28.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/126


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Novembru 2009

dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament għall-2010 għal miżuri ta’ komunikazzjoni, studju, evalwazzjonijiet u dwar għotja diretta lill-OIE bbażata fuq l-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002

(2009/856/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 20, 23 u 41 tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikulari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ‘il quddiem jissejħu r-‘Regoli Implimentattivi’), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tfassal il-proċeduri li jirregolaw il-kontribut finanzjarju Komunitarju lejn miżuri veterinarji speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika ta’ tagħrif għal saħħet l-annimali, il-benessri tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel, u miżuri tekniċi u xjentifiċi.

(2)

Skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għat-twaqqif ta’ politika ta’ informazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel fi prodotti li joriġinaw mill-annimali inkluż li jsiru studji neċessarji għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali.

(3)

Il-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Ħarsien u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (4) b’mod partikolari jipprevedi li jinvolvi u jinforma lil dawk li jrabbu/jieħdu ħsieb l-annimali, u biex ikompli jsostni u jagħti bidu għal inizjattivi ulterjuri internazzjonali biex joħloq kuxjenza u aktar kunsens dwar il-benessri tal-annimali. F’dan ir-rigward, se tiġi żviluppata strateġija Ewropea għall-komunikazzjoni dwar il-benessri tal-annimali fl-Ewropa u lil hinn minnha se tiġi implimentata, biex tispjega liċ-ċittadini l-varjazzjonijiet fis-sistemi tal-produzzjoni tal-annimali u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ standards ogħla tal-benessri tal-annimali.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013) tirrikonoxxi l-importanza tad-djalogu bejn iċ-ċittadini, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-KE (b’mod partikolari l-Kummissjoni).

(5)

Strateġija ta’ komunikazzjoni effettiva ġiet stabbilita fis-snin ta’ qabel biex tippromwovi kwistjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali lill-partijiet interessati, organizzazzjonijiet u s-soċjetà kollha kemm hi. Din l-istrateġija ta’ komunikazzjoni għandha tkompli. Fl-2010 l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippromwovi b’mod partikolari l-importanza ta’ identifikazzjoni u traċċabilità ta’ annimali ħajjin u matul il-katina alimentari waqt il-Ġimgħa Veterinarja tal-UE.

(6)

Is-sena 2011 ġiet innominata bħala s-“Sena Veterinarja Dinjija 2011” u se tfakkar il-250 sena anniversarju tal-edukazzjoni veterinarja fid-dinja. Strateġija ta’ komunikazzjoni mmirata lejn il-partijiet interessati differenti se titħejja biex tenfasizza l-importanza tagħha u biex tinforma lill-partijiet interessati dwar l-avvenimenti differenti li se jiġu organizzati f’din is-sena biex tiġi ċċelebrata din l-okkażjoni.

(7)

L-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE jistipula li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-infiq effettiv tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll ta’ qerda u monitoraġġ ta’ mard tal-annimali.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li l-Komunità tiffinanzja għas-sena 2010, studji, valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet, u politika ta’ informazzjoni li jkopru l-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u ż-żooteknika. L-ammont massimu li għandu jiġi allokat għal dawn l-azzjonijiet għandu jkun speċifikat.

(9)

Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, il-Komunità għandha twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(10)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja. Hija rikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ referenza mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-iffissar ta’ standards għall-kummerċ internazzjonali tal-annimali u l-prodotti tagħhom.

(11)

L-OIE organizzat konferenza dinjija dwar “l-Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura”, mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2009.

(12)

Il-konferenza tal-OIE tista’ tiżgura ftehim aħjar tal-Politika Komunitarja dwar is-saħħa tal-annimali fost id-dekana u d-diretturi ta’ istituzzjonijiet veterinarji u l-persuni ewlenin li jfasslu l-politika nazzjonali minn madwar id-dinja u fl-iżvilupp tal-edukazzjoni veterinarja fil-pajjiżi parteċipanti. L-appoġġ finanzjarju mill-Komunità għat-tixrid tal-proċedimenti marbut mal-konferenza tal-OIE globali hu għalhekk konformi mal-għan tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja fil-Komunità.

