Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325(1) TFUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Proċedura ta’ responsabbiltà kontabbli – Tfittxija tal-indipendenza ta’ parti tat-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru – Liġi nazzjonali ta’ amnestija għal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi – Estinzjoni tar-responsabbiltà f’terminu massimu ta’ xahrejn, mingħajr ma jiġu evalwati l-motivi u l-provi liberatorji u mingħajr ma jinstemgħu l-partijiet kollha fil-proċedura – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Sospensjoni tal-proċeduri fil-kawża prinċipali minn qorti nazzjonali li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE”
Fil-Kawża C-523/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
Sociedad Civil Catalana, Asociación Cívica y Cultural (SCC),
Ministerio Fiscal
vs
RAS,
AAT,
IGA,
ARMG,
ANMG,
NMF,
ARM,
LBC et,
JTN,
JNB,
TPR,
OJV et,
MAB,
JMSI,
LPG,
CPO,
CPC,
ACO,
AMC,
ACJ,
FGS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, N. Piçarra, A. Kumin, M. Gavalec, S. Gervasoni, N. Fenger u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Sociedad Civil Catalana, Asociación Cívica y Cultural (SCC), minn J. R. Chapapría García de Otazo u M. de Diego Martínez, abogados,
– għall-Ministerio Fiscal, minn M. Martín‑Granizo Santamaría, fiscal,
– għal RAS, AAT, IGA, ARMG, ANMG, NMF u ARM, minn E. Centeno Ruiz, procurador, u F. Homs Molist, abogado,
– għal LBC et. u JTN, minn E. Centeno Ruiz, procurador, u M. Barnola Sarri, abogada,
– għal OJV et, minn R. Blanco, procurador, u M. Marsal Ferret, abogado,
– għal MAB, minn J. Cabré Trias, abogado,
– għal JMSI, minn I. Elbal Sánchez, abogada,
– għal LPG, CPC u ACO, minn G. Boyé Tuset, abogado,
– għal AMC, minn J. Tornos Mas, abogado,
– għal ACJ, minn M. Campa Escudero u C. Monguilod Agustí, abogados,
– għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, C. Urraca Caviedes u M. Wasmeier, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), it-tieni, tal-Artikoli 267 u 325 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, it-tielet, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-raba’, tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-ħames, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll, is-sitt, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat li huwa r-responsabbiltà tal-persuni inkarigati bl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat”) mibdija mis-Sociedad Civil Catalana, Asociación Cívica y Cultural (SCC) u l-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) kontra RAS, AAT, IGA, ARMG, ANMG, NMF, ARM, LBC et, JTN, JNB, TPR, OJV et, MAB, JMSI, LPG, CPO, CPC, ACO, AMC, ACJ u FGS, 35 ex membru tal-korpi ta’ governanza tal-Generalitat de Cataluña (il-Generalitat ta’ Cataluña, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Generalitat”), dwar il-ġestjoni, minn dawn tal-aħħar, ta’ fondi pubbliċi matul is-snin 2011 sa 2017 fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat UE
3 L-Artikolu 2 TUE huwa fformulat kif ġej:
“L-Unjoni [Ewropea] hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”
4 L-Artikolu 4(3) TUE jipprevedi:
“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.
L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu.
L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta' l-Unjoni.”
5 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinqara kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”
It-Trattat FUE
6 Skont l-Artikolu 267 TFUE:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:
(a) l-interpretazzjoni tat-Trattati;
(b) il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni.
Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.
[...]”
7 L-Artikolu 325 TFUE jipprevedi:
“1. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.
[...]”
Il-Karta
8 It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tagħha, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jinqara kif ġej:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. [...]
[...]”
L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
9 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:
“Fil-kawżi regolati mill-Artikolu 267 [TFUE], id-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal ta’ Stat Membru li jissospendu l-proċeduri tagħhom u jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi nnotifikata lill-Qorti mill-qorti jew mit-tribunal ikkonċernati. Id-deċiżjoni għandha mbagħad tiġi nnotifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu jkunu kontestati.”
Ir-Regolament Nru 2988/95
10 L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:
“‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.”
Id-dritt Spanjol
Il-Kostituzzjoni
11 L-Artikolu 136 tal-Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprovdi:
“1. It-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] hija l-korp suprem responsabbli għall-verifika tal-kontijiet u tal-ġestjoni ekonomika tal-Istat, kif ukoll tas-settur pubbliku.
Hija tiddependi direttament mill-Cortes Generales [(il-Parlament Spanjol)] u taqdi l-funzjonijiet tagħha b’delega minn dan tal-aħħar f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżami u mal-verifika tal-kont ġenerali tal-Istat.
2. Il-kontijiet tal-Istat u tas-settur pubbliku tal-Istat għandhom jiġu ppreżentati lit-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] u għandhom jiġu vverifikati minn din tal-aħħar.
[...]
3. Il-membri tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] għandhom igawdu mill-istess indipendenza u mill-istess irremovibbiltà u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli dwar l-ineliġibbiltà bħall-imħallfin.
4. Liġi organika għandha tirregola l-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)].”
Il-LOTCU
12 L-Artikolu 5 tal-Ley Orgánica 2/1982 del Tribunal de Cuentas (il-Liġi Organika 2/1982 tal-Qorti tal-Awdituri) tat‑12 ta’ Mejju 1982 (BOE Nru 121 tal‑21 ta’ Mejju 1982, p. 13290, iktar ’il quddiem il-“LOTCU”), jipprovdi li “[it-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri)] għandha taqdi l-funzjonijiet tagħha b’indipendenza sħiħa u b’osservanza tal-ordinament ġuridiku”.
13 L-Artikolu 15 tal-LOTCU jipprevedi:
“1. Il-proċedura ġudizzjarja fejn jidħlu fondi pubbliċi, li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)], għandha tiġi eżerċitata fir-rigward tal-kontijiet li għandhom jagħtu l-persuni li jirċievu, jikkontrollaw, jamministraw, iżommu, jużaw jew jimpjegaw il-beni, fondi jew assi pubbliċi.
2. Il-ġuriżdizzjoni fejn jidħlu fondi pubbliċi tkopri l-fondi jew l-assi pubbliċi, kif ukoll l-obbligi anċillari imposti bħala garanzija għall-ġestjoni tagħhom.”
14 L-Artikolu 30(2) tal-LOTCU, fil-verżjoni applikabbli tagħha, jinqara kif ġej:
“L-awdituri tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] għandhom ikunu indipendenti u irremovibbli.”
15 Skont l-Artikolu 33(1) tal-LOTCU:
“Il-membri tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] huma suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ inkapaċità, ta’ ineliġibbiltà u ta’ projbizzjoni stabbiliti fil-każ tal-imħallfin fil-Ley orgánica del Poder Judicial [(il-Liġi Organika dwar is-Setgħa Ġudizzjarja)].”
16 Skont l-Artikolu 36 tal-LOTCU:
“Il-President u l-awdituri tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom biss fil-każ li jkun intemmilhom il-mandat, fil-każ li l-Parlament Spanjol ikun laqa’ r-riżenja tagħhom, jew fil-każ ta’ inkapaċità, ineliġibbiltà jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi tal-kariga tagħhom.”
Il-LFTCU
17 L-Artikolu 24 tal-Ley 7/1988 de Funcionamiento del Tribunal de Cuentas (il-Liġi 7/1988 dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Awdituri) tal‑5 ta’ April 1988 (BOE Nru 84 tas‑7 ta’ April 1988, p. 10459, iktar ’il quddiem il-“LFTCU”), jipprovdi:
“Il-membri tat-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] għandhom jaqdu l-funzjonijiet tagħhom skont il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ dinjità inerenti fil-kariga tagħhom, għandhom jiżguraw li l-kawżi fdati lilhom jiġu ttrattati b’mod diliġenti u effettiv, jattendu għas-seduti plenarji kollha u għal-laqgħat tal-kumitati li jiġu mistiedna jattendu u ma jistgħu jittieħdu ebda passi fir-rigward tal-opinjonijiet li jkunu esprimew fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.
Il-President u l-membri huma obbligati li jirrikużaw ruħhom fil-kawżi li jikkonċernaw entitajiet li fihom ikunu pparteċipaw fi kwistjonijiet ta’ ġestjoni, ta’ konsulenza jew ta’ amministrazzjoni, jew li magħhom huma stess jew xi wieħed minn qrabathom mid-demm jew bi żwieġ sat-tieni grad kellhom xi interess.”
18 Skont l-Artikolu 60 tal-LFTCU:
“1. Il-Qorti tal-Awdituri għandha tiddeċiedi fil-limiti tal-pretensjonijiet u l-argumenti ppreżentati mill-partijiet.
