Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑295/25
Lima BV
vs
Vlaams Gewest
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Produzzjoni organika u ttikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Artikolu 7(a), (b) u (c) – Punti 2.2.1 u 2.2.2 tal‑Parti IV tal-Anness II – Użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl‑ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi – Trab iċċertifikat bħala organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju – Nuqqas ta’ awtorizzazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. L-użu ta’ ingredjent organiku ta’ oriġini agrikola jista’ jiġi pprojbit fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati?
2. Dan huwa l-paradoss li jidher li jeżisti mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) li jistaqsi dwar il-possibbiltà li jintuża trab iċċertifikat bħala organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, f’xarba organika veġetali bbażata fuq ir-ross jew il-ħafur, minkejja li l‑użu ta’ kalċju fil-prodotti tal-ikel ma huwiex espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali u l-użu tal-karbonat tal-kalċju huwa pprojbit fil‑produzzjoni organika għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848 (2), kif emendat bir-Regolament Delegat (UE) 2022/474 (3) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) 2021/1165 (4).
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-projbizzjoni ta’ tisħiħ bil-kalċju ta’ xarbiet veġetali bl-użu ta’ tali sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum mhux organiċi (5) billi bbażat ruħha fuq ir‑Regolamenti (KE) Nri 834/2007 (6) u 889/2008 (7). Madankollu, il‑kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija ġdida peress li s-sistema applikabbli għall-addittivi tal-ikel inbidlet bir-Regolament 2018/848, li ħassar ir-Regolament Nru 834/2007, u li, f’dan il-każ, is-sedimenti inkwistjoni rriżultaw mill-alka Lithothamnium calcareum iċċertifikata organika.
4. Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li din is‑sistema ġdida ta’ addittivi tal-ikel, li nqis li taħtha jaqa’ t-trab miksub mill-alka Lithothamnium calcareum, tapplika irrispettivament minn jekk l-ingredjent huwiex organiku jew le, u konsegwentement, l-użu ta’ dan it-trab, anki jekk iċċertifikat bħala organiku, għall-finijiet ta’ tisħiħ bil‑kalċju, ma huwiex awtorizzat fil-produzzjoni organika peress li ma huwiex meħtieġ bħala rekwiżit legali.
II. Id-dritt tal-Unjoni
A. Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002
5. L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (8) jistipulaw:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ikel’ (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.
‘Ikel’ tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. [...]”
B. Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008
6. L-Artikolu 3(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 (9) huwa redatt f’dawn it-termini:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id‑definizzjonijiet li ġejjin:
a) ‘addittiv ta’ l-ikel’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit‑trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan;
Dawn li ġejjin ma jitqiesux bħala addittivi ta’ l-ikel:
[...]
ii) l-ikel, kemm jekk niexef jew f’forma kkonċentrata, inklużi s‑sustanzi aromatizzanti inkorporati waqt il-manifattura ta’ ikel kompost, minħabba fil-karatteristiċi aromatiċi, bnien jew nutrittivi tagħhom flimkien ma’ l-effett sekondarju li jagħtu l‑kulur;
[...]
b) ‘għajnuna għall-ipproċessar’ tfisser kwalunkwe sustanza li:
i) ma tiġix ikkonsmata bħala ikel waħidha;
ii) tintuża intenzjonalment fl-ipproċessar ta’ materja prima, ta’ ikel jew ta’ l-ingredjenti tagħhom li mhumiex ipproċessati, biex jiġi sodisfatt ċertu skop teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar; u
iii) tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux maħsuba, iżda li teknikament ma tistax tkun evitata fil-prodott finali, ta’ residwi tas-sustanza jew tad-derivati tagħha, sakemm ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għas-saħħa u ma jkollhom l‑ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali.”
C. Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011
7. L-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (10) jindika:
“Għandhom japplikaw […] id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
f) ‘ingredjent’ tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l‑aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit‑tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; ir-residwi m’għandhomx jitqiesu bħala ‘ingredjenti’”.
D. Ir-Regolament 2018/848
8. Il-premessi 6, 20, 51, 52 u 63 tar-Regolament 2018/848 jistipulaw:
“(6) Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni [Ewropea] dwar il‑produzzjoni organika, jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit għall‑implimentazzjoni ta’ dik il-politika jkollu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil‑prodotti organiċi, li jżomm u jiġġustifika l-fiduċja tal‑konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika, u li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom il-politika tista’ tagħmel progress f’konformità mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.
[...]
(20) Peress li l-użu ta’ inputs esterni jenħtieġ li jkun ristrett fil‑produzzjoni organika, jenħtieġ li jiġu identifikati ċerti objettivi li għalihom spiss jintużaw prodotti u sustanzi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli jew prodotti agrikoli pproċessati. Meta normalment jintużaw għal dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-użu ta’ prodotti jew sustanzi jkun permess biss meta dawn ikunu ġew awtorizzati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li tali awtorizzazzjoni tkun valida biss sakemm l-użu ta’ tali inputs esterni fil-produzzjoni mhux organika ma jkunx projbit mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li tkun bbażata fuq il-liġi tal-Unjoni. [...]
[...]
(51) Jenħtieġ li l-operaturi li jipproduċu ikel [...] jsegwu proċeduri xierqa bbażati fuq l-identifikazzjoni sistematika tal-passi kritiċi ta’ pproċessar, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti pproċessati jikkonformaw mar-regoli dwar il-produzzjoni organika. Jenħtieġ li l-prodotti organiċi pproċessati jsiru bl-użu ta’ metodi ta’ pproċessar li jiggarantixxu li l-karatteristiċi u l-kwalitajiet organiċi tal-prodotti jinżammu fl-istadji kollha tal-produzzjoni organika.
