta’ messaġġi oħra jintużaw konsiderevolment aktar u b’mod intensiv mill-iMessage. Pereżempju, data ppubblikata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Ġermanja, Spanja u l-Awstrija turi li l-iMessage ma ġiex irrapportat fost is-servizzi ta’ messaġġi li jintużaw l-aktar frekwenti fl-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri. |
|
(12) |
It-tielet, meta tintefa’ enfasi fuq l-użu kummerċjali assolut u relattiv tal-iMessage, ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq jindikaw li importanza ta’ iMessage bħala kanal ta’ komunikazzjoni B2C hija limitata. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam speċifikament Messages for Business, li huwa s-servizz tal-Apple li jippermetti lill-utenti finali ta’ iMessage li jikkomunikaw direttament permezz tal-applikazzjoni tal-Messaġġi preinstallati, id-data li hija disponibbli lill-Kummissjoni bħalissa tindika l-bażi ta’ utenti fl-UE hija limitata ħafna. |
|
(13) |
B’mod ġenerali l-evidenza li nġabret mill-Kummissjoni turi li l-utenti kummerċjali ma jqisux lil iMessage bħala kanal importanti, jew kruċjali a fortiori, li jużaw biex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom. L-ebda mill-utenti korporattivi tal-iPhone li tkellmu mas-servizzi tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tas-suq ma kkunsidra l-iMessage bħala servizz kruċjali jew importanti biex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom u maġġoranza ċara fosthom indikaw li l-iMessage ma għandu l-ebda importanzi fil-komunikazzjoni mal-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, l-utenti korporattivi kollha li jużaw iMessage biex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom indikaw li huma jużaw ikoll servizzi ta’ messaġġi oħra u ta’ sikwit enfasizzaw li din l-għodda hija sekondarja meta titqabbel ma’ għodod ta’ komunikazzjoni oħra. Fl-aħħar nett, ċerti rispondenti qalu li, jekk l-iMessage jingħata flimkien ma’ servizz ta’ SMS/MMS, ta’ sikwit l-iMessage jintużaw b’mod mhux intenzjonali, u jseħħ meta ż-żewġ partijiet tal-komunikazzjoni jkollhom iMessage attivat fuq l-apparat Apple tagħhom. |
|
(14) |
Kollettivament, is-sejbiet tal-Kummissjoni jenfasizzaw l-użu relattivament baxx ta’ iMessage bħala gwardjan tal-komunikazzjoni tal-utent kummerċjali. |
|
(15) |
Konsegwentement, l-investigazzjoni tas-suq li nfetħet bid-deċiżjoni C(2023) 6077 tal-5 ta’ Settembru 2023 hija magħluqa. |
5. KONKLUŻJONI
|
(16) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, din id-Deċiżjoni tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq li nfetħet bid-deċiżjoni C (2023) 6077, tal-5 ta’ Settembru 2023 fin-NIICS ta’ Apple, iMessage, billi tikkonkludi li dan is-CPS jenħtieġ li ma jiġix elenkat bħala gwardjan importanti biex l-utenti kummerċjali jikkomunikaw mal-utenti finali tagħhom fid-deċiżjoni C (2023) 6100, tal-5 ta’ Settembru 2023 li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tad-DMA. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni C(2023) 6100 final.
(3) Id-Deċiżjoni C(2023) 6077 finali tal-5 ta’ Settembru 2023.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2710/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)