2. Madankollu, jekk, fil-mument li fih jagħti d-deċiżjoni tiegħu, il-korp ta’ dik il-qorti jqis li l-kwistjoni li tkun tressqet quddiemu forsi ma tkunx ġiet debitament evalwata mill-partijiet minħabba l-fatt li raġunijiet oħra jistgħu jiġġustifikaw jew jopponu l-azzjoni għad-danni fejn jidħlu fondi pubbliċi, huwa għandu jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’dan permezz ta’ digriet li fih, filwaqt li javża li dan ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali, ifisser l-opinjoni tiegħu u jagħti lill-imsemmija partijiet l-istess terminu li ma jkunx jaqbeż l-għaxart ijiem sabiex iressqu l-argumenti tagħhom, filwaqt li jissospendi, jekk ikun hemm bżonn, it-terminu li fih għandha tingħata deċiżjoni.”
Il-LOA
19 Il-preambolu tal-Ley Orgánica 1/2024 de amnistía para la normalización institucional, política y social en Cataluña (il-Liġi Organika 1/2024 dwar l-Amnestija għan-Normalizzazzjoni Istituzzjonali, Politika u Soċjali fil-Cataluña) tal‑10 ta’ Ġunju 2024 (BOE Nru 141 tal‑11 ta’ Ġunju 2024, p. 67764, iktar ’il quddiem il-“LOA”), jipprovdi:
“I
[...]
Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-istitut tal-amnestija huwa rrikonoxxut sewwa. [...]
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew–Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339)], mhux biss tirrikonoxxi l-possibbiltà li jingħataw l-amnestiji, iżda tipprevedi wkoll li dawn għandhom l-għan li jneħħu n-natura kriminali tal-atti li għalihom dawn jingħataw, hekk li ma jkunux jistgħu jinbdew proċeduri kriminali fir-rigward tar-reat u, jekk kemm‑il darba tkun diġà ngħatat kundanna, tintemm l-eżekuzzjoni tagħha, u dan ikun ifisser, għalhekk, bħala prinċipju, li l-piena imposta ma tkunx tista’ tiġi iktar eżegwita. Iktar reċenti, fis-[sentenza tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016)], l-istess qorti stabbilixxiet il-possibbiltà li ma jitkomplewx il-proċeduri kriminali u li ma jibqgħux japplikaw il-pieni, abbażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija bis-saħħa ta’ amnestija li tirriżulta minn proċedura leġiżlattiva.
Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet il-validità u l-adegwatezza politika tal-amnestija, billi stabbilixxiet bħala limitu l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li jeżistu atti li ma jistgħux jinfirdu mill-obbligu tal-Istati li jieħdu passi kontrihom u li jissanzjonawhom (b’mod partikolari, [Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2014, Marguš vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2014:0527JUD000445510]).
Min-naħa tagħhom, kemm il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (imsejħa il-‘Kummissjoni ta’ Venezja’) iċċaraw ukoll il-validità ta’ miżuri bħall-amnestija u l-kompatibbiltà tagħhom mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kemm fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 12, kif ukoll fl-Opinjoni Nru 710/2012 (CDL-AD (2013) 009), li ngħatat fis-sessjoni plenarja tat‑8 u d‑9 ta’ Marzu 2013.
[...]
V
[...]
Min-naħa l-oħra, in-natura ta’ liġi speċjali li tagħmel, fl-interess ġenerali, eċċezzjoni mill-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ f’kuntest speċifiku, għandu jkollha bħala konsegwenza li l-qrati li, fil-mument li fih tiġi adottata din il-liġi, jiġu aditi bi proċedura li taqa’ fl-iskop ta’ din il-liġi, għandhom ineħħu minnufih il-miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet li jkunu setgħu ġew adottati, anki fejn din il-proċedura tista’ possibbilment tiġi sospiża. Fil-fatt, limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet għandha tosserva dejjem ir-rekwiżiti stabbiliti fil-[KEDB], fil-[Karta] u fil-[Kostituzzjoni], hekk li jiġi ggarantit li r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet u l-libertajiet ikunu bbażati fuq bażi legali soda.
Dan huwa konsistenti mas-sistema stabbilita fil-każ tal-eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità msemmija fl-Artikolu 163 tal-Kostituzzjoni u fil-każ tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari msemmi fl-Artikolu 267 [TFUE]. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-implimentazzjoni possibbli tal-mekkaniżmi rregolati minn dawn id-dispożizzjonijiet ma taffettwax il-validità jew l-effettività tal-liġijiet.
[...]
Fl-aħħar nett, din il-liġi tfittex li tipprovdi ċ-ċertezza legali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità u qafas legali għall-protezzjoni imparzjali tad-drittijiet fundamentali, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja li, fl-opinjoni tagħha tal‑2013, enfasizzat l-importanza li tinżamm distinzjoni ċara bejn is-setgħat leġiżlattivi u dawk ġudizzjarji fl-implimentazzjoni tal-amnestija, u dan filwaqt li tiġi ggarantita l-osservanza tal-awtonomija ġudizzjarja u tal-prinċipji demokratiċi.
VI
[...]
Skont dak li qalet il-[Kummissjoni ta’ Venezja] fl-opinjoni tagħha tal‑11 ta’ Marzu 2013, adottata matul l‑94 sessjoni plenarja tagħha, dan l-approċċ, li huwa wieħed astratt billi f’ebda każ ma jimplika evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jaqgħu fl-iskop ta’ kull waħda minn dawn l-esklużjonijiet, huwa essenzjali. Għalhekk, hija s-setgħa leġiżlattiva li għandha tistabbilixxi l-kriterji għalbiex wieħed jibbenefika mill-amnestija u hija s-setgħa ġudizzjarja li għandha tidentifika l-persuni speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ddefinit mil-leġiżlatur.
[...]
Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezja, l-atti li għalihom tista’ tingħata amnestija ġew iddefiniti b’mod preċiż u dettaljat, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. Din il-kjarifika hija importanti ħafna għal dik li hija, b’mod partikolari, il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, u tippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn atti li għalihom tista’ tingħata amnestija u atti ta’ korruzzjoni, li għalihom ma tapplikax tali miżura.
[...]”
20 L-Artikolu 1 tal-LOA, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni oġġettiv”, jipprovdi:
“1. Qiegħda tingħata amnestija għall-atti li ġejjin li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali jew amministrattiva jew għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, li saru fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet li nżammu fil-Cataluña fid‑9 ta’ Novembru 2014 u fl‑1 ta’ Ottubru 2017, tal-preparazzjoni tagħhom jew tal-konsegwenzi tagħhom, kemm‑il darba dawn ikunu saru bejn l‑1 ta’ Novembru 2011 u t‑13 ta’ Novembru 2023, kif ukoll għall-atti li ġejjin, li saru bejn dawn id-dati b’rabta ma’ dak li huwa magħruf bħala l-proċess tal-indipendenza ta’ Cataluña, anki jekk ma humiex marbuta mal-konsultazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew jekk saru wara li nżammu dawn il-konsultazzjonijiet:
(a) L-atti li saru bil-ħsieb li tintalab, li tiġi promossa jew li tinkiseb is-seċessjoni jew l-indipendenza tal-Cataluña, kif ukoll dawk li kkontribwixxew għalbiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
[...]
Dawn ikopru wkoll l-atti li saru f’kapaċità personali jew istituzzjonali bil-ħsieb li jixxerred il-proġett tal-indipendenza, li tinġabar l-informazzjoni u li tinkiseb konoxxenza dwar esperjenzi simili, jew li jinkiseb l-appoġġ ta’ entitajiet pubbliċi jew privati oħra għall-indipendenza tal-Cataluña.
Bl-istess mod, huma inklużi wkoll atti direttament jew indirettament marbuta ma’ dak li huwa magħruf bħala l-proċess tal-indipendenza tal-Cataluña jew mal-mexxejja favur l-indipendenza, u li sar minn min ikun, b’mod manifest jew dimostrabbli, għen, ikkollabora, ta parir ta’ kwalunkwe tip, irrappreżenta, ipproteġa jew pprovda sigurtà lil dawk responsabbli għall-aġir imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt, jew ġabar informazzjoni għal dan il-għan.
(b) L-atti li saru bil-ħsieb li jitlaqqgħu, jiġu promossi jew jinżammu, minn min ma kienx awtorizzat jagħmel dan, il-konsultazzjonijiet li seħħew fil-Cataluña fid‑9 ta’ Novembru 2014 u fl‑1 ta’ Ottubru 2017 jew konsultazzjonijiet li t-tlaqqigħ jew iż-żamma tagħhom ġiet iddikjarata illegali, kif ukoll l-atti li għenu sabiex isiru dawn il-konsultazzjonijiet.
[...]
(c) Atti ta’ diżubbidjenza, tkun xi tkun in-natura tagħhom, id-diżordni pubbliku, l-attakki kontra l-awtoritajiet, l-uffiċjali tagħhom u l-uffiċjali pubbliċi, jew l-atti ta’ reżistenza li jsiru bil-ħsieb li jinżammu l-konsultazzjonijiet popolari msemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jew il-konsegwenzi tagħhom, kif ukoll kull att ieħor ikklassifikat bħala reat li jsir b’intenzjoni identika.