(52) Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-ikel [...] organiku pproċessat. B’mod partikolari, jenħtieġ li dan l-ikel jkun prodott prinċipalment minn ingredjenti agrikoli organiċi jew minn ingredjenti oħrajn li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li huma organiċi, bil-possibbiltà limitata li jintużaw ċerti ingredjenti agrikoli mhux organiċi speċifikati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li ċerti prodotti u sustanzi biss li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament ikunu awtorizzati biex jintużaw fil-produzzjoni ta’ ikel [...] organiku pproċessat.
[...]
(63) L-użu fil-produzzjoni organika ta’ ċerti prodotti jew sustanzi bħala sustanzi attivi għall-użu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [(11)], il‑fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija, in-nutrijenti, il‑komponenti mhux organiċi tan-nutrizzjoni tal-annimali ta’ oriġini diversi, l-addittivi tal-għalf, l-għajnuniet għall-ipproċessar u l-prodotti għat-tindif u d-diżinfettazzjoni jenħtieġ li jiġu limitati għall-minimu u jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-istess approċċ jiġi segwit rigward l-użu tal-prodotti u s-sustanzi bħala addittivi tal-ikel u għajnuniet għall-ipproċessar u rigward l-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat. Għaldaqstant, kull użu possibbli ta’ prodotti u sustanzi bħal dawn fil-produzzjoni organika b’mod ġenerali, u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ddefinit, soġġett għall-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament u għal ċerti kriterji.”
9. L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament 2018/848 jipprevedi:
“Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill‑agrikoltura, inkluż l-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-TFUE u għall-prodotti li joriġinaw minn dawk il‑prodotti, fejn tali prodotti jkunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnha:
[...]
b) prodotti agrikoli proċessati għall-użu bħala ikel.”
10. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1) ‘produzzjoni organika’ tfisser l-użu [...] ta’ metodi ta’ produzzjoni li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament fl-istadji kollha tal‑produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni;
2) ‘prodott organiku’ tfisser prodott li jirriżulta minn produzzjoni organika [...]. Il-prodotti tal-kaċċa jew tas-sajd ta’ annimali selvaġġi ma jitqiesux bħala prodotti organiċi;
[...]
45) ‘ikel’ tfisser ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 178/2002];
[...]
51) ‘ingredjent’ tfisser ingredjent kif definit fil-punt (f) tal‑Artikolu 2(2) tar-Regolament [Nru 1169/2011] jew għal prodotti għajr ikel, kwalunkwe sustanza jew prodott użat fil‑manifattura jew il-preparazzjoni ta’ prodotti li għadu preżenti fil-prodott lest, anke jekk f’forma mibdula;
[...]
61) ‘addittiv tal-ikel’ tfisser addittiv tal-ikel kif definit fil-punt (a) tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 1333/2008];
[...]
65) ‘għajnuna għall-ipproċessar’ tfisser għajnuna għall-ipproċessar kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 1333/2008] [...];
[...]”
11. Fi ħdan il-Kapitolu II tar-Regolament 2018/848, intitolat “Objettivi u prinċipji tal-produzzjoni organika”, l-Artikolu 7 jipprevedi:
“Il-produzzjoni tal-ikel organiku proċessat għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:
a) il-produzzjoni tal-ikel organiku minn ingredjenti agrikoli organiċi;
b) ir-restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-ikel, ta’ ingredjenti mhux organiċi b’funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi u sensorji u ta’ mikronutrijenti u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex dawn jintużaw għal limitu minimu u f’każijiet ta’ bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari biss;
c) l-esklużjoni ta’ sustanzi u metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu fir-rigward tan-natura vera tal-prodott;
[...]”
12. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:
“Għall-finijiet u l-użi msemmija fl-Artikolu 24 u l-Artikolu 25 u fl‑Anness II, fil-produzzjoni organika jistgħu jintużaw biss il-prodotti u s-sustanzi li jkunu ġew awtorizzati skont dawk id-dispożizzjonijiet, dment li l-użu tagħhom fil-produzzjoni mhux organika jkun ġie awtorizzat ukoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal‑Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni.”
13. L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament jipprevedi:
“1. L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil‑Parti IV tal-Anness II [...]
2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:
[...]
b) il-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II fir-rigward tat-tip u l‑kompożizzjoni ta’ prodotti u sustanzi li huma permessi għall-użu fl-ikel ipproċessat kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom;
[...]”
14. Skont l-Artikolu 24(2), (4) u (9) tar-Regolament 2018/848:
“2. [...] [I]l-Kummissjoni [Ewropea] tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u tal-ħmira użata bħala ikel [...] u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati f’listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:
a) bħala addittivi tal-ikel u għajnuna għall-ipproċessar;
b) bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi li għandhom jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat;
c) bħala għajnuna għall-ipproċessar għall-produzzjoni tal-ħmira u tal‑prodotti tal-ħmira.
[...]
4. L-awtorizzazzjoni tal-prodotti u tas-sustanzi msemmija fil‑paragrafu 2 għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u għall-produzzjoni ta’ ħmira użata bħala ikel [...] għandha tkun soġġetta għall-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II u għall-kriterji li ġejjin:
[...]
b) ikun impossibbli li jsir jew jiġi ppreservat l-ikel jew li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dieta previsti abbażi ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ dawk il-prodotti u s-sustanzi;
c) jistgħu jinstabu fin-natura u setgħu jkunu biss għaddew minn proċessi mekkaniċi, fiżiċi, bijoloġiċi, enzimatiċi jew mikrobiċi, ħlief f’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed kwantitajiet disponibbli ta’ prodotti jew sustanzi minn tali sorsi jew li ma jkunux ta’ kwalità tajba biżżejjed;
d) ma jkunx hemm biżżejjed kwantità tal-ingredjent organiku.
[...]
9. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi skont il-paragrafi 1 u 2 li jistgħu jintużaw fil‑produzzjoni organika b’mod ġenerali u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, u li jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal tali awtorizzazzjonijiet u l-listi ta’ tali prodotti u sustanzi u, fejn xieraq, id-deskrizzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti kompożizzjonali u l-kondizzjonijiet għall-użu.
