12004V321

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU V - AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - KAPITOLU IV - KOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U GĦAJNUNA UMANITARJA - Sezzjoni 3 - Għajnuna umanitarja - Artikolu III-321

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0145 - 0145


Artikolu III-321

1. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' għajnuna umanitarja għandhom jitmexxew fil-qafas tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-operazzjonijiet għandhom ikunu maħsuba biex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal nies f'pajjiżi terzi li huma vittmi ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u biex jipproteġuhom, sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-operazzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

2. L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitmexxew skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u nuqqas ta' diskriminazzjoni.

3. Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandhom tistabbilixxi l-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni għandhom jiġu implimentati.

4. L-Unjoni tista' tikkonkludi ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti kull ftehim li jgħin biex jintlaħqu l-miri previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu III-292.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

5. Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-liġi Ewropea għandha tiffissa r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament tal-Korp.

6. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-kordinazzjoni bejn azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex ittejjeb l-effikaċja u l-komplimentarità ta' miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.

7. L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha huma kordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

--------------------------------------------------