(13)

L-OIE qed tippjana Konferenza Internazzjonali dwar il-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Din il-konferenza se ssostni l-azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013). Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tikkontribwixxi għal din l-inizjattiva sabiex trawwem l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja marbut ma’ din il-marda. Għalhekk, il-Komunità għandha ssostni din l-inizjattiva tal-OIE.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nfiq mill-baġit Komunitarju għandu jkollu qablu deċiżjoni finanzjarja li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi l-infiq u għandha tiġi adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li l-poteri tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni.

(15)

Skont l-Artikolu 168(1) (c) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, jistgħu jingħataw għotjiet mingħajr sejħa għal proposti fil-każ ta’ korpi b’monopolju de facto. L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, u b’hekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti biex il-Komunità tikkontribwixxi għat-tixrid ta’ materjal tekniku u xjentifiku marbut mal-konferenza tal-OIE “Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura” u l-organizzazzjoni u l-ospitalità ta’ Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer.

(16)

Id-deċiżjoni preżenti ta’ finanzjament tista’ tkopri wkoll il-ħlas tal-imgħax dovut għal ħlas tardiv abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 106(5) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ komunikazzjoni, tal-istudji u tal-evalwazzjonijiet u dwar għotja diretta lill-OIE, kif stipulat fl-Anness, huma b’dan adottati. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni massima awtorizzata b’din id-Deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ġiet iffissata għal EUR 3 685 000 li għandhom jiġu ffinanzjati mil-Linja Baġitarja li ġejja -Baġit Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għall-2009.

—

Il-Linja tal-Baġit nru 17 04 02 01: EUR 3 685 000.

Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll l-imgħax dovut għal ħlas tardiv.

Artikolu 3

L-għotjiet għall-OIE se jingħataw permezz ta’ ftehim ta’ għotja mingħajr sejħa għal proposti minħabba li l-OIE hi l-organizzazzjoni intergovernattiva għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja u għalhekk għandha monopolju de facto, f’konformità mal-kundizzjonijiet dettaljati fil-programm ta’ ħidma anness.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(4)  COM(2006) 13 finali.


ANNESS

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/470/KE TAL-25 TA’ MEJJU 2009 DWAR IN-NEFQA FIL-KAMP VETERINARJU, U B’MOD PARTIKOLARI L-ARTIKOLI 20, 22, 23 U 41 TAGĦHA – ATTIVITAJIET GĦALL-2010

1.1.   Introduzzjoni

Dan il-programm jinkludi 6 miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sena 2010. Abbażi tal-għanijiet mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

—

għal konċessjonijiet (implimentati f’maniġment ċentralizzat dirett) (1.2):

—

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament tat-tixrid tal-proċedimenti tal-konferenza internazzjonali dwar l-“Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura”, organizzata mill-OIE mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2009, ta’ EUR 50 000 li tikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju ta’ massimu ta’ 80 % tal-ispejjeż totali eliġibbli;

—

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer, organizzata mill-OIE fl-2010, ta’ EUR 200 000 li tikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 33 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

—

għal ksib (implimentati f’maniġment ċentralizzat dirett) (1.3):

—

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għat-twettiq ta’ studju biex isostni rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-infiq effettiv tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll tal-qerda u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali b’massimu ta’ EUR 100 000;

—

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għat-twettiq ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni biex tippromwovi s-“Sena Veterinarja Dinjija 2011” b’massimu ta’ EUR 200 000;

—

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għall-pubblikazzjonijiet u t-tixrid ta’ tagħrif u l-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali b’massimu ta’ EUR 230 000;

—

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għal pubblikazzjonijiet u t-tixrid ta’ tagħrif biex jippromwovi kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali b’massimu ta’ EUR 2 905 000.

1.2.   Konċessjonijiet

1.2.1.   Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament tat-tixrid tal-proċedimenti tal-konferenza internazzjonali dwar l-“Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura”, organizzat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2009.

Il-konċessjonijiet għandhom jiġu koperti minn ftehim bil-miktub.

Bażi legali

L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

Linja baġitarja

17 04 02 01

Għanijiet li jridu jiġu ssodisfati u riżultati previsti

L-OIE organizzat konferenza dinjija dwar “l-Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura”, mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2009.

Il-konferenza tal-OIE tista’ tiżgura ftehim aħjar tal-Politika Komunitarja dwar is-saħħa tal-annimali fost id-dekana u d-diretturi ta’ istituzzjonijiet veterinarji u l-persuni ewlenin li jfasslu l-politika nazzjonali minn madwar id-dinja u fl-iżvilupp tal-edukazzjoni veterinarja fil-pajjiżi parteċipanti. L-appoġġ finanzjarju mill-Komunità għat-tixrid tal-proċedimenti marbut mal-konferenza tal-OIE globali hu għalhekk konformi mal-għan tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja fil-Komunità.