Fi kwalunkwe każ, jitqies inkluż [...] kull att ieħor li jikkonsisti fl-adozzjoni jew fl-implimentazzjoni ta’ liġijiet, ta’ regoli jew ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet jew minn uffiċjali pubbliċi, li jkun sar bil-ħsieb li jippermetti, jiffaċilita jew isostni ż-żamma tal-konsultazzjonijiet popolari msemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu.
[...]
2. L-atti li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali jew amministrattiva jew għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi li għalihom tingħata amnestija bis-saħħa tal-paragrafu 1 huma koperti mill-amnestija, ikun xi jkun l-istadju ta’ implimentazzjoni tagħhom, inkluż l-atti preparatorji, u jkun xi jkun l-involviment tal-persuna kkonċernata, sew jekk ta’ awtur jew ta’ parteċipant.
[...]”
21 L-Artikolu 2 tal-LOA intitolat “Esklużjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (e) tiegħu:
“Fi kwalunkwe każ, huma esklużi mill-applikazzjoni tal-amnestija prevista fl-Artikolu 1:
[...]
(e) L-atti kklassifikati bħala reat li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.”
22 Skont l-Artikolu 3 tal-LOA:
“L-amnestija ddikjarata taħt din il-liġi twassal għall-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali jew amministrattiva jew tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-titolu.”
23 L-Artikolu 8 tal-LOA, intitolat “Effetti fuq ir-responsabbiltà ċivili u fuq ir-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:
“Il-miżuri kawtelatorji ordnati fl-istadju tal-istruttorja jew tal-proċedura tal-ewwel istanza [...] għandhom jitneħħew.”
24 Skont l-Artikolu 10 tal-LOA, intitolat “Ipproċessar prijoritarju u urġenti”:
“L-applikazzjoni tal-amnestija f’kull kawża hija r-responsabbiltà tal-korpi ġudizzjarji, amministrattivi jew kontabbli indikati f’din il-liġi, li għandhom jadottaw, bi prijorità u urġenza, id-deċiżjonijiet rilevanti kif titlob din il-liġi, ikun xi jkun l-istadju li fih tkun tinsab il-proċedura amministrattiva jew il-proċedura ġudizzjarja jew il-proċedura li tinvolvi kwistjonijiet relatati mal-użu tal-fondi pubbliċi kkonċernati.
Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu f’terminu massimu ta’ xahrejn, mingħajr preġudizzju għal appelli sussegwenti, li ma għandhomx effett sospensiv.”
25 L-Artikolu 13 tal-LOA, intitolat “Proċedura li tinvolvi kwistjonijiet relatati mal-użu ta’ fondi pubbliċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:
“Jekk proċedura għal konstatazzjoni ta’ responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi tkun pendenti quddiem it-Tribunal de Cuentas [(il-Qorti tal-Awdituri)] fl-ewwel istanza jew fl-appell, il-korpi kompetenti ta’ din il-qorti, wara li jkunu semgħu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u lill-entitajiet tas-settur pubbliku leżi mit-telf ta’ fondi pubbliċi marbuta mal-atti li għalihom tkun ingħatat amnestija, għandhom jagħtu deċiżjoni li permezz tagħha jeżoneraw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mir-responsabbiltà tagħhom fejn jidħlu fondi pubbliċi, u dan sakemm l-entitajiet leżi tas-settur pubbliku ma jopponux dan.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26 Fis‑17 ta’ Frar 2022 u fit‑13 ta’ April 2022, rispettivament, is-SCC u l-Uffiċċju tal-Prosekutur ippreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi kkonstatat, fil-kuntest ta’ proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat, li saret ħsara lill-assi pubbliċi tal-Generalitat u sabiex jiġi ddikjarat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma direttament responsabbli għal din il-ħsara fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi. Is-SCC u l-Uffiċċju tal-Prosekutur qegħdin jitolbu, f’dan ir-rigward, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu kkundannati jirrimborsaw lit-Teżor Pubbliku tal-Generalitat l-ammonti speċifiċi msemmija fir-rikorsi tagħhom, iddeterminati skont il-parteċipazzjoni tagħhom fid-dannu kkawżat lilu.
27 Is-SCC u l-Uffiċċju tal-Prosekutur stmaw dan id-dannu EUR 5 309 807.02 u EUR 3 429 342.43, rispettivament.
28 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-fehma tas-SCC u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, din il-ħsara rriżultat minn ċerti spejjeż li jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, l-ispejjeż sostnuti sabiex inżamm, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, referendum illegali dwar l-indipendenza tal-Cataluña, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż sostnuti għall-iżvilupp tal-“azzjoni esterna” tal-Generalitat matul is-snin 2011 sa 2017, jiġifieri bil-għan li tiġi promossa, matul dan il-perijodu, l-indipendenza tal-Cataluña fuq livell internazzjonali.
29 B’mod iktar speċifiku, l-ispejjeż sostnuti sabiex inżamm ir-referendum ikopru, essenzjalment, l-oġġetti li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ispejjeż sabiex jiġu akkwistati software u applikazzjonijiet informatiċi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ voluntiera fl-organizzazzjoni tar-referendum, it-tieni, l-ispejjeż ta’ reklamar, it-tielet, l-ispejjeż sabiex jinħoloq reġistru tal-votanti stabbiliti barra mill-pajjiż, ir-raba’, l-ispejjeż tal-posters, il-ħames, l-ispejjeż sabiex jiġi akkwistat il-materjal neċessarju għalbiex jinżamm ir-referendum (karti tal-vot, reġistru elettorali, sejħa għall-membri tal-postijiet tal-votazzjoni), is-sitt, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu ta’ bini pubbliku għar-referendum, is-seba’, l-ispejjeż marbuta mal-kampanji relatati mal-perċezzjoni tal-Generalitat barra mill-pajjiż, it-tmien, l-ispejjeż marbuta mal-istedina tal-Membri tal-Parlament Ewropew sabiex iżuru Cataluña fil-jiem qabel ir-referendum, id-disa’, l-ispejjeż marbuta mal-ingaġġ ta’ esperti u ta’ osservaturi internazzjonali.
30 Fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-iżvilupp tal-“azzjoni esterna” tal-Generalitat matul is-snin 2011 sa 2017, dawn ikopru, essenzjalment, l-oġġetti li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ispejjeż sostnuti mis-Secretaría d’Acció Exterior i Unió Europea (is-Segretarjat għall-Azzjoni Esterna u għall-Unjoni Ewropea tal-Generalitat, Spanja) bil-ħsieb li jikkummissjona rapporti dwar it-trattati internazzjonali li r-Renju ta’ Spanja huwa parti minnhom, it-tieni, l-ispejjeż sostnuti mid-diversi delegazzjonijiet tal-Generalitat barra mill-pajjiż u, it-tielet, l-ispejjeż sostnuti mill-Consejo de Diplomacia Pública de Cataluña (il-Kunsill għad-Diplomazija Pubblika ta’ Cataluña, Spanja) bil-ħsieb li jippromwovi l-proċess tal-indipendenza.
31 Matul il-fażi istruttorja tal-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat, ittieħdu miżuri provviżorji li jikkonsistu fil-ħlas ta’ garanzija ta’ EUR 4 146 274.97, fir-rigward tar-responsabbiltà għall-fatti relatati mal-ispejjeż sostnuti għalbiex inżamm ir-referendum illegali, kif ukoll fil-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja ta’ EUR 5 422 411.10, fir-rigward tar-responsabbiltà għall-fatti relatati mal-ispejjeż sostnuti għall-iżvilupp tal-“azzjoni esterna” tal-Generalitat.
32 Permezz ta’ digriet proċedurali tad‑29 ta’ Mejju 2024, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li t-trattazzjoni kienet magħluqa u l-kawża tħalliet għas-sentenza.
33 Fil‑11 ta’ Ġunju 2024, daħlet fis-seħħ il-LOA, li l-Artikolu 3 tagħha jipprevedi li l-amnestija ddikjarata taħt din il-liġi tal-aħħar twassal għall-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali jew amministrattiva jew tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi fil-kundizzjonijiet previsti fiha.
34 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija r-responsabbiltà tagħha li teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-LOA humiex issodisfatti sa fejn għandhom x’jaqsmu l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, dik il-qorti għandha dubji jekk din il-liġi hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
35 L-ewwel nett, hija tosserva li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOA, skont l-Artikolu 2(e) tagħha, tal-“atti kklassifikati bħala reat li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni” tfisser li l-atti li ma jikkostitwixxux reat, iżda li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bħal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, irregolati mill-Artikolu 1(1)(a) sa (c) tal-LOA, moqri flimkien, b’mod partikolari, mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 1, jistgħu jkunu koperti mill-amnestija. Issa, tali amnestija tista’ tkun inkompatibbli mal-interpretazzjoni wiesgħa, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kunċett ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”.