[...]”
15. Skont il-punt 2.2.1 tal-Parti III tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, il-ġbir tal-alka selvaġġa u ta’ partijiet minnha jitqies bħala metodu ta’ produzzjoni organika skont ċertu kundizzjonijiet deskritti fid-dettall f’dan il-punt.
16. Skont il-punt 2 tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti dettaljati għall-produzzjoni tal-ikel proċessat”:
“[...]
2.2.1. Fl-ipproċessar tal-ikel jistgħu jintużaw biss l-addittivi tal-ikel, għajnuniet għall-ipproċessar u ingredjenti mhux organiċi agrikoli awtorizzati skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25 għall-użu fil‑produzzjoni organika, u l-prodotti u s-sustanzi msemmija fil‑punt 2.2.2 [...]
2.2.2. Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin:
[...]
f) minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm:
i) l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il‑vitamini, l-aċidi amminiċi jew il-mikronutrijent; jew
ii) fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:
– f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal‑Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 [(12)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal‑Artikolu 11(1) [...] għall-prodotti kkonċernati, jew
– fi prodotti rregolati mid-Direttiva [...] 2006/125/KE [(13)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.
[...]”
E. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165
17. Il-premessa 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 tistipula:
“Minħabba l-kompożizzjoni ta’ ċerti ingredjenti agrikoli mhux organiċi, uħud mill-użi tagħhom fl-ikel organiku pproċessat jistgħu jikkorrispondu għall-użi bħala addittivi tal-ikel, għajnuniet għall-ipproċessar tal-ikel jew prodotti u sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar‑Regolament [2018/848]. Dawk l-użi jeħtieġu awtorizzazzjoni speċifika f’konformità mal-punt 2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar‑Regolament [2018/848] u jenħtieġ li tali użi ma jkunux permessi permezz tal-awtorizzazzjoni ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi.”
18. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:
“Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [2018/848], il-prodotti u s-sustanzi elenkati fil-Parti A tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw bħala addittivi tal-ikel, inklużi enzimi tal-ikel li jridu jintużaw bħala addittivi tal-ikel, u għajnuniet għall‑ipproċessar fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat, diment li l-użu tagħhom ikun f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament [Nru 1333/2008] u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il‑liġi tal-Unjoni.”
19. L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2024 (14), jistipula:
“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [2018/848], l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi elenkati fil-Parti B tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat, diment li l-użu tagħhom ikun f’konformità mad‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal‑Unjoni.
L-ewwel paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti dettaljati għall-produzzjoni organika tal-ikel ipproċessat previsti fit-Taqsima 2 tal‑Parti IV tal-Anness II tar-Regolament [2018/848]. B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu ma għandux japplika għal ingredjenti agrikoli mhux organiċi li jintużaw bħala addittivi tal-ikel, għajnuniet għall-ipproċessar jew prodotti u sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament [2018/848].”
20. Il-Parti A tal-Anness V tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, intitolata “Addittivi tal-ikel u għajnuniet għall-ipproċessar awtorizzati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [2018/848]”, tinkludi, fit-taqsima A1, tabella li fiha tidher, b’mod partikolari, ir‑ringiela li ġejja:
|
Kodiċi |
Isem |
Oġġetti tal-ikel organiċi li magħhom jista’ jiżdied |
Kundizzjonijiet u limiti speċifiċi |
|
[...] |
[...] |
[...] |
[...] |
|
E 170 |
Karbonat tal‑kalċju |
prodotti li joriġinaw mill‑pjanti u mill‑annimali |
ma għandux jintuża għall-kulur jew għall‑arrikkiment tal‑kalċju fil-prodotti |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21. Lima BV hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, speċjalizzata fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi ta’ oriġini veġetali, b’mod partikolari żewġ xarbiet organiċi bbażati fuq ir‑ross u l-ħafur, rispettivament, u wieħed mill-ingredjenti karatteristiċi tagħhom huwa l‑alka Lithothamnium calcareum, miksuba minn ġbir ta’ alka selvaġġa ċċertifikata bħala organika.
22. Fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni tiegħu tat‑13 ta’ April 2023, organu ta’ stħarriġ qies li, fir-rigward tal-lithothamnium, għandha ssir distinzjoni bejn l-alka (Lithothamnium sp. Algae) u l-prodott marittimu li jirriżulta mill-kalċifikazzjoni tal-alka (mergħat ta’ maerl), b’tali mod li huma biss tal-ewwel li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “prodott agrikolu”. Huwa żied li l-għan tal-użu tal-ingredjent jipprevali fuq il-kwalità organika jew mhux organika ta’ dan tal-aħħar. Huwa kkonkluda li ż-żieda ta’ residwi ta’ lithothamnium b’kontenut għoli ta’ kalċju tikkostitwixxi tisħiħ ta’ prodotti organiċi kuntrarju għall-punt 2.2 tal-Parti IV tal‑Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, bil-konsegwenza li Lima “tittikketta u tikkummerċjalizza prodotti mhux konformi bħala prodotti organiċi”, li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura ta’ “twissija”.
23. Wara l-konferma ta’ dik id-deċiżjoni fil‑5 ta’ Mejju 2023 mill‑organu ta’ stħarriġ, Lima ressqet rikors amministrattiv kontra l‑imsemmija deċiżjoni quddiem id-Departement Landbouw en Visserij (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sajd) tal-Vlaamse Overheid (l-Awtorità Fjamminga, il-Belġju). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2023, il-kap tad-diviżjoni tas-sostenn għad-dħul fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sajd qies li ż-żieda ta’ trab miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum ma kinitx awtorizzata peress li din kellha bħala għan it-tisħiħ bil-kalċju. Dan tal-aħħar ikkonkluda li l-miżura ta’ “twissija” imposta fuq Lima kellha tinżamm u li kienet timplika li kienu biss ix-xarbiet diġà prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 2024 li setgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati b’indikazzjoni ta’ produzzjoni organika.
24. Quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), adit minn Lima b’talba għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, il-partijiet ma qablux dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għat-trab miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum iċċertifikata organika kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tas-sentenza Natumi.
25. Minn naħa waħda, skont Lima, dan it-trab għandu jiġi kkunsidrat bħala ingredjent organiku. Din il-kwalità waħidha hija suffiċjenti sabiex iż-żieda tiegħu tkun awtorizzata fi prodott tal-ikel organiku pproċessat, irrispettivament mill-profil nutrizzjonali tiegħu, skont l-Artikolu 7(a) tar‑Regolament 2018/848. Għall-Awtorità Fjamminga, dan it-trab, anki jekk iċċertifikat bħala organiku, għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-minerali li tipprojbixxi ż-żieda ta’ karbonat tal-kalċju sempliċement għat-tisħiħ bil-kalċju, skont l-Artikolu 7(b) u l-punt 2.2.1 u l-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament u l‑Parti A tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.
26. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Natumi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 889/2008 (15) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ trab miksub minn sedimenti ta’ alka Lithothamnium calcareum li huma mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, bħal xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.
27. Il-partijiet jikkontestaw il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minn dik is-sentenza fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida applikabbli għall‑fatti tal-kawża inkwistjoni.
28. Il-qorti tar-rinviju tiddubita li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata sempliċement b’analoġija peress li, fis-sentenza Natumi, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar trab mhux organiku miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li huma mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, minkejja li, f’din il-kawża, il-Lithothamnium calcareum użat għat-trab huwa ċċertifikat bħala organiku. Barra minn hekk, dik il-qorti tqis li l-leġiżlazzjoni applikabbli evolviet, b’mod partikolari permezz tal‑Artikolu 24(4)(d) tar-Regolament 2018/848 li jintroduċi kundizzjoni ġdida fir‑rigward tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti u tas-sustanzi użati fil‑produzzjoni organika, jiġifieri li l-ingredjent organiku ma jkunx disponibbli fi kwantità suffiċjenti. Hija żżid li l-lista tal-alka li jistgħu jiġu miżjuda bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola fi prodott tal‑ikel organiku pproċessat ġiet ristretta għal żewġ elementi (alka arame u alka hijiki) (16). L-imsemmija qorti tirrileva li, fid-dokument “Frequently asked questions on organic rules” (“Mistoqsijiet frekwenti dwar ir-regoli organiċi”) ippubblikat mill-Kummissjoni fit‑30 ta’ Novembru 2023 u aġġornat b’mod regolari (17), huwa indikat li l‑komponent ewlieni tal-Lithothamnium calcareum huwa l-karbonat tal‑kalċju, li huwa minerali li l-użu tiegħu fil-produzzjoni organika jeħtieġ, għalhekk, awtorizzazzjoni skont il-punt 2.2.2. tal-Parti IV tal‑Anness II tar-Regolament 2018/848, u li l-funzjoni prinċipali tiegħu fl-ikel pproċessat hija ż-żieda tal-kalċju.
29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domanda preliminari:
“Il-punti 2.2.1. u 2.2.2. tal-Parti IV tal-Anness II, tar‑Regolament [2018/848], moqrija flimkien mal-Artikoli 7(b) u (c) ta[’ dan ir]-Regolament [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trab iċċertifikat bħala organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, jaqa’ taħt il-punt 2.2.2.(f)(i) tal-Parti IV tal‑Anness II [tal-imsemmi r]egolament [...], fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum, u għalhekk huwa pprojbit peress li l-użu tal-kalċju fil-prodotti tal-ikel għall-konsum ta’ kuljum ma huwiex espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni?”
30. Lima, l-Awtorità Fjamminga, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
IV. Analiżi
31. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex jiġi eżaminat jekk teżistix restrizzjoni fuq l-użu ta’ ingredjenti organiċi ta’ oriġini agrikola fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati skont l-Artikolu 7(b) u (c) tar-Regolament 2018/848 li jistipula li fost il‑prinċipji speċifiċi applikabbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel organiku pproċessat, jeżistu, minn naħa, dak sabiex dawn jintużaw mill‑inqas possibbli u biss f’każ ta’ bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari fir-rigward ta’ addittivi tal-ikel, ta’ mikronutrijenti u ta’ għajnuniet għall-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, dak tal-esklużjoni tas-sustanzi u tal-metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu fir-rigward tan-natura vera tal-prodott. Jew, huwa biżżejjed li ingredjent ta’ oriġini agrikola jkun organiku sabiex ikun jista’ jintuża fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, peress li l-Artikolu 7(a) ta’ dan ir‑Regolament jipprevedi li prinċipju speċifiku ieħor tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati jirrigwarda l-fatt li prodotti tal-ikel organiċi jiġu prodotti minn ingredjenti agrikoli organiċi?
32. Il-ġurisprudenza diġà stabbilixxiet xi prinċipji fir-rigward tax‑xarbiet veġetali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d‑denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet irriżervati biss għall‑prodotti tal-ħalib ma jistgħux jintużaw legalment sabiex jindikaw prodott purament veġetali peress li ż-żieda ta’ indikazzjonijiet deskrittivi jew spjegattivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni ma taffettwax tali projbizzjoni (18).
33. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jistabbilixxu l-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom u jiddeċiedu taħt liema kategorija jixtiequ jikkummerċjalizzawhom. B’hekk, jekk jixtiequ jikkummerċjalizzawhom bħala suppliment tal-ikel (19), b’indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is‑saħħa (20), jew bħala prodott tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari (21), huma għandhom josservaw l-obbligi previsti fil-qasam mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, li jista’ jwassal għall-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala prodott ta’ agrikoltura organika. Id-dritt tal‑Unjoni ma jiggarantixxix li operatur ekonomiku jkun jista’ jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu taħt il-kategoriji kollha li huwa jqis vantaġġjużi sabiex jippromwovihom (22).
34. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Herbaria Kräuterparadies II (23), li ġiet wara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (24), li x-xarba inkwistjoni, ikkummerċjalizzata bħala suppliment tal-ikel, magħmula minn taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti tal-ħxejjex li ġejjin minn produzzjoni organika li magħhom żdiedu vitamini mhux veġetali u glukonat ferruż, ma setax ikollha denominazzjoni organika, jekk ma tissodisfax ir‑rekwiżiti previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2018/848, moqri flimkien mal-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II (25) tiegħu (26).
35. Fis-sentenza Natumi, li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali jinvokaw, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu, fl-ipproċessar ta’ xarbiet organiċi abbażi tas-soja u tar-ross, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju, ta’ trab miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum imnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1584, ma kienx possibbli skont dan ir‑Regolament.
36. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, effettivament, li l-alka Lithothamnium calcareum ma kinitx imsemmija fid-dispożizzjonijiet applikabbli għaż-żidiet ta’ minerali fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi (27) u li din ma “tistax, prima facie, titqies li hija mineral” (28), hija żiedet li dispożizzjonijiet oħra (29) moqrija flimkien ma’ dawn tal-aħħar kienu jipprojbixxu ż-żieda ta’ kalċju fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bħax-xarbiet abbażi tar-ross u tas-soja, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju (30). Hija kkonstatat li l-kumpannija li kienet tipproduċi dawn ix‑xarbiet irrikonoxxiet b’mod espliċitu li hija kienet tuża din l-alka minħabba l-kontenut qawwi ta’ kalċju tagħha (31) u minn dan ikkonkludiet li l-użu ta’ dan it-trab, b’kontenut qawwi ta’ kalċju b’mod naturali, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1584, ikun ifisser li tiġi evitata l-projbizzjoni ta’ użu tal-karbonat tal-kalċju għall-finijiet tat-tisħiħ bil-kalċju (32).
37. Ir-Regolament 2018/848, applikabbli għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi, iċċara l-mod kif jinteraġixxu s-sistema applikabbli għall‑ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola u dik applikabbli għall‑addittivi tal-ikel u għall-għajnuniet teknoloġiċi, fid-dawl tal‑prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament fil-qasam tal‑ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi, jiġifieri, b’mod partikolari, il-produzzjoni abbażi ta’ ingredjenti agrikoli organiċi u r-restrizzjoni tal‑użu ta’ addittivi tal-ikel.
38. Jiena inklinat inqis li s-sempliċi fatt li jintuża ingredjent ikklassifikat bħala “ingredjent agrikolu organiku” skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament 2018/848 ma huwiex biżżejjed sabiex jippermetti kwalunkwe użu tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 7(b) ta’ dan ir-regolament, jipproponi l-prinċipju ta’ restrizzjoni tal-“użu ta’ addittivi tal-ikel [...] u ta’ mikronutrijenti u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex dawn jintużaw għal limitu minimu u f’każijiet ta’ bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari biss”. B’hekk, l‑addittiv tal-ikel, anki jekk huwa ingredjent organiku ta’ oriġini agrikola, għandu jiġi analizzat skont l-użu tiegħu (bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal għan nutrizzjonali partikolari).
39. Qabelxejn għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ingredjent” huwa ddefinit fil-punt 51 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848, b’riferiment għad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, ingredjent huwa “kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l‑enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil‑manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula”. Minn dan jirriżulta li l-addittivi tal-ikel huma parti mill-ingredjenti u li l-klassifikazzjoni, mis-sentenza Natumi, tat-trab tal-alka Lithothamnium calcareum bħala “ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola” ma tipprojbixxix li dan jiġi kklassifikat ukoll bħala “addittiv tal-ikel” fis-sens tar-Regolament 2018/848.
40. Fir-rigward ta’ “addittivi tal-ikel”, dawn huma ddefiniti fil‑punt 61 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għall‑Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 1333/2008 bħala “kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil‑preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan”.
41. Ma hemmx dubju li t-trab miksub mill-alka Lithothamnium calcareum u l-karbonat tal-kalċju li huwa l-komponent prinċipali tiegħu ma humiex ikkonsmati bħala ikel fihom infushom, iżda huma miżjuda intenzjonalment u jsiru komponent mix-xarba finali (33). F’dan l-istadju tar‑raġunament tiegħi, qiegħed inħalli mal-ġenb il-kwistjoni tal-valur nutrittiv jew tal-funzjoni teknoloġika ta’ dan it-trab.
42. Madankollu, din id-definizzjoni tal-addittivi tal-ikel tipprevedi xi eċċezzjonijiet. B’hekk, ma humiex ikkunsidrati bħala addittivi tal-ikel, “l-ikel, kemm jekk niexef jew f’forma kkonċentrata, inklużi s-sustanzi aromatizzanti inkorporati waqt il-manifattura ta’ ikel kompost, minħabba fil-karatteristiċi aromatiċi, bnien jew nutrittivi tagħhom flimkien ma’ l-effett sekondarju li jagħtu l-kulur” (34). Din l-eċċezzjoni tinkludi żewġ kundizzjonijiet: li jkun prodott tal-ikel u li jintuża minħabba l-karatteristiċi aromatiċi, bnini jew nutrittivi tiegħu.
43. Konsegwentement, huwa meħtieġ li, minn naħa, jiġi stabbilit jekk it-trab inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat bħala “prodott tal-ikel”. Il-prodott tal-ikel (jew ikel) huwa ddefinit fil-punt 45 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848 b’riferiment għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 bħala “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”. Fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 2 huwa spjegat li “[dan it-terminu j]inkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament”. Din id-definizzjoni tippermetti li jiġi stabbilit li t-trab inkwistjoni huwa prodott tal-ikel sa fejn huwa sustanza li hija integrata b’mod intenzjonat fil-prodotti tal-ikel. L-ewwel kundizzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fil‑punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet hija għalhekk issodisfatta.
44. Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi ssodisfatta t-tieni kundizzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, jeħtieġ ukoll li dan it-trab jintuża minħabba l-karatteristiċi aromatiċi, bnini jew nutrittivi tiegħu. Issa, il-kunċett simili ta’ “finijiet nutrizzjonali partikolari”, mhux iddefinit, li huwa użat fl-Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848, huwa użat f’wieħed mill-prinċipji applikabbli għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati organiċi, li abbażi tiegħu l-addittivi tal-ikel jistgħu jintużaw f’tali prodotti (l-għan alternattiv l-ieħor huwa l-bżonn teknoloġiku essenzjali) (35).
45. L‑ambigwità kollha tal-kawża preżenti u tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-użu tat‑trab inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab f’dawn il-kunċetti qrib xulxin. Għaldaqstant, jekk addittiv tal‑ikel jintuża għal finijiet nutrizzjonali partikolari, dan ikun awtorizzat fil‑produzzjoni organika ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati. Barra minn hekk, jekk sustanza hija prodott tal-ikel u tintuża minħabba l-karatteristiċi aromatiċi, bnini jew nutrittivi tagħha, hija ma hijiex addittiv tal-ikel u tista’ għalhekk tintuża liberament. Għalhekk għandu jiġi stabbilit x’inhi l-funzjoni ta’ dan it-trab.
46. Lima titlob li titħalla tuża t-trab miksub mill-alka Lithothamnium calcareum għat-tisħiħ tax-xarbiet tagħha bil-kalċju, u tillimita ruħha li tindika li dan huwa ingredjent ta’ oriġina agrikola. Hija ssostni wkoll li, fis-sentenza Natumi, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat it-trab inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza sempliċement bħala “ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola” u mhux bħala “mineral”, u li, bħala konsegwenza, il-verżjoni organika ta’ dan l-ingredjent għandha tiġi aċċettata.
47. Għaldaqstant, ir-Regolament 2018/848 ma jidhirlix li jippermetti interpretazzjoni li twassal għal dan ir‑riżultat.
48. Fl-ewwel lok, f’dan ir-regolament, l-uniku riferiment għal effett nutrizzjonali għall-prodotti tal-ikel jinsab fil-punt 2.2.2 (f)(ii) tal-Parti IV fl-Anness II relatat mal-użu ta’ “minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti [...] fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir‑rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi”. Jissemmew biss xi prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 609/2013 u l-prodotti rregolati mid‑Direttiva 2006/125. Jidhirli għalhekk li huwa għal dan it‑tip speċifiku ħafna ta’ prodotti tal-ikel (maħsuba għat-trabi u għat-tfal) li jirreferi l‑Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848 meta jistipula l‑prinċipju ta’ restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-ikel biss meta jkun hemm finijiet nutrizzjonali partikolari.
49. Ir-riferimenti l-oħra għal effett nutrizzjonali jew nutrittiv fir‑Regolament 2018/848 jirrigwardaw il-produzzjoni tal-annimali (36) u l‑produzzjoni tal-pjanti (37). Jiena nqis li r-rabta bejn dawn il-finijiet nutrizzjonali jew nutrittivi kollha fil-qasam organiku tirriżulta mill-fatt li dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet fejn is-suġġett (friegħ, tarbija, annimal tat-trobbija) jew l-oġġett (il-ħamrija, il-pjanta) ma jkunx jista’, waħdu, jiżgura nutrizzjoni bbilanċjata.
50. Fit-tieni lok, il-klassifikazzjoni organika jew le tal-addittiv ma hijiex rilevanti għall-użu tal-karbonat tal-kalċju. Fil-fatt, fit-taqsima A1 tal-Parti A tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 ma huwiex spjegat li dan il-prodott għandu jiġi esklużivament minn produzzjoni organika, b’differenza minn addittivi oħra (38). Fil-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 889/2008, it-tabella tal‑addittivi tal-ikel tal-Parti A tal-Anness VIII ma kienet issemmi xejn dwar l‑oriġini organika. Dan l-obbligu li jintużaw dawn l-addittivi li jirriżultaw mill-produzzjoni organika deher mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2164, li ssostitwixxa t-tabella kkonċernata. Dan l-iżvilupp ġie rifless fl‑Artikolu 24(4) tar-Regolament 2018/848, li jipprevedi li l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ addittivi mhux organiċi hija bbażata fuq diversi prinċipji, fosthom dak li ma jkunx hemm kwantità biżżejjed tal-ingredjent organiku. B’hekk, a contrario, meta din id‑disponibbiltà teżisti, l-addittiv għandu jkun miksub mill-produzzjoni organika. L-addittivi tal-ikel jistgħu għalhekk ikunu miksuba jew mhux miksuba mill-produzzjoni organika.
51. Nara konferma ta’ din l-analiżi fir-redazzjoni tal-Artikolu 7 tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 li jispjega li, meta ingredjent agrikolu mhux organiku jintuża bħala addittiv tal-ikel, dan jaqa’ taħt is-sistema applikabbli għal dan tal-aħħar. Minkejja li d-dħul fis‑seħħ ta’ dan l-artikolu ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 2024 (39), il‑leġiżlazzjoni l-ġdida hija ċara: huwa l-għan tal-użu ta’ ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola li jiddetermina s-sistema applikabbli.
52. Fit-tielet lok, inqis li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxi żewġ sistemi separati għall-ingredjenti agrikoli mhux organiċi u l-addittivi tal-ikel. Madankollu, kif għadni kemm esponejt, is‑sistema tal-addittivi tal-ikel tapplika kemm għall-ingredjenti organiċi kif ukoll għal dawk mhux organiċi. Konsegwentement, ma hijiex il-kwalità organika tal-ingredjent li tippermetti, jekk ikun il-każ, li tiġi evitata l‑leġiżlazzjoni applikabbli għall-addittivi tal-ikel (40).