Deskrizzjoni u għanijiet tal-miżura ta’ implimentazzjoni

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament tat-tixrid tal-proċedimenti tal-konferenza internazzjonali dwar l-“Evoluzzjoni ta’ edukazzjoni veterinarja għal dinja aktar sikura”, organizzata mill-OIE mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2009.

L-implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Konċessjoni diretta:

Artikolu 168(1)(C)

Rata massima possibbli ta’ kofinanzjament

B’massimu ta’ 80 % tal-ispejjeż kollha eliġibbli

1.2.2.   Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għall-finanzjament tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer, organizzat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) fl-2010

L-għotjiet għandhom jiġu koperti minn ftehim bil-miktub.

Bażi legali

L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

Il-linja baġitarja

17 04 02 01

Għanijiet li jridu jiġu ssodisfati u riżultati previsti

L-OIE qed tippjana Konferenza Internazzjonali dwar il-marda tal-ilsien u d-dwiefer matul l-2010. Din il-konferenza se ssostni l-azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013). Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tikkontribwixxi għal din l-inizjattiva sabiex tinkiseb protezzjoni aħjar minn din il-marda.

Deskrizzjoni u għan tal-miżura implimentattiva

Il-Komunità se tappoġġja l-OIE fl-organizzazzjoni ta’ din il-Konferenza Internazzjonali.

Implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Konċessjoni diretta

Artikolu 168(1)(C)

Rata massima possibbli ta’ kofinanzjament

B’massimu ta’ 33 % tal-ispejjeż kollha eliġibbli marbuta mal-organizzazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali.

1.3.   Ksib

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti ta’ akkwisti fl-2009 jammonta għal EUR 3 435 000.

1.3.1.   It-twettiq ta’ studju biex isostni rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-infiq effettiv tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll tal-qerda u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali.

Bażi legali

L-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

Il-linja baġitarja

17 04 02 01

Numru indikattiv u tipi ta’ kuntratti previsti

Kuntratt wieħed ta’ servizz (l-użu tal-kuntratt ta’ qafas eżistenti).

Is-suġġett tal-kuntratti previsti

Biex jitħejja studju li se jintuża bħala kontribuzzjoni lejn il-finalizzazzjoni tar-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

L-implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Il-perjodu ta’ żmien indikattiv għat-tnedija tal-proċedura ta’ ksib

Kuntratt speċifiku

Konklużjoni ta’ kuntratt speċifiku ta’ servizz (matul l-ewwel tliet xhur tal-2010) taħt ir-referenza ta’ kuntratt ta’ qafas SANCO/2008/01/055.

1.3.2.   Kampanja ta’ komunikazzjoni biex tippromwovi s-“Sena Veterinarja Dinjija 2011”

Bażi legali

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

Il-linja baġitarja

17 04 02 01

Numru indikattiv u tipi ta’ kuntratti previsti

Kuntratt wieħed ta’ servizz (l-użu tal-kuntratt ta’ qafas eżistenti)

Is-suġġett tal-kuntratti previsti

Biex titħejja kampanja ta’ komunikazzjoni inklużi azzjonijiet differenti ta’ komunikazzjoni bi tħejjija għas-“Sena Veterinarja Dinjija 2011”, sabiex tippromwovi l-politika Komunitarja tas-Saħħa tal-Annimali matul din is-sena.

L-implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Il-perjodu ta’ żmien indikattiv għat-tnedija tal-proċedura TA’ KSIB

Kuntratt speċifiku

Konklużjoni ta’ kuntratt wieħed ta’ servizz speċifiku (matul l-ewwel sitt xhur tal-2010) taħt ir-referenza ta’ kuntratt ta’ qafas SANCO/2009/A1/005.

1.3.3.   Pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif relatat mal-istrateġija tal-benessri tal-annimali

Bażi legali

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

Il-linja baġitarja

17 04 02 01

Numru indikattiv u tipi ta’ kuntratti previsti

Massimu ta’ tliet kuntratti ta’ servizz (l-użu ta’ kuntratti ta’ qafas eżistenti).