36 Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(a) sa (c) tal-LOA, moqrija flimkien, b’mod partikolari, mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 1 u mal-Artikolu 2(e) ta’ din il-liġi, jistgħu jiksru wkoll l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, inkwantu dawn jistgħu jwasslu għall-estinzjoni tar-responsabbiltà u, għalhekk, għal immunità fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi li tirriżulta mill-ġestjoni illegali tal-assi pubbliċi tal-Generalitat. Billi wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-dritt tal-Unjoni huwa li tiġi evitata l-immunità fejn jidħlu l-frodi u l-korruzzjoni, dik il-qorti qiegħda ssibha bi tqila tirrikonċilja l-effettività ta’ dan l-għan mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-LOA.
37 It-tieni, l-Artikolu 10 tal-LOA jipprevedi proċedura prijoritarja u sommarja b’terminu mandatorju ta’ xahrejn għalbiex tittieħed deċiżjoni, li minnha jistgħu jiġu ppreżentati biss appelli mingħajr effett sospensiv. Issa, fil-fehma tal-imsemmija qorti, tali dispożizzjoni tista’ tikser l-Artikolu 47 tal-Karta, inkwantu dan it-terminu mhux neċessarjament jagħmilha possibbli li jiġu adottati miżuri investigattivi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-LOA ġewx issodisfatti jew le.
38 It-tielet, l-Artikolu 13(3) tal-LOA, in fine, jissuġġetta deċiżjoni definittiva dwar l-estinzjoni tar-responsabbiltà kontabbli għall-kundizzjoni unika li ma jkun hemm ebda oppożizzjoni min-naħa tal-entitajiet leżi tas-settur pubbliku, mingħajr, madankollu, ma jipprevedi ebda mekkaniżmu fil-każ fejn il-partijiet li jkunu bdew il-proċeduri għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat jopponu dan. Issa, l-istess qorti tistaqsi jekk din ir-regola hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ġlieda effettiva u dissważiva kontra l-frodi u kontra kull attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
39 Ir-raba’, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(a) sa (c) tal-LOA, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(e) ta’ din il-liġi, jistgħu jiksru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minħabba n-natura vaga tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi.
40 Il-ħames, dan il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, kif ukoll fl-Artikolu 2 TUE.
41 Is-sitt, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk l-Artikolu 8(3) tal-LOA, li jipprevedi t-tneħħija obbligatorja tal-miżuri kawtelatorji, previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwiex kompatibbli mad-dritt għal smigħ xieraq u mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
42 Is-seba’, l-Artikolu 13(3) ta’ din il-liġi, li jipprevedi l-eżoneru mir-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi waqt il-proċeduri fl-ewwel istanza, mingħajr ma jinstemgħu l-partijiet kollha fil-proċedura, jista’ jillimita d-dritt għal smigħ xieraq tal-partijiet kollha kif ukoll l-eżerċizzju, mill-qorti tar-rinviju, tal-funzjoni ġudizzjarja tagħha.
43 It-tmien, il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3), tal-Artikolu 10 tal-Artikolu 13(3) tal-LOA, flimkien mal-preambolu ta’ din il-liġi, jimminawx l-effettività tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari msemmi fl-Artikolu 267 TFUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
44 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Ir-[Regolament Nru 2988/95] u l-Artikolu 325 TFUE (‘il-prinċipju ta’ ġlieda effikaċi u dissważiva kontra l-frodi u kull attività illegali li taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea’), kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE (il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu t-tmiem tar-responsabbiltà għal telf ta’ fondi pubbliċi stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(a), (b) u (c), tal-Artikolu 1(2), (3) u (4) u tal-Artikolu 2(e) tal-[LOA] fid-dawl tal-fatt li l-allegati responsabbiltajiet għal telf ta’ fondi pubbliċi invokati f’din il-proċedura [għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat] ‘jaffettwaw ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni’: kemm (i) fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tagħti ‘interpretazzjoni stretta’ tal-kunċett ta’ ‘protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni’ (fis-sens li dan ikopri biss dawk l-attivitajiet ta’ ġestjoni illegali mwettqa permezz ta’ fondi pubbliċi tal-Unjoni), kif ukoll (ii) fil-każ fejn ikollha tagħti ‘interpretazzjoni wiesgħa’ ta’ dan il-kunċett (fis-sens li dan ikopri wkoll dawk l-attivitajiet ta’ ġestjoni illegali mwettqa permezz ta’ fondi pubbliċi ta’ Stat Membru, iżda li għandhom jikkawżaw dannu attwali jew potenzjali għall-baġit tal-Unjoni)?
(2) Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tagħti ‘interpretazzjoni stretta’ tal-kunċett ta’ ‘protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni’, l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 10 tal-[LOA], sa fejn it-terminu perentorju ta’ xahrejn għall-għoti ta’ deċiżjoni stipulat f’din id-dispożizzjoni jmur kontra d-dritt li kull persuna għandha li tiġi ġġudikata, fl-osservanza tal-garanziji meħtieġa, f’‘terminu raġonevoli’, u jikkostitwixxi ‘pressjoni esterna’ fuq il-qorti inkwistjoni, fil-każ fejn, qabel ma tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tal-[LOA] għal din il-proċedura [għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat], hija jkollha twettaq xi tip ta’ miżura istruttorja finali sabiex tistabbilixxi l-oriġini (baġit nazzjonali jew baġit tal-Unjoni) jew id-destinazzjoni (promozzjoni tal-indipendenza tal-Cataluña barra minn Spanja matul is-snin 2011 sa 2017) tal-fondi pubbliċi użati għat-twettiq tal-ispejjeż imsemmija fid-dokumenti tar-rikorrenti?
(3) L-Artikolu 325 TFUE u r-Regolament Nru 2988/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dak li huwa previst fl-Artikolu 13(3) in fine tal-[LOA], fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni ma tirrikonoxxi ebda tip ta’ mekkaniżmu (proċedura, inċident, eċċ.) fil-każ fejn il-partijiet li ppreżentaw l-azzjoni għal telf ta’ fondi pubbliċi (f’din il-proċedura [għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat], l-entità SCC u il-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur)) jkollhom jopponu ruħhom għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà għal telf ta’ fondi pubbliċi matul il-proċedura fl-ewwel istanza, iżda teżiġi biss li l-entitajiet tas-settur pubbliku leżi (f’din il-proċedura għal telf ta’ fondi pubbliċi, il-[Generalitat], li lanqas biss ma deher biex jeżerċità l-azzjoni għal telf ta’ fondi pubbliċi u, għal din ir-raġuni, ma kienx inkluż fil-proċedura) ma jopponux tali eżenzjoni?
(4) Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, moqrija flimkien mal-Artikolu 325 TFUE u mar-Regolament Nru 2988/95, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 1(1)(a), (b) u (c) tal-[LOA], moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2), (3) u (4) tal-istess artikolu, minħabba li n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni oġġettiv, suġġettiv u ratione temporis tal-[LOA], jista’ jwassal sabiex f’din il-proċedura [għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat], din il-Qorti tal-Awdituri tiddikjara t-tmiem tar-responsabbiltajiet għal telf ta’ fondi pubbliċi li jirriżulta minn azzjonijiet li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-realtà ma kinux dawk previsti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[imsemmija liġi]?
(5) L-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dak li huwa previst fl-Artikolu 1(1)(a), (b) u (c) tal-[LOA], moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2), (3) u (4) tal-istess artikolu, u tal-preambolu tal-[LOA], peress li, b’konsegwenza tal-imsemmi nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-[imsemmija liġi], li jista’ jwassal għat-tmiem indebitu tar-responsabbiltajiet għal telf ta’ fondi pubbliċi, l-imsemmija ċirkustanza tista’ tagħti lok ukoll għal diskriminazzjonijiet jew għal inugwaljanza fir-rigward ta’ persuni li kienu ġew ikkundannati bħala responsabbli għal telf ta’ fondi pubbliċi fi proċeduri oħra separati ta’ rimbors ta’ fondi pubbliċi, li kienu jirrigwardaw fatti li seħħew fl-istess żona territorjali (il-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña) u fi ħdan il-perijodu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-[istess liġi]?
(6) L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 8(3) tal-[LOA], li jipprevedi r-revoka f’direzzjoni waħda u imperattiva tal-miżuri kawtelatorji, mingħajr ma jħalli ebda marġni ta’ deċiżjoni lill-qorti inkwistjoni, b’kuntrast ma dak li jiġri fil-kumplament tal-proċeduri ta’ rimbors ta’ fondi pubbliċi li fihom, permezz tar-riferiment magħmul fil-[LFTCU], tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-miżuri kawtelatorji previsti fil-Ley 1/2000 [...] de Enjuiciamiento Civil [(il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575)]?