53. Fil-fatt, l-Artikolu 24(2)(a) u (b) tar-Regolament 2018/848 jistipula li “il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat [...] u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati f’listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin: [...] bħala addittivi tal-ikel u għajnuna għall‑ipproċessar; [...] [jew] bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi li għandhom jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat”.
54. Issa, fit-taqsima A1 tal-Parti A fl-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, intitolata “Addittivi tal-ikel, inkluż trasportaturi”, il-karbonat tal-kalċju huwa inkluż flimkien mal‑kundizzjoni speċifika “ma għandux jintuża għall-kulur jew għall-arrikkiment tal-kalċju fil-prodotti”. Fis-sens ta’ din il‑leġiżlazzjoni, il-karbonat tal-kalċju huwa meqjus bħala addittiv tal-ikel li ma għandux jintuża għall-kulur u lanqas għat-tisħiħ bil-kalċju. Dawn il-funzjonijiet ipprojbiti huma għalhekk ikklassifikati bħala funzjonijiet b’għan teknoloġiku, għaliex inkella l-karbonat tal-kalċju, f’tali użi, ma jkunx ikklassifikat bħala “addittiv tal-ikel”. Għall-kuntrarju, l-inklużjoni tal‑karbonat tal-kalċju fil-lista ta’ għajnuniet għall-ipproċessar (taqsima A2 tal-Parti A fl-Anness V ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni) ma fiha l-ebda kundizzjoni jew limitazzjoni speċifika.
55. Għandu jiġi nnotat li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/973 (41) għaqqad il-lista ta’ addittivi tal-ikel (taqsima A1) u l‑lista ta’ għajnuniet għall-ipproċessar (taqsima A2) tal-Parti A tal‑Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni li, “[s]kont il-funzjoni teknoloġika tagħhom fil‑prodott finali, ċerti prodotti kklassifikati bħala għajnuniet għall‑ipproċessar jenħtieġ li minflok jiġu kklassifikati bħala addittivi tal‑ikel u ċerti prodotti oħra jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala addittivi tal-ikel u bħala għajnuniet għall-ipproċessar tal-ikel skont l-użi tagħhom” (42).
56. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/973, fil-premessa 18 tiegħu, jispjega wkoll li “[f]’dik il-lista magħquda, il-kundizzjoni speċifika li l-addittiv il-‘karbonat tal-kalċju’ ma għandux jintuża għall‑kulur jew għall-arrikkiment tal-kalċju jenħtieġ li titħassar peress li r-regoli previsti fil-Parti IV, il-punti 2.2.2(c) [(43)], (d) [(44)] u (f), tal‑Anness II tar-Regolament [2018/848] diġà fihom dik il‑kundizzjoni” (45).
57. Fir-rigward tal-punt 2.2.2(f) ta’ din il-Parti IV tal-Anness II tar‑Regolament 2018/848, dan isemmi, fost dawn il-prodotti u sustanzi, “minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm [...] l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’, fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid‑dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aċidi amminiċi jew il‑mikronutrijent”. Issa, la t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l‑osservazzjonijiet tal-partijiet ma jsemmu test li jimponi ż-żieda ta’ kalċju fil-prodotti tal-ikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri xarbiet bbażati fuq ir-ross jew il-ħafur, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati (46).
58. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq din id‑dispożizzjoni sabiex tindika li l-użu tal-karbonat tal-kalċju huwa pprojbit fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi (47) billi tuża s-setgħa li jagħtiha l-Artikolu 54 tar-Regolament 2018/848 sabiex tadotta atti ddelegati sabiex temenda “il-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II fir‑rigward tat-tip u l-kompożizzjoni ta’ prodotti u sustanzi li huma permessi għall-użu fl‑ikel ipproċessat kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom”, skont l-Artikolu 16(2)(b) ta’ dan ir-regolament.
59. Għalhekk, inqis li t-trab inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kompost fil-parti l-kbira tiegħu minn karbonat tal-kalċju, għandu jiġi kkunsidrat bħala addittiv tal-ikel li l-użu tiegħu huwa pprojbit fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi mill-mument li jintuża esklużivament għat‑tisħiħ tax-xarba veġetali bil-kalċju, meta dan ma huwiex espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
V. Konklużjoni
60. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti s‑segwenti risposta għad-domanda preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju):
L-Artikolu 24(2)(a) kif ukoll il-punt 2.2.1 u l-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il‑produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/474 tas‑17 ta’ Jannar 2022, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(b) tar‑Regolament 2018/848,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
it-trab iċċertifikat bħala organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, użat għall-finijiet tat-tisħiħ bil‑kalċju fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel, huwa pprojbit inkwantu l-karbonat tal-kalċju ma jistax jintuża għal dan il-għan u l-użu tal-kalċju fil-prodotti tal-ikel għall-konsum ta’ kuljum ma huwiex espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il‑produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1; rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25; fil-ĠU 2018, L 262, p. 90; fil-ĠU 2018, L 270, p. 37; fil-ĠU 2019, L 305, p. 59; fil-ĠU 2021, L 7, p. 53; fil-ĠU 2021, L 204, p. 47; fil-ĠU 2021, L 318, p. 5; u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74).
3 Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Jannar 2022 (ĠU 2022, L 98, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/848”.
4 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU 2021, L 253, p. 13, rettifika fil-ĠU 2023, L. 112, p. 50).
5 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Natumi (C‑815/19, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Natumi”, EU:C:2021:336).
6 Regolament tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t‑tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72).
7 Regolament tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il‑produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2164 tas‑17 ta’ Diċembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 61), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 889/2008”. Dan ir-regolament ġie mħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.
8 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l‑Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L. 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L. 227, p. 5).
9 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l‑addittivi tal-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16).