Is-suġġett tal-kuntratti previsti

Kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010, l-attivatijiet li ġejjin, li jikkorrispondu għall-Oqsma 4 u 5 tal-Pjan, huma previsti għall-2010:

—

L-iżvilupp ta’ websajt interattiva dwar il-benessri tal-annimali biex tippromwovi l-istrateġiji u l-inizjattivi tal-Benessri tal-Annimali, u l-aġġornament u l-immaniġġjar tal-kontenut tagħha;

—

Segwitu għall-proġett tal-Kwalità tal-Benessri® (http://www.welfarequality.net/everyone). Il-proġett tal-Kwalità tal-Benessri® hu appoġġjat mill-Kummissjoni sabiex joħloq indikaturi ta’ benessri bbażati fuq l-annimali u biex itejjeb il-kummerċ tal-prodotti tal-annimali b’kontenut għoli ta’ benessri;

—

Websajt ta’ art agrikola u kaxxa tal-għodda tal-għalliem – żviluppi ulterjuri. Żvilupp ta’ lingwi addizzjonali għall-websajt, billi jiġu integrati proġetti simili fl-istrateġija tal-għodda tal-għalliem għall-Arti agrikola, billi jiġi żviluppat studju Ewropew dwar programmi edukattivi eżistenti tal-benessri tal-annimali;

—

Organizzazzjoni ta’ avvenimenti/konferenzi dwar l-edukazzjoni tal-benessri tal-annimali;

—

Organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni tat-tpinġija għat-tfal għal disinn ġdid biex jintuża fuq materjal promozzjonali.

L-implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Il perjodu ta’ żmien indikattiv għat-tnedija tal-proċedura ta’ ksib

Kuntratt speċifiku

Konklużjoni ta’ tliet kuntratti ta’ servizz speċifiku (matul l-ewwel tliet xhur tal-2010) taħt ir-referenza ta’ kuntratt ta’ qafas SANCO/2009/A1/005.

1.3.4.   Pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif biex jippromwovu kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali

Bażi legali

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE

Il-linja baġitarja

17 04 02 01

Numru indikattiv u tipi ta’ kuntratti previsti

Massimu ta’ seba’ kuntratti ta’ servizz (l-użu ta’ kuntratti ta’ qafas eżistenti)

Is-suġġett tal-kuntratti previsti

—

Ġimgħa Veterinarja 2010:

—

Konferenza ta’ jumejn ġewwa Brussell mal-partijiet kollha interessati;

—

Vidjo u materjal stampat biex jiġi żviluppat għall-pubbliku ġenerali dwar l-importanza ta’ identifikazzjoni u traċċabilità tal-annimali;

—

Avvenimenti li se jiġu organizzati fl-Istati Membri kollha għal studenti fl-Universitajiet Veterinarji u l-pubbliku ġenerali matul il-Ġimgħa Veterinarja u materjal ta’ sostenn li se jiġi żviluppat, biex iqajjem kuxjenza tal-kwistjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali, inkluża pereżempju l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali, identifikazzjoni u traċċabilità tal-annimali u l-idrofobija.

—

Promozzjoni tal-politika Komunitarja dwar is-Saħħa tal-Annimali f’konformità mal-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali:

—

Titwil tal-kampanja ta’ promozzjoni billi jintuża vann adattat għall-użi u l-utenti speċifiċi li jivvjaġġa madwar l-UE, li jieqaf fejn ikun hemm wirjiet agrikoli, konvenzjonijiet veterinarji, fieri għat-turisti, u skejjel;

—

Materjal stampat li se jiġi żviluppat għall-pubbliku ġenerali dwar il-passaporti tal-annimali domestiċi, bil-lingwi kollha tal-UE;

—

Manwali onlajn dwar il-prevenzjoni tal-idrofobija li se jiġi żviluppat għall-pubbliku ġenerali, u li se jiġi tradott f’diversi lingwi ewlenin.

L-implimentazzjoni

Ċentralizzata diretta

Il-perjodu ta’ żmien indikattiv għat-tnedija tal-proċedura ta’ ksib

Kuntratt speċifiku

Konklużjoni ta’ massimu ta’ seba’ kuntratti ta’ servizz speċifiku (matul l-ewwel sitt xhur tal-2010) taħt ir-referenza ta’ kuntratt ta’ qafas SANCO/2009/A1/005.