(7) L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-[KEDB], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 13(3) tal-[LOA] (eżenzjoni mir-responsabbiltà għal telf ta’ fondi pubbliċi matul il-proċedura fl-ewwel istanza), sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprevedix proċedura ta’ smiegħ minn qabel għall-awtorità pubblika (minkejja l-fatt li din għandha, ex lege, locus standi fil-proċedura għal telf ta’ fondi pubbliċi) u lanqas ma tagħti lill-qorti inkwistjoni l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar dawk il-każijiet fejn il-konvenut ikun allega li ma pparteċipax fil-fatti allegati fil-konfront tiegħu, meqjus il-fatt li, f’din il-proċedura [għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat], awtorità pubblika dehret bħala korikorrent, u li wħud mill-konvenuti sostnew li ma pparteċipawx fil-fatti?
(8) L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, b’relazzjoni speċifika mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-effett sospensiv tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-effettività tad-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex kompatibbli mal-Artikoli 8(3), 10 u 13(3) tal-[LOA], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-preambolu tagħha (ara l-paragrafi għaxra u ħdax tat-Taqsima V), li sa fejn jimponu l-effettività assoluta tal-[LOA] jċaħħdu lir-risposta għad-domanda preliminari mill-effett utli tagħha u, b’dan il-mod, jiksru l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni?”
Fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, kif ukoll RAS, JTN, ANMG, AAT, NMF, IGA, ARM u ARMG essenzjalment sostnew li l-amnestiji ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
46 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk l-adozzjoni u r-revoka ta’ amnestija jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 40), dawn tal-aħħar xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
47 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri, jiġifieri, minn naħa, l-Artikoli 267 u 325 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 2988/95, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tevalwa jekk il-LOA hijiex konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
48 B’hekk, bla ħsara tal-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, ġuriżdizzjoni sabiex tinterpreta l-imsemmija dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ rinviju li sar taħt l-Artikolu 267 TFUE.
49 Sa fejn għandu x’jaqsam, b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 19 TUE, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol isostnu, madankollu, li d-domandi dwar dan l-Artikolu 19 ma jikkonċernawx sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
50 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE, li jfisser b’mod konkret il-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32, u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69), jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv f’dawn l-oqsma (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34; tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:59, punt 34).
51 Għandu jingħad ukoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirreferi għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, tkun xi tkun is-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29; tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 33, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:59, punt 35).
52 Din id-dispożizzjoni għandha, għalhekk, l-għan li tapplika, minn perspettiva sostantiva, għal kull imħallef jew qorti nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2025:109, punt 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
53 F’dan il-każ, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dispożizzjonijiet tal-LOA, atti li ma jikkostitwixxux reat, iżda li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tista’ tingħata amnestija għalihom. B’dan premess, hija qiegħda tistaqsi jekk tali interpretazzjoni hijiex kompatibbli mat-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni adottat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
54 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-possibbiltà li tapplika amnestija taħt l-Artikolu 1 tal-LOA, il-qorti tar-rinviju hija obbligata li tivverifika, skont l-Artikolu 2(e) ta’ din il-liġi, jekk l-atti inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE.
55 Dan ifisser li t-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) effettivament tista’, fil-qafas proċedurali ddefinit mil-LOA, tiddeċiedi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, u dan jimplika li dan il-qafas proċedurali għandu jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
56 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
57 Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha, minħabba li, fil-fehma tagħhom, it-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) ma hijiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, inkwantu ma teżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji, u ma hijiex indipendenti jew imparzjali.
58 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – kwistjoni li hija rregolata esklużivament mid-dritt tal-Unjoni – il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħal jekk dan l-organu ikunx twaqqaf bil-liġi, jekk ikunx permanenti, jekk il-kompetenza jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu tkunx mandatorja, jekk il-proċedura tiegħu tkunx inter partes, jekk ikunx japplika dispożizzjonijiet legali u jekk ikunx indipendenti (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen‑Göbbels, 61/65, EU:C:1966:39, p. 395; tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Madankollu, jibqa’ meħtieġ, sabiex qorti nazzjonali tkun tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun pendenti quddiemha tilwima u li l-qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (digrieti tal‑5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger, 318/85, EU:C:1986:106, punt 4, u tal‑25 ta’ April 2018, Secretaria Regional de Saúde dos Açores, C‑102/17, EU:C:2018:294, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 42).
60 F’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li t-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) ma tappartjenix lis-setgħa ġudizzjarja u li l-membri tagħha essenzjalment jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kontroll kontabbli tal-attività ekonomika u finanzjarja u ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji.
61 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li organu tar-rinviju jeżerċita tali funzjonijiet ta’ kontroll kontabbli ma jżommux milli jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE meta huwa jeżerċita, fil-kuntest li jkun ta lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, funzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Achilleion, C‑313/22, EU:C:2023:574, punt 36).
62 Sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, li l-liġi tafdah b’funzjonijiet ta’ natura differenti, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata n-natura speċifika tal-funzjonijiet, ġudizzjarji jew amministrattivi, li huwa jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk tkunx pendenti kawża quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar ikunx qiegħed jintalab jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jirriżulta li t-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) teżerċita, skont l-Artikolu 15 tal-LOTCU, funzjonijiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat.
64 Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-każ tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri).
65 Huma jsostnu, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ ħatra tal-awdituri mill-Parlament Spanjol ma fiha ebda garanzija suffiċjenti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. It-tieni, l-awditriċi li għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija qrib il-partit politiku li ma jaqbilx mal-LOA. Hija wriet nuqqas ta’ imparzjalità fir-raġunijiet għad-deċiżjoni tar-rinviju u billi organizzat l-iżvolġiment tal-proċedura fil-kawża prinċipali sabiex tkun tista’ tistenna l-adozzjoni tal-LOA u tikkontestaha fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, b’mod parallel mar-rikors kostituzzjonali ppreżentat minn dan il-partit politiku quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja). Barra minn hekk, din l-awditriċi ma għandha ebda garanzija ta’ irremovibbiltà fid-dipartiment li fih hija assenjata jew bħala membru tas-sezzjoni tal-kontenzjuż. Fl-aħħar nett, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-indipendenza tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) hija kompromessa minħabba l-fatt li l-uffiċjali investigattivi fil-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat jinħatru minn fost il-membri tal-persunal pubbliku assenjati fil-provinċja fejn ikunu seħħew l-atti inkwistjoni jew minn fost l-uffiċjali tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri).
66 Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti fil-funzjoni ġuriżdizzjonali, jagħmel parti mill-essenza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, liema drittijiet huma tal-ikbar importanza bħala garanzija li kull dritt li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jiġi protett u li l-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt, jiġu ssalvagwardjati (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
67 Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew għal kwalunkwe istanza oħra u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, hekk li tkun protetta kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
68 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-irremovibbiltà tal-membri tal-istanza kkonċernata hija garanzija inerenti fl-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, inkwantu din tfittex li tipproteġi lill-persuna minn dawk fdati bil-kompitu li jgħaddu ġudizzju (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
69 B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ irremovibbiltà, li għandha tiġi enfasizzata l-importanza kbira tiegħu, jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Għad li ma huwiex assolut, jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għall-imsemmi prinċipju biss jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawhom, u dan b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa komunement aċċettat, għalhekk, li l-membri tal-ġudikatura jistgħu jitkeċċew jekk kemm‑il darba ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, u dan b’osservanza tal-proċeduri xierqa (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
70 Il-garanzija ta’ irremovibbiltà tal-membri ta’ qorti teħtieġ, għalhekk, li l-każijiet li fihom jistgħu jitneħħew il-membri ta’ dan l-organu jkunu ddeterminati minn leġiżlazzjoni partikolari, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti fir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw f’każ ta’ tneħħija abbużiva (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
71 It-tieni aspett tar-rekwiżit ta’ “indipendenza”, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jikkonċerna l-prinċipju li l-partijiet fil-kawża u l-interessi rispettivi tagħhom fis-suġġett tat-tilwima jiġu ttrattati b’oġġettività ndaqs. Dan l-aspett jeħtieġ li tiġi osservata l-oġġettività u li ma jkun hemm ebda interess fis-soluzzjoni tat-tilwima minbarra l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
72 Fid-dawl tal-argumenti magħmula mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li s-sempliċi fatt li s-setgħa leġiżlattiva tintervjeni fil-proċess ta’ ħatra ta’ membru tal-ġudikatura la huwa tali li joħloq relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn dan tal-aħħar u s-setgħa leġiżlattiva u lanqas li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tiegħu, jekk, ladarba jkun inħatar, il-persuna kkonċernata ma tkun suġġetta għal ebda pressjoni u ma tirċevix istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
73 Għal dik li hija t-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri), l-Artikolu 136(3) tal-Kostituzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-membri ta’ din il-qorti jgawdu mill-istess indipendenza u irremovibbiltà bħall-imħallfin. L-Artikoli 30 u 36 tal-LOTCU jispeċifikaw il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ irremovibbiltà li japplikaw għal dawn il-membri. Fil-fatt, l-ewwel artikolu jipprovdi li l-awdituri tal-imsemmija qorti huma indipendenti u irremovibbli, filwaqt li t-tieni artikolu jipprevedi li l-President u l-awdituri tal-istess qorti jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom biss fil-każ li jkun intemmilhom il-mandat, fil-każ li l-Parlament Spanjol ikun laqa’ r-riżenja tagħhom, jew fil-każ ta’ inkapaċità, ineliġibbiltà jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi tal-kariga tagħhom.
74 Barra minn hekk, mill-Artikolu 24 tal-LFTCU jirriżulta li l-membri tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom skont il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ dinjità li huma inerenti fil-kariga tagħhom u li ma jistgħu jittieħdu ebda passi fir-rigward tal-opinjonijiet li jkunu esprimew fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.
75 Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-awditriċi li għamlet ir-rinviju teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha b’mod indipendenti u irremovibbli sakemm idum il-mandat tagħha ta’ disa’ snin, mingħajr ma hija suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ terzi u hija, għalhekk, protetta minn kull tip ta’ ndħil jew ta’ pressjoni esterna.
76 Għalhekk, għandu jitqies li, fid-dawl tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jibbenefikaw minnhom il-membri tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri), imfakkra fil-punti 73 sa 75 ta’ din is-sentenza, l-intervent tas-setgħa leġiżlattiva fil-ħatra tagħhom, ikkritikata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, la huwa tali li joħloq relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejniethom u s-setgħa leġiżlattiv u lanqas li jqajjem mistoqsijiet dwar l-imparzjalità tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 54 sa 56).
77 Id-dubji tal-konvenuti fil-kawża prinċipali dwar l-imparzjalità, b’mod partikolari, tal-awditriċi li għamlet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lanqas ma jwaqqgħu dubju fuq il-kwalità tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) bħala qorti.
78 Fil-fatt, l-allegazzjonijiet li l-awditriċi li għamlet dan ir-rinviju wriet preġudizzju personali kontra l-LOA, b’mod partikolari minħabba l-allegata qrubija tagħha ma’ partit politiku li jopponi din il-liġi, huma vagi u, barra dan, ma huma b’ebda mod ikkorroborati.
79 Fl-aħħar nett, sa fejn għandu x’jaqsam il-fatt li l-uffiċjali investigattivi li mexxew din l-investigazzjoni fil-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat jinħatru minn fost l-uffiċjali pubbliċi assenjati fil-provinċja fejn ikunu seħħew l-atti inkwistjoni jew minn fost l-uffiċjali tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri), għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma jwaqqax dubju fuq l-indipendenza ta’ din tal-aħħar u fuq l-awtonomija tal-membri tagħha, inkwantu dawn l-uffiċjali investigattivi ma jipparteċipawx fl-attività ġudizzjarja nnifisha, jiġifieri fid-deliberazzjonijiet. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.
80 Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fażi investigattiva tintemm meta l-uffiċjal investigattiv jiddetermina provviżorjament l-ammont tad-defiċit fl-estimi, liema ammont jiġi rreġistrat fi procès-verbal li f’ebda każ ma jorbot lid-dipartiment tat-taqsima tal-kontenzjuż tat-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri), u dan sew għal dik li hija l-kwantifikazzjoni tal-allegat dannu kif ukoll għal dik li hija d-determinazzjoni tal-persuni responsabbli, hekk li l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat tista’ tinfetaħ biss b’rikors ippreżentat mill-partijiet li jkollhom locus standi f’dan is-sens.
81 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jitqies, f’dan il-każ, li t-Tribunal de Cuentas (il-Qorti tal-Awdituri) għandha n-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Dan ifisser li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Fuq l-ammissibbiltà
82 L-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda minħabba li, fil-fehma tagħhom, din ma għandha ebda rabta mal-fatti u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, billi l-finanzjament tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña ma għandu ebda effett fuq id-dħul tal-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex, fil-fehma tagħhom, neċessarja għalbiex tiġi deċiża din it-tilwima.
83 F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari għalbiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni. Dan ifisser li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Stichting Right to Consumer Justice u Stichting App Stores Claims, C‑34/24, EU:C:2025:936, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
84 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ġiet adita bi proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat li, fil-kuntest tagħha, ġie allegat li l-ispejjeż sostnuti mill-konvenuti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal- Cataluña ppreġudikaw l-assi pubbliċi tal-Generalitat.
85 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, b’mod partikolari, jekk, imqar fin-nuqqas ta’ effett finanzjarju speċifiku fuq il-baġit tal-Unjoni, għandux jiġi kkonstatat li ġew ippreġudikati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE, fejn ikunu saru atti illegali b’rabta mal-ġestjoni tal-assi pubbliċi li jkunu qiegħdu f’periklu jew potenzjalment ippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni, inkwantu, fil-każ tal-indipendenza tal-Cataluña, dawn setgħu jaffettwaw id-dħul tal-baġit tal-Unjoni, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.
86 Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni tikkonċerna l-mertu tad-domanda magħmula u mhux l-ammissibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
87 Dan ifisser li l-ewwel domanda hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
88 L-ewwel domanda ma tikkonċernax biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE, iżda tikkonċerna wkoll dik tal-Artikolu 4(3) TUE u dik tar-Regolament Nru 2988/95. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-Artikolu 325 jikkostitwixxi manifestazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 261).
89 Min-naħa l-oħra, jidher li r-Regolament Nru 2988/95 ma japplikax f’dan il-każ, billi, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, il-miżuri u s-sanzjonijiet li jipprevedi dan ir-regolament japplikaw biss għall-irregolaritajiet li jirriżultaw minn att jew minn ommissjoni ta’ “operatur ekonomiku”. Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda indikazzjoni li, bħala membri tal-korpi ta’ governanza tal-Generalitat, il-konvenuti fil-kawża prinċipali aġixxew bħala operaturi ekonomiċi fil-kuntest tal-attivitajiet li huma s-suġġett tal-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat li nbdiet kontrihom.
90 Dan ifisser li, f’dan il-każ, għandu jiġi interpretat biss l-Artikolu 325(1) TFUE.
91 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 325(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti amnestija għal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, liema atti jkunu saru fil-kuntest ta’ attivitajiet politiċi li jfittxu li tinkiseb l-indipendenza ta’ parti tat-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, b’rabta ma’ fondi li ma jkunux joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni u li ma jkunux maħsuba għal dan tal-aħħar, għar-raġuni li din l-indipendenza tkun setgħet twassal għal tnaqqis fir-riżorsi tal-Unjoni minħabba l-kontribuzzjoni ta’ dan l-Istat Membru bbażata fuq l-introjtu domestiku gross (iktar ’il quddiem l-“IDG”).
92 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li għalkemm l-Artikolu 2(e) tal-LOA espliċitament jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “l-atti kklassifikati bħala reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea”, billi jillimita din l-esklużjoni għal atti ta’ natura kriminali biss, il-leġiżlatur nazzjonali impliċitament qies li atti li ma jikkostitwixxux reat, li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi u li huma rregolati mill-Artikolu 1(1)(a) sa (c) ta’ din il-liġi, moqrija flimkien mal-paragrafi 2 sa 4 tal-istess artikolu, jistgħu jaqgħu fl-iskop tal-amnestija minkejja li jistgħu jippreġudikaw dawn l-interessi finanzjarji.
93 Għalhekk, għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, jekk l-estinzjoni tar-responsabbiltà prevista fil-LOA tistax tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
94 Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu, permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi, il-frodi u kull attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 181, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
95 Sa fejn għandu x’jaqsam il-kunċett ta’ “interessi finanzjarji” tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE, dan tal-aħħar ma jinkludix biss id-dħul għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni, iżda wkoll l-ispejjeż koperti minn dan il-baġit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 183, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
96 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li anki irregolaritajiet li ma għandhomx impatt finanzjarju speċifiku jistgħu jaffettwaw serjament l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, hekk li l-Artikolu 325(1) TFUE jista’ jkopri mhux biss atti li effettivament jikkawżaw telf ta’ riżorsi tal-Unjoni, iżda wkoll tentattivi li jsiru tali atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 187, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din id-dispożizzjoni tkopri, għalhekk, atti li l-effett tagħhom fuq il-baġit tal-Unjoni ma jistax jiġi eskluż, billi dawn l-atti jikkonċernaw fondi li joriġinaw minn dan il-baġit jew li huma maħsuba għal dan tal-aħħar.
97 Min-naħa l-oħra, preġudizzju kkawżat lill-baġit nazzjonali biss ma jista’ jkollu ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni għaliex ikun jista’ jaffettwa l-kontribuzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat lill-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Jannar 2024, Unitatea Administrativ Teritorială Judeţul Braşov, C‑131/23, EU:C:2024:42, punt 50).
98 B’mod partikolari, effett avvers fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jistax jiġi kkonstatat abbażi biss tat-tnaqqis fl-IDG li jista’ potenzjalment jirriżulta mis-seċessjoni ta’ parti tat-territorju nazzjonali.
99 Fil-fatt, anki jekk tnaqqis fl-IDG ta’ Stat Membru minħabba s-seċessjoni ta’ parti tat-territorju tiegħu kellu jitqies li jimplika tnaqqis fil-kontribuzzjoni nazzjonali għall-baġit tal-Unjoni, dan ikun korollarju tal-fatt li t-territorju inkwistjoni u la jibqa’ suġġett għat-Trattati u la jibqa’ jikkontribwixxi finanzjarjament għall-implimentazzjoni tagħhom u lanqas ma jibqa’ jibbenefika mill-miżuri ta’ appoġġ previsti fihom. Għaldaqstant, tali tnaqqis ma jistax, minnu nnifsu, jitqies li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE.
100 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti amnestija għal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, liema atti jkunu saru fil-kuntest ta’ attivitajiet politiċi li jfittxu li tinkiseb l-indipendenza ta’ parti tat-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, b’rabta ma’ fondi li ma jkunux joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni u li ma jkunux maħsuba għal dan tal-aħħar, għar-raġuni li din l-indipendenza tkun setgħet twassal għal tnaqqis fir-riżorsi tal-Unjoni minħabba l-kontribuzzjoni ta’ dan l-Istat Membru bbażata fuq l-IDG.
Fuq it-tieni u s-seba’ domanda
Fuq l-ammissibbiltà
101 Kif diġà ġie mfakkar, essenzjalment, fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qorti tar-rinviju “tkun tista’ tagħti s-sentenza” fil-kawża li hija tkun ġiet adita biha (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 48, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
102 Għandu jkun hemm rabta bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, hekk li din l-interpretazzjoni tkun oġġettivament meħtieġa għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
103 F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, fid-deċiżjoni dwar l-estinzjoni tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi taħt il-LOA, il-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab tieħu pożizzjoni, fil-qafas proċedurali ddefinit minn din il-liġi, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, u dan ifisser li dan il-qafas proċedurali għandu jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
104 Fil-fehma ta’ din il-qorti, huwa possibbli li jiġi stabbilit li l-baġit tal-Unjoni ġie ppreġudikat permezz ta’ miżuri investigattivi addizzjonali, li, madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-LOA, imsemmija fit-tieni u s-seba’ domanda, iżommuha milli tieħu.
105 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li domandi preliminari li jfittxu li jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi in limine litis diffikultajiet proċedurali bħal dawk li potenzjalment iżommuha milli tkompli teżamina l-kawża prinċipali huma ammissibbli taħt l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 53, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 61, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
106 Hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li hija jkollha quddiemha, jekk il-miżuri investigattivi previsti jkunux neċessarji. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 134, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
107 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tispjega, sa fejn għandha x’taqsam it-tieni domanda, li t-terminu massimu ta’ xahrejn previst fil-LOA għall-applikazzjoni tal-amnestija għall-atti inkwistjoni jżommha milli tadotta l-miżuri investigattivi meħtieġa sabiex tistabbilixxi li jkunu ġew ippreġudikati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE. Id-domanda ta’ interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li saret f’dan ir-rigward tikkonċerna għalhekk speċifikament l-eżerċizzju, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġuriżdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti), C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 42).
108 Sa fejn għandha x’taqsam is-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 13(3) tal-LOA ma jipprevedix li jinstemgħu l-partijiet li jkunu fetħu l-azzjoni fl-interess ġenerali qabel ma tingħata deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà kif titlob din id-dispożizzjoni u jobbligaha tadotta din id-deċiżjoni mingħajr ma tkun tista’ tevalwa l-motivi u l-provi liberatorji sabiex tiddetermina jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkommettewx l-atti li taw lok għar-responsabbiltà tagħhom fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi.
109 Billi dawn il-kwistjonijiet dwar jekk limitazzjonijiet li l-LOA timponi fuq in-natura inter partes tal-proċedura għall-irkupru ta’ defiċit fl-estimi mhux iġġustifikat humiex kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jqumu fil-mument li fih il-qorti tar-rinviju tfittex li tissodisfa l-obbligu tagħha li teskludi kwalunkwe preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif jitlob l-Artikolu 325 TFUE, qabel ma tagħlaq il-kawża prinċipali, huma jikkostitwixxu rekwiżit oġġettiv għalbiex tingħata d-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab tagħti f’din il-kawża.
110 F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-domandi ta’ interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jidhru neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.
111 Dan ifisser li t-tieni u s-seba’ domanda huma ammissibbli.
Fuq il-mertu
112 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludix dispożizzjonijiet proċedurali ta’ liġi ta’ amnestija li jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà, liema deċiżjoni possibbilment timplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, fi żmien xahrejn, mingħajr ma jevalwaw l-motivi u l-provi liberatorji u mingħajr ma jisimgħu l-partijiet kollha fil-proċedura.
113 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li jintalbu, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li jkunu jagħmlu, għalhekk, parti mis-sistema tiegħu ta’ rimedji ġudizzjarji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Billi dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa fformulat b’termini ċari u preċiżi, minn naħa, u billi ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni, min-naħa l-oħra, huwa għandu effett dirett (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 250; tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 58; kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 119).
114 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 u l-Artikolu 13(3) tal-LOA huma inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet iżommuha milli teżerċita s-setgħat ġudizzjarji tagħha sabiex, l-ewwel nett, teskludi, permezz ta’ miżuri investigattivi addizzjonali, li l-fondi affettwati mill-irregolaritajiet ikkonstatati jkunu oriġinaw, tal-inqas indirettament, mill-baġit tal-Unjoni jew kienu maħsuba għal dan tal-aħħar, sabiex, it-tieni, tkun tista’ tevalwa l-motivi u l-provi liberatorji u sabiex, it-tielet, tisma’ lill-partijiet kollha fil-proċedura qabel ma tagħlaq din tal-aħħar.
115 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-Artikolu 47 tal-Karta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jista’ jinkiser minn kull ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, il-konstatazzjoni ta’ ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tippreżupponi l-eżistenza ta’ problemi sistemiċi li jistgħu jimminaw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali billi jqiegħdu f’periklu l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li joffri rimedji suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
116 L-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk tali problemi sistemiċi jistgħux jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet proċedurali tal-LOA inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija u tal-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw u japplikaw tali liġi.
117 Fil-fatt, fid-dawl ta’ din il-kompetenza, imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, huwa possibbli, bħala prinċipju, għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk proċedurali, għall-implimentazzjoni ta’ amnestija adottata fl-interess ġenerali.
118 Min-natura tagħhom stess, dawn il-kundizzjonijiet jidderogaw mir-regoli tad-dritt komuni, billi, bħala regola, amnestija għandha l-għan li tipprevjeni jew twaqqaf proċeduri u, f’każ li tkun diġà ngħatat kundanna, li ttemm l-eżekuzzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 93).
119 F’dan il-kuntest, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà mingħajr ma jevalwaw il-motivi u l-provi liberatorji jirriżulta mill-prinċipju nnifsu ta’ amnestija. Fejn ikun ġie stabbilit li l-aġir inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-amnestija, il-qorti adita għandha tagħlaq il-kawża permezz ta’ deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà mingħajr ma tevalwa minn qabel dawn il-motivi u dawn il-provi. L-istess japplika għall-obbligu, li ma għandu ebda sanzjoni akkoppjata miegħu, li l-kawża tingħalaq f’terminu massimu ta’ xahrejn.
120 Kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur nazzjonali għandu d-dritt jobbliga lill-qrati nazzjonali jtemmu l-proċeduri pendenti quddiemhom skont il-kundizzjonijiet previsti f’liġi ta’ amnestija.
121 Fil-fatt, id-determinazzjoni tar-regoli speċifiċi li skonthom għandha tiġi implimentata liġi ta’ amnestija teħtieġ għażliet politiċi li huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, inkwantu din timplika li l-interessi diverġenti inkwistjoni jitwieżnu abbażi ta’ numru ta’ evalwazzjonijiet.
122 F’dan il-każ, fis-sentenza tiegħu 137/2025 tas‑26 ta’ Ġunju 2025 (BOE Nru 183 tal‑31 ta’ Lulju 2025, p. 103781 (ES:TC:2025:137)), it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat, essenzjalment, li l-amnestija adottata taħt il-LOA tfittex li tnaqqas it-tensjonijiet istituzzjonali u politiċi maħluqa mit-tfittxija tal-indipendenza tal-Cataluña u li tiffaċilita proċess ta’ rikonċiljazzjoni.
123 Fid-dawl kemm tan-natura ta’ liġi ta’ amnestija bħal-LOA, li għandha l-karatteristiċi mfissra fil-punti 118 u 119 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tal-għan u tal-portata tagħha, limitati għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt politiku dwar il-proċess tal-indipendenza tal-Cataluña, huwa eskluż li r-regoli proċedurali previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 u fl-Artikolu 13(3) tal-LOA, rispettivament, jistgħu joħolqu problemi sistemiċi.