10 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l‑għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal‑Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id‑Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal‑Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18; rettifiki fil-ĠU 2014, L. 331, p. 40; fil-ĠU 2016, L 266, p. 7; fil‑ĠU 2022, L. 35, p. 26; fil-ĠU 2023, L. 142, p. 41; u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229).
11 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it‑tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal‑Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).
12 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal‑Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L. 320, p. 31).
13 Direttiva tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU 2008, L 338M, p. 766, rettifika fil-ĠU 2009, L. 76M, p. 422).
14 Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.
15 Fil-verżjoni tiegħu kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat‑22 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 264, p. 1).
16 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Parti B tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.
17 Dan id-dokument huwa disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/organics-glance_fr. L‑aħħar aġġornament sar fis‑26 ta’ Jannar 2026.
18 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, TofuTown.com (C‑422/16, EU:C:2017:458, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll id-dispożittiv.
19 Fis-sens tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is‑supplimenti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1).
20 Fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9, rettifika fil-ĠU 2007, L 12, p. 3), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas‑16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU 2012, L 136, p. 1).
21 Fis-sens tad-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (ĠU 2009, L 124, p. 21), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 953/2009 tat‑13 ta’ Ottubru 2009 dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal għanijiet nutrittivi speċifiċi fl-oġġetti tal-ikel għal użi nutrittivi partikolari (ĠU 2009, L 269, p. 9).
22 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 46).
23 C‑240/23, EU:C:2024:852.
24 C‑137/13, EU:C:2014:2335.
25 Ir-redazzjoni ta’ dan il-punt 2.2.2(f) ġiet ispirata direttament mis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335).
26 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Herbaria Kräuterparadies II (C‑240/23, EU:C:2024:852, punt 85 u d-dispożittiv).
27 Ara l-Artikolu 27(1) u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008.
28 Ara s-sentenza Natumi (punt 47).
29 Ara l-Artikolu 19(2)(b) u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007.
30 Ara s-sentenza Natumi (punt 67).
31 Ara s-sentenza Natumi (punt 68).
32 Ara s-sentenza Natumi (punt 69).
33 Dan l-aħħar element ma jippermettix li dawn il-prodotti jiġu kklassifikati bħala “għajnuniet għall-ipproċessar” li għandhom jibqgħu biss fil-forma ta’ residwi fil‑prodott finali, mingħajr riskji għas-saħħa u mingħajr effetti teknoloġiċi fuq dan il-prodott. Ara d-definizzjoni fil-punt 65 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848 li jirreferi għal dik tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1333/2008.
34 Ara l-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 1333/2008.
35 Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 L-espressjoni “finijiet nutrizzjonali” hija użata fl-Artikolu 8(b); l-espressjoni “ħtiġijiet nutrizzjonali” tinsab fil-punt 1.4.1(b) tal-Parti II u fil-punt 3.1.3.1 tal‑Parti III tal‑Anness II; l-espressjoni “tendenzi nutrizzjonali” hija użata fil‑punt 1.4.1(d) tal-Parti II tal-Anness II; l-espressjoni “addittivi nutrizzjonali” hija użata fil-punt 1.5.2.3 tal-Parti II tal-Anness II; l-espressjoni “kompożizzjoni nutrizzjonali” tinsab fil-punt 3.1.3.1(b)(ii) tal-Parti III tal-Anness II, u l-espressjoni “ħtiġijiet nutrizzjonali” hija użata fil-punt 3.1.3.2(a) u l-Parti III tal-Anness II.
37 L-espressjoni “nutrijenti” hija użata fl-Artikolu 24(1)(b), fl-Artikolu 31, u fil‑punti 1.2 u 1.9.6 tal-Parti I tal-Anness III; l-espressjoni “r-rekwiżiti nutrizzjonali speċifiċi tar-raba’” tinsab fl-Artikolu 24(3)(d); l-espressjoni “riżervi nutrittivi li hemm” hija użata fil-punt 1.3(a) tal-Parti I tal-Anness II, u l-espressjoni “bżonnijiet nutrizzjonali” hija użata fil-punt 1.9.3 tal-Parti I tal-Anness II.
38 Leċitini, estratti ta’ rosmarin, gomma tal-ħarrub, gomma tal-gwar, gomma arabika, gomma tara, gomma tal-ġellan, gliċerol, xama’ tan-naħal, xama’ tal-karnauba u eritritol.
39 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
40 Ara l-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
41 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Mejju 2025 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU L, 2025/973).
42 Ara l-premessa 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/973.
43 Dwar koloranti biex jiġu ttimbrati l-laħam u l-qxur tal-bajd.
44 Dwar kulur dekorattiv tradizzjonali lill-qoxra tal-bajd mgħolli bl-intenzjoni li jitqiegħed fis-suq f’perijodu partikolari tas-sena.
45 Dan il-kliem juri b’mod ċar li l-użu tal-karbonat tal-kalċju huwa pprojbit kemm biex jagħti kulur kif ukoll għat-tisħiħ bil-kalċju.
46 Ara, b’analoġija, is-sentenza Natumi (punt 66).
47 Ara, fil-mistoqsijiet frekwenti magħmula fuq ir-regoli organiċi, iċċitati fil-punt 28 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, it-tweġiba għall-mistoqsija 12 fit-taqsima 4.5 (p. 113 u 114), li tistaqsi dwar il-possibbiltà tal-użu tal-Lithothamnium calcareum fil-produzzjoni organika ta’ prodotti tal-ikel: “Le. Il-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II tar‑Regolament [2018/848] huwa rilevanti [...] Il-komponent prinċipali tal‑Lithothamnium calcareum huwa l-karbonat tal-kalċju u l-funzjoni prinċipali tiegħu fl-ikel ipproċessat tikkorrispondi għall-provvista tal-kalċju. Konsegwentement, peress li l-karbonat tal-kalċju huwa minerali, l-użu tiegħu fil‑produzzjoni organika tirrikjedi awtorizzazzjoni skont il-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal‑Anness II tar-Regolament [2018/848]” (traduzzjoni mhux uffiċjali).