European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2549

13.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2549

tad-9 ta’ Novembru 2026

li tawtorizza l-parteċipazzjoni fin-negozjati għal ftehim internazzjonali biex jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (l-“ITTA 2006”).

(2)

L-ITTA 2006 ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/731/UE (1) u daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2011 għal perjodu ta’ għaxar snin. L-ITTA 2006 ġie inizjalment estiż għal perjodu ta’ ħames snin u mbagħad għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin. L-ITTA 2006 ma jipprevedi l-ebda estensjoni lil hinn mis-6 ta’ Diċembru 2029.

(3)

L-ITTA 2006 għandu l-għan li jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni tal-foresti tropikali u l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli u maħsuda legalment. Għalhekk l-ITTA 2006 ikopri kwistjonijiet relatati mal-politiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif ukoll il-politiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.

(4)

In-negozjati għal ftehim internazzjonali biex jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (il-“ftehim il-ġdid”) jistgħu jsseħħu fi ħdan il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) jew fi ħdan mudell ta’ governanza alternattiv dment li l-objettivi tan-negozjati jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod effiċjenti u kosteffettiv.

(5)

Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim il-ġdid ikun identiku jew simili għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-ITTA 2006. Jenħtieġ li żidiet fil-kamp ta’ applikazzjoni jkunu ġustifikati sew u jenħtieġ li jevitaw id-duplikazzjoni ma’ strumenti jew proċessi internazzjonali oħra.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni tieħu sehem fin-negozjati għall-ftehim il-ġdid, sabiex tiżgura li huwa konformi mal-politiki tal-Unjoni, fosthom il-ġestjoni u l-konservazzjoni sostenibbli tal-foresti tropikali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-injam tropikali. Jenħtieġ li l-ftehim il-ġdid jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-pajjiżi produtturi u konsumaturi, jappoġġa l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, jippromwovi l-kummerċ legali u sostenibbli fl-injam tropikali, u jistabbilixxi qafas finanzjarju u ta’ governanza effettiv u ekwu.

(7)

Il-kwistjonijiet koperti min-negozjati jistgħu jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni kif ukoll fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Istati Membri.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni kif ukoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-politika ambjentali, sa fejn l-Unjoni tkun adottat regoli komuni li jistgħu jiġu affettwati mill-ftehim il-ġdid jew mibdula minnu.

(9)

F’konformità mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni sinċiera u unità tar-rappreżentanza esterna, u fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika fejn kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-ITTA 2006, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni regolari mal-esperti tekniċi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-esperti tekniċi u rappreżentanti fil-laqgħat bil-ħsieb li jappoġġaw il-pożizzjoni tal-Unjoni.

(10)

Il-koordinazzjoni mal-esperti tekniċi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri hija mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-kumitat speċjali kif stabbilit fl-Artikolu 218(4) TFUE.

(11)

Waqt li qed jiżviluppaw in-negozjati, id-direttivi ta’ negozjati jenħtieġ li jiġu aġġornati, jekk dan ikun meħtieġ.

(12)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid, u għan-natura tal-ftehim il-ġdid, peress li jenħtieġ li n-natura tal-ftehim il-ġdid tiġi ddeterminata f’dak l-istadju,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni fin-negozjati għal ftehim internazzjonali li jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali hija b’dan awtorizzata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kompetenza tal-Unjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan nominata n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

Id-direttivi ta’ negozjati li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan indirizzati lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Prodotti Bażiċi, li huwa b’dan deżinjat bħala l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) TFUE.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/731/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali tal-2006 (ĠU L 294, 12.11.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/731/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2549/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)