124 B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jimminaw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali billi jqiegħdu f’periklu l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li joffri rimedji suffiċjenti lill-individwi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
125 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni u għas-seba’ domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix dispożizzjonijiet proċedurali ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija li, fil-kamp ta’ applikazzjoni konkretament iddefinit ta’ din il-liġi biss, jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà, liema deċiżjoni possibbilment timplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, f’terminu massimu ta’ xahrejn, mingħajr ma jevalwaw l-motivi u l-provi liberatorji u mingħajr ma jisimgħu l-partijiet kollha fil-proċedura, billi tali dispożizzjonijiet ma jistgħux joħolqu problemi sistemiċi li jistgħu jimminaw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
Fuq is-sitt u t-tmien domanda
Fuq l-ammissibbiltà
126 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jeċċepixxi l-inammissibbiltà, minn naħa, tas-sitt domanda, li, fil-fehma tiegħu, ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tat-tmien domanda, li, fil-fehma tiegħu, hija waħda ipotetika.
127 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-obbligu tagħha, li jinkombi fuqha taħt id-dritt nazzjonali, li tadotta deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi u li tneħħi l-miżuri kawtelatorji ordnati fi żmien xahrejn, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’tali talba għal deċiżjoni preliminari, tkun għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha. Billi din id-domanda tfittex li tiżgura l-effettività tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li l-imsemmija qorti għamlet f’dan il-każ, l-eżami tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa oġġettivament meħtieġ għad-deċiżjoni li għandha tieħu l-qorti tar-rinviju.
128 Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-fatt li l-qorti tar-rinviju setgħet tressaq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u tissospendi l-proċeduri fuq il-mertu ma huwiex tali li jirrendi t-tmien domanda ipotetika. Fil-fatt, din id-domanda ma tikkonċernax l-ostakoli li jista’ jkun hemm għalbiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari, iżda tikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tal-LOA jippreġudikawx l-effett utli tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ladarba din tkun inbdiet.
129 Dan ifisser li s-sitt u t-tmien domanda huma ammissibbli.
Fuq il-mertu
130 Permezz tas-sitt u tat-tmien domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħed essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija li jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi u li jneħħu l-miżuri kawtelatorji f’terminu massimu ta’ xahrejn, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, tkun għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha.
131 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, li għandu l-għan li jiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, li jiġu żgurati l-konsistenza ta’ dan tal-aħħar, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura speċifika tad-dritt stabbilit mit-Trattati (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ ultra vires tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja–Supremazija tad-dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura torbot lill-qorti nazzjonali fejn tidħol l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija jkollha quddiemha (sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 73 u 74; tas‑6 ta’ Ġunju 2024, AVVA et (Proċess permezz ta’ vidjokonferenza fin-nuqqas ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea), C‑255/23 u C‑285/23, EU:C:2024:462, punt 36, kif ukoll tat‑12 ta’ Frar 2026, Petlichev, C‑56/25, EU:C:2026:87, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
132 Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li, fil-kawżi suġġetti għal proċedura għal deċiżjoni preliminari, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti nazzjonali tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-proċedura fuq livell nazzjonali.
133 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha l-effett li l-qorti nazzjonali tkun obbligata tiddeċiedi mingħajr il-possibbiltà li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li tistenna r-risposta ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 48).
134 Issa, obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà, previst f’liġi nazzjonali ta’ amnestija, f’terminu massimu ta’ xahrejn mingħajr il-possibbiltà li dan tal-aħħar jiġi sospiż f’każ li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari jkollu wkoll l-effett li jċaħħad lill-qorti tar-rinviju mill-possibbiltà li tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tali talba, u jneħħi, b’hekk, l-effett utli ta’ din il-proċedura.
135 Sa fejn għandha x’taqsam it-tneħħija mandatorja tal-miżuri kawtelatorji li ġew ordnati qabel, previsti fl-Artikolu 8(3) tal-LOA, il-qorti tar-rinviju tqis li minn qari ta’ din id-dispożizzjoni flimkien mal-preambolu ta’ din l-istess liġi jirriżulta li l-miżuri kawtelatorji għandhom jitneħħew anki fil-każ fejn il-proċedura nazzjonali tiġi sospiża minħabba li tkun tressqet talba għal deċiżjoni preliminari.
136 Huwa minnu li l-Gvern Spanjol irrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li t-tneħħija immedjata tal-miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(3) tal-LOA għandha ssir biss fil-każ fejn il-qorti tqis li l-fatti inkwistjoni jkunu jaqgħu fl-iskop ta’ din il-liġi, hekk li din tkun il-konsegwenza tan-natura awtomatika tal-amnestija.
137 Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha qorti nazzjonali jkollha dubji jekk liġi nazzjonali ta’ amnestija tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-konstatazzjoni li din il-liġi tapplika ma tfissirx li din il-qorti tista’ tkun obbligata tagħti l-amnestija mingħajr ma tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari li hija tkun għamlet lil din tal-aħħar. Billi, fl-istennija għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari, tiġi sospiża l-proċedura, kif jitlob l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, obbligu li jitneħħew il-miżuri provviżorji f’dan l-istadju tal-proċedura jmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE.
138 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-qorti adita b’tilwima rregolata minn dan id-dritt tkun tista’ tadotta miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata. Fil-fatt, jekk qorti nazzjonali, li tkun issospendiet il-proċeduri waqt li tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari tagħha, ma tkunx tista’ tordna miżuri provviżorji sa ma hija tieħu d-deċiżjoni tagħha wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tatha risposta, ikun imminat l-effett utli tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).
139 Dan ifisser li l-qorti nazzjonali għandha, meta tqis li jkun meħtieġ, tkun tista’ tadotta jew, jekk ikun il-każ, iżżomm fis-seħħ miżuri kawtelatorji pendenti d-deċiżjoni tagħha wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrispondiet għat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.
140 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Gvern Spanjol sostna li l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 10 u l-Artikolu 13(3) tal-LOA jistgħu jiġu interpretati li huma konsistenti mal-Artikolu 267 TFUE, hekk li, meta jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura tista’ tiġi sospiża u l-miżuri kawtelatorji jkunu jistgħu jinżammu fis-seħħ sakemm is-sospensjoni u dawn il-miżuri jibqgħu neċessarji għalbiex jiġi ggarantit l-effett utli tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.
141 Fil-każ li tiġi eskluża tali interpretazzjoni, għandu jitfakkar li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprekludi l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE għandha titwarrab mingħajr ma l-qorti kkonċernata jkollha għalfejn titlob jew tistenna li din id-dispożizzjoni nazzjonali titħassar minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).
142 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għas-sitt u għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija, inkwantu dawn jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi u jneħħu l-miżuri kawtelatorji ordnati fi stadju preċedenti tal-proċedura f’terminu massimu ta’ xahrejn, anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, tkun għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha.
Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda
143 Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex interpretazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE u tar-Regolament Nru 2988/95, moqrija flimkien, minn naħa, mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 6 tal-KEDB u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, mir-risposta għall-ewwel, għat-tieni u għas-seba’ domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma hijiex ser tintalab tapplika u la dan l-Artikolu 325 u lanqas dan ir-regolament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk li risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda ma hijiex neċessarja għalbiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi u li dawn id-domandi huma, għaldaqstant, inammissibbli.
144 Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, imsemmija fil-ħames domanda, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
145 Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, sa fejn għandha x’taqsam l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea japplikaw f’kull sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
146 F’dan il-każ, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta mitluba mill-qorti tar-rinviju.
147 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda.
Fuq l-ispejjeż
148 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 325(1) TFUE
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti amnestija għal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi, liema atti jkunu saru fil-kuntest ta’ attivitajiet politiċi li jfittxu li tinkiseb l-indipendenza ta’ parti tat-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, b’rabta ma’ fondi li ma jkunux joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni u li ma jkunux maħsuba għal dan tal-aħħar, għar-raġuni li din l-indipendenza tkun setgħet twassal għal tnaqqis fir-riżorsi tal-Unjoni minħabba l-kontribuzzjoni ta’ dan l-Istat Membru bbażata fuq l-introjtu domestiku gross.
2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix dispożizzjonijiet proċedurali ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija li, fil-kamp ta’ applikazzjoni konkretament iddefinit ta’ din il-liġi biss, jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà, liema deċiżjoni possibbilment timplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, f’terminu massimu ta’ xahrejn, mingħajr ma jevalwaw l-motivi u l-provi liberatorji u mingħajr ma jisimgħu l-partijiet kollha fil-proċedura, billi tali dispożizzjonijiet ma jistgħux joħolqu problemi sistemiċi li jistgħu jimminaw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
3) L-Artikolu 267 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali ta’ amnestija, inkwantu dawn jobbligaw lill-qrati nazzjonali jadottaw deċiżjoni ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà fejn jidħol l-użu ta’ fondi pubbliċi u jneħħu l-miżuri kawtelatorji ordnati fi stadju preċedenti tal-proċedura f’terminu massimu ta’ xahrejn, anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, tkun għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.