European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/779

31.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/779

tat-30 ta’ Marzu 2026

li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK (1).

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, il-Kunsill iqis li l-miżuri restrittivi li jinsabu fiha jenħtieġ li jiġġeddu sat-13 ta' April 2027.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li jenħtieġ li l-entrata li tikkonċerna persuna waħda msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK titneħħa, u li jiġu aġġornati l-entrati li jikkonċernaw erba' persuni u żewġ entitajiet.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/235/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6(2), id-data “13 ta' April 2026” hija sostitwita bid-data “13 ta' April 2027”;

(2)

l-Anness huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/235/oj).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK (“Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2”) huwa emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “Persuni”, titħassar l-entrata li ġejja:

“89.

SALAMI Hossein”;

(2)

fil-lista intitolata “Persuni”, l-entrati 19, 28, 59 u 78 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“19.

JAFARI-DOLATABADI Abbas

Post tat-twelid: Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1953

Sess: raġel

Jafari-Dolatabadi huwa avukat liċenzjat fil-Kamra tal-Avukati ta' Tehran. Huwa l-eks konsulent għas-Supreme Disciplinary Court for Judges (29 ta' April 2019 sa mill-inqas l-2020). Eks Prosekutur Ġenerali ta' Tehran (Awwissu 2009-April 2019). L-uffiċċju ta' Abbas Jafari-Dolatabadi akkuża għadd kbir ta' dimostranti, inkluż individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f'Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw b'Muharebeh, jew ‘mibegħda kontra Alla’, li ġġorr il-piena tal-mewt, u ċaħad il-proċess ġust tal-liġi lil dawk li kienu qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt. Bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika, l-uffiċċju tiegħu kellu wkoll fil-mira tiegħu u arresta riformisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u membri tal-media.

F'Ottubru 2018, huwa ħabbar lill-media li erba' attivisti ambjentali Iranjani li ġew arrestati kellhom jiġu akkużati bi ‘trawwim tal-korruzzjoni fid-dinja’, akkuża li ġġorr il-piena tal-mewt.

12.4.2011

28.

YASAGHI Ali-Akbar

Sess: raġel

Ali-Akbar YASAGHI huwa l-Kap tal-Fergħa 26 tal-Qorti Suprema tal-Iran.

Il-Qorti Suprema hija l-ogħla qorti fis-Sistema ġudizzjarja tal-Iran u għandha l-kompitu tal-applikazzjoni korretta tal-liġi. Il-Qorti Suprema hija responsabbli għaż-żamma ta' sentenzi minn qrati ta' livell aktar baxx li, f’termini proċedurali jew permezz tal-kontenut tagħhom, kisru b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem. Il-Qorti Suprema konsistentement tiddefendi s-sentenzi tal-piena tal-mewt u tiċħad l-isfidi kontrihom mingħajr wisq deliberazzjoni.

Ali-Akbar Yasaghi għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2011

59.

BAKHTIARI Seyyed Morteza

Post tat-twelid: Mashhad (Iran)

Data tat-twelid: 1952

Sess: raġel

Seyyed Bakhtiari huwa l-President tal-Imam Khomeini Relief Foundation (IKRF). L-IKRF hija fondazzjoni tal-karità marbuta mar-reġim involuta fil-konsenji ta' armi f'isem il-Quds Forces tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). L-IKRF tikseb parti mill-introjtu tagħha mill-qbid ta' assi minn minoranzi reliġjużi. Barra minn hekk, l-IKRF ippermettiet l-abbuż u l-isfruttament sesswali tan-nisa billi għamlet l-għajnuna għar-romol u n-nisa mhux protetti kundizzjonali fuq żwieġ temporanju ta’ dawk in-nisa.

Għalhekk Seyyed Bakhtiari huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

10.10.2011

78.

RESHTE-AHMADI Bahram

Sess: raġel

Bahram Reshte-Ahmadi huwa l-Kap tad-Direttorat Ġenerali għall-Parteċipazzjoni Pubblika u l-Kapital Soċjali tal-Ġudikatura tal-Iran. Matul il-karriera tiegħu fil-ġudikatura tal-Iran, huwa kellu pożizzjonijiet bħal Viċi Prosekutur f'Tehran, Viċi Kap tal-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Ħabs tal-Provinċja ta' Tehran u Kontrollur tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika f'Tehran. F'dawk ir-rwoli, huwa kien involut direttament fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, billi ċaħħad lill-konvenuti l-aċċess għal konsulenza legali u l-kuntatt mal-familji tagħhom. Fil-pożizzjonijiet kollha li kellu, inkluża dik attwali, huwa appoġġa s-sistema ġudizzjarja tal-Iran, li sistematikament tinjora u tikser id-drittijiet fundamentali tal-konvenuti.

Għalhekk, Bahram Reshte-Ahmadi huwa reponsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

23.3.2012”

(3)

fil-lista intitolata “Entitajiet”, l-entrati 1 u 25 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Pulizija Ċibernetika

Post: Tehran (Iran)

Sit web: http://www.cyberpolice.ir

Il-Pulizija Ċibernetika Iranjana (FATA) hija unità tal-Pulizija tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Hija għandha l-kompitu li tissorvelja l-attività online u għandha rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-media soċjali u fil-prosekuzzjoni taċ-ċittadini abbażi tal-kontenut diġitali. Fil-mira tal-FATA jisfaw ta' spiss id-dissidenti u dawk li jopponu r-reġim, kif ukoll personalitajiet kulturali importanti li ma jikkonformawx mar-rwoli stretti tas-soċjetà u tal-ġeneru, bħal artisti nisa. Il-FATA trażżan il-libertà tal-espressjoni u tinforza ċ-ċensura billi tagħlaq paġni tal-media soċjali jew tarresta individwi li jsemmgħu leħinhom jew li jippromwovu opinjonijiet li ma jappoġġawx lir-reġim. Il-FATA hija mmexxija minn Vahid Majid, li ripetutament wissa pubblikament liċ-ċittadini li anke d-diskussjonijiet ordinarji mal-qraba rigward l-iżviluppi fil-pajjiż u rigward il-politika ser jiġu mmonitorjati, u dan iqajjem klima ta' intimidazzjoni u biża'.

Il-FATA għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.3.2013

25.

Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Operational Base Karbala (Bażi Operattiva Karbala tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC))

کربلا

سپاه پاسداران انقلاب اسلامی

Indirizz: Southwest-Iran (provinces of Khusestan, Lorestan and Kohgiluyeh u Boyer-Ahmad)

Tip ta' entità: Unità militari tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

Post prinċipali ta' attività: Iran

Entitajiet assoċjati oħra: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

L-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Operational Base Karbala hija l-kwartieri ġenerali reġjonali tal-IRGC li topera fil-Lbiċ tal-Iran, u tkopri l-provinċji ta' Khusestan, Lorestan u Kohgiluyeh u Boyer-Ahmad.

L-IRGC Operational Base Karbala ripetutament rażżnet b'mod vjolenti l-protesti fir-reġjun, filwaqt li ħadmet mill-qrib mal-Ministeru tal-Intelligence (MOIS) u l-Basij forces. Immonitorjat u kellha fil-mira wkoll attivitajiet ta' minoranzi etniċi fil-provinċji.

L-IRGC Operational Base Karbala għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

23.1.2023”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/